Language of document : ECLI:EU:F:2010:130

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

27 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-60/09

Gerhard Birkhoff

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Wild milqut minn marda ta’ natura gravi jew minn diżabbiltà li timpedih milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu — Talba għall-estensjoni tal-ħlas tal-allowance — Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Dħul massimu tal-wild bħala kundizzjoni għall-estensjoni tal-ħlas tal-allowance — Spejjeż deduċibbli mid-dħul imsemmi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Birkhoff, essenzjalment, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Novembru 2008, li tiċħadlu l-estensjoni, lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008, tal-ħlas tal-allowance għal wild dipendenti li kien ilu jirċievi mill-1978, abbażi tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, minħabba t-tifla tiegħu li hija milquta minn diżabbiltà.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Dritt għall-estensjoni mingħajr limitu ta’ età fil-każ tal-impossibbiltà għall-wild li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2(5))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Rifjut tal-istituzzjoni li testendi l-ħlas tal-allowance imsemmija — Perizja medika

3.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Estensjoni mingħajr limitu ta’ età fil-każ tal-impossibbiltà għall-wild li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2(5))

1.      L-allowance għal wild dipendenti tissodisfa għan ta’ ordni soċjali ġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw minn neċessità attwali u ċerta, marbuta mal-eżistenza tal-wild u l-manteniment effettiv tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, f’kull każ partikolari u fid-dawl tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-persuni kkonċernati, jekk l-għan ta’ ordni soċjali mfittex mill-ħlas tal-allowance inkwistjoni, li l-estensjoni tagħha tista’ tinkiseb abbażi tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġix sodisfatt. Isegwi li, għall-applikazzjoni tal-artikolu msemmi, hija l-amministrazzjoni kkonċernata li għandha tiddetermina, f’kull każ partikolari u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, jekk il-marda gravi jew id-diżabbiltà, li tolqot lill-wild ikkonċernat, tipprekludihx milli jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.

Għal dan il-għan, huwa mixtieq li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiżviluppaw interpretazzjoni komuni għal kunċett legali vag bħal dak tal-ħtieġa ta’ “li ma jitħalliex minħabba mard serju jew invalidità milli jaqla’ biex jgħix” skont l-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, konklużjoni approvata mill-kapijiet tal-amministrazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni tista’ sservi biss, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala “punt inizzjali” għall-evalwazzjoni ta’ kull każ inkwistjoni, u l-formulazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju oġġettiv tal-perċentwali ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fl-ewwel skala tal-grad 1 ma teżentahiex mill-obbligu li teżamina ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni.

L-ispejjeż marbuta direttament mad-diżabbiltà għandhom, bħala “ċirkustanzi partikolari”, jitnaqqsu totalment mid-dħul gross jew taxxabbli tal-wild dipendenti, liema ħaġa tista’ twassal sabiex tkun biss parti minn dan id-dħul li tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu. Isegwi li l-amministrazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni fid-dettall ta’ kull spiża li tolqot lil persuna diżabbli, sabiex tivverifika jekk din l-ispiża hijiex direttament marbuta mad-diżabbiltà inkwistjoni u, jekk dan ikun il-każ, tipproċedi bit-tnaqqis tagħha u, possibbilment, bl-għoti tal-allowance inkwistjoni.

(ara l-punti 29 sa 31, 36, 40, 42 u 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Mejju 1992, Il‑Kunsill vs Brems, C‑70/91 P, Ġabra p. I‑2973, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il‑Kummissjoni, T‑498/93, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑813, punt 38; 21 ta’ Ottubru 2003, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni, T‑302/01, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑1185, punti 40, 41, 43, 44, 47 u 48

2.      Għalkemm il-qorti tal-Unjoni diffiċilment tista’ tikkontrolla l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet mediċi tal-uffiċjali mediċi tal-uffiċċju tal-ħlas, madankollu din ma tqisx li dawn l-evalwazzjonijiet, minkejja li jkun saru f’kundizzjonijiet regolari, huma definittivi u mhux suġġetti għall-istħarriġ tagħha, abbażi tal-evalwazzjonijiet mediċi maħruġa mill-kummissjonijiet mediċi u ta’ diżabbiltà jew dawk maħruġa mit-tabib indipendenti, li l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi għall-konsultazzjoni tagħhom f’każ ta’ talba għal arbitraġġ. Ir-raġuni għal dan hija li l-evalwazzjonijiet mediċi espressi b’mod unilaterali minn tabib li jifforma parti mill-istituzzjoni, bħall-uffiċjal mediku ta’ uffiċċju tal-ħlas, ma jagħtux l-istess garanziji ta’ bilanċ bejn il-partijiet u ta’ oġġettività bħall-evalwazzjonijiet imwettqa mill-kummissjonijiet mediċi u ta’ diżabbiltà, fid-dawl tal-kompożizzjoni tagħhom.

Din hija r-raġuni għalfejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita, fuq ir-rifjut tal-istituzzjoni li testendi l-ħlas tal-allowance għal wild dipendenti, bħal fuq parir tal-uffiċjal mediku ta’ uffiċċju tal-ħlas li jikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, il-bażi tar-rifjut, stħarriġ, għalkemm ristrett, iżda li jestendi għall-iżball ta’ fatt, għall-iżball ta’ liġi, u għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 48 u 49)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Mejju 1981, Morbelli vs Il‑Kummissjoni, 156/80, Ġabra p. 1357, punti 15 sa 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Mejju 2000, Pipeaux vs Il‑Parlament, T‑34/99, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑337, punti 29 u 30; 12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑191/01, ĠabraSP p. I‑A‑147 u II‑659, punti 64 sa 78; 23 ta’ Novembru 2004, O vs Il‑Kummissjoni, T‑376/02, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1595, punt 29; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Mejju 2007, López Teruel vs UASI, F‑99/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑147 u II‑A‑1‑797, punti 74 sa 76; 18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑243 u II‑A‑1‑1345, punti 40 sa 50

3.      Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabbiltà hija intiża sabiex timplementa l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuna diżabbli u persuna mhux diżabbli f’sitwazzjoni simili, sabiex il-persuna diżabbli tkun tista’ tipparteċipa hija wkoll fil-ħajja soċjali u/jew professjonali. Isegwi li l-azzjoni favur persuna diżabbli ma hijiex skop minnha nnifisha, iżda miżura intiża sabiex jiġi żgurat l-ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, azzjoni favur persuna diżabbli hija awtorizzata biss jekk tkun intiża sabiex toħloq l-ugwaljanza fit-trattament ma’ persuna mhux diżabbli f’sitwazzjoni simili. Għalkemm għandu jiġi mfaħħar l-isforz ta’ persuna diżabbli li tipprova twettaq karriera atipika u dinamika, il-qafas legali tal-benefiċċji soċjali, fl-istat attwali tar-Regolamenti tal-Persunal, jippermetti biss li din il-persuna tikseb il-mezzi li jistgħu jpattu għall-iżvantaġġi pekunjarji li jirriżultaw direttament mid-diżabbiltà tagħha. L-affermazzjoni li l-iskop tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jestendi wkoll għal miżuri li jwasslu għat-tkabbir tal-persuna diżabbli fil-ħajja soċjo-professjonali tagħha tmur lil hinn mill-għan imfittex mill-artikolu msemmi. Tali miżuri favur persuni diżabbli jmorru lil hinn mill-kuntest tal-allowance għal wild dipendenti, hekk kif inhu delimitat mit-Taqsima 1, intitolata “L-Allowance tal-Familja” tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 51)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, Ġabra p. I‑5603, punt 47; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Birkhoff vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48