Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fis-6 ta’ Frar 2020 – UH vs Minister for Agriculture, Food and the Marine, l-Irlanda u l-Attorney General

(Kawża C-64/20)

Lingwa tal-kawża: l-Irlandiż

Qorti tar-rinviju

High Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UH

Konvenuti oħra fil-proċedura: Minister for Agriculture, Food and the Marine, l-Irlanda u l-Attorney General

Domandi preliminari

Qorti nazzjonali għandha setgħa diskrezzjonali li tirrifjuta l-għoti ta’ miżura minkejja d-deċiżjoni tagħha li d-dritt nazzjonali ma ttrasponiex element partikolari ta’ direttiva tal-Unjoni Ewropea (UE) u, fil-każ li l-qorti għandha setgħa diskrezzjonali, liema huma l-fatturi xierqa li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ din is-setgħa diskrezzjonali u/jew tista’ l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-istess fatturi li kienet tikkunsidra li kieku kienet qegħda teżamina ksur tad-dritt nazzjonali?

Il-prinċipju ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni jkun imminat fil-każ li l-qorti nazzjonali tirrifjuta l-għoti tal-miżura mitluba f’dan il-każ minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/61 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 (li l-applikazzjoni tiegħu hija ddifferita sat-28 ta’ Jannar 2022), minkejja l-fatt li l-qorti nazzjonali ddeċidiet li d-dritt ma implimentax l-obbligu previst fl-Artikolu 61(1), fl-Artikolu 58(4) u fl-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2001/82/KE2 , li jipprovdi li l-ippakkjar u l-ittikkettar ta’ prodotti mediċinali veterinarji għandhom ikunu bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru, jiġifieri fl-Irlanda, kemm bl-Irlandiż kif ukoll bl-Ingliż?

____________

1 Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU 2019, L 4, p. 43).

2 Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3).