Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-15 ta’ Settembru 2020 – X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-459/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, meta huwa jkollu wild minuri dipendenti, ċittadin tal-Unjoni, u meta dan il-minuri jkun jinsab f’relazzjoni effettiva ta’ dipendenza ma’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn il-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità tiegħu, meta dan tal-aħħar jirrisjedi barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew tal-Unjoni u/jew qatt ma rrisjeda fit-territorju tal-Unjoni, b’tali mod li l-minuri li huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi de facto rrifjutat l-aċċess għat-territorju tal-Unjoni?

(a) Iċ-ċittadini tal-Unjoni (minuri) huma obbligati li jinvokaw l-eżistenza jew il-possibbiltà ta’ interess fl-eżerċizzju tad-drittijiet li huma jibbenefikaw minnhom skont din iċ-ċittadinanza?

(b) F’dan ir-rigward, x’importanza għandha tingħata lill-fatt li minuri li huma ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux ġeneralment jinvokaw id-drittijiet tagħhom huma stess u lanqas ma għandhom vuċi f’dak li jikkonċerna l-post ta’ residenza tagħhom, iżda fuq dan il-punt jiddependu fuq il-ġenitur(i) tiegħu/tagħhom, u li dan ikun jista’ jimplika li talba tkun tista’ ssir f’isem minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni, filwaqt li jista’ jkun li dan imur kontra l-interessi l-oħra tiegħu fis-sens, fost oħrajn, tas-sentenza Chavez-Vilchez 1  ?

Dawn id-drittijiet huma assoluti, fis-sens li ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda ostakolu jew l-Istat Membru li l-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu għandu saħansitra obbligu pożittiv li jagħmel possibbli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet?

(a) Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bħal dik prevista fl-ewwel domanda, għandha tingħata importanza determinanti, minn naħa, lill-kwistjoni dwar jekk il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, qabel l-applikazzjoni għad-dritt ta’ residenza jew qabel id-deċiżjoni li permezz tagħha dan id-dritt ġie miċħud, jew qabel il-mument li fih qorti (nazzjonali) għandha tiddeċiedi fi proċeduri ġudizzjarji li tressqu minħabba dak ir-rifjut, huwiex responsabbli jew le għall-kura ta’ kuljum tal-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk kienx hemm persuni oħra li kienu responsabbli għall-kura ta’ kuljum fil-passat u/jew jistgħu (jibqgħu) jkunu responsabbli għaliha?

F’dan ir-rigward, jista’ jkun mistenni minn minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni, sabiex jeżerċita konkretament id-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni, li huwa jistabbilixxi ruħu fit-territorju tal-Unjoni mal-ġenitur l-ieħor tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, minkejja li dan il-ġenitur possibbilment ma għadx għandu l-kustodja ta’ dan il-minuri?

Fl-affermattiv, jagħmel għalhekk differenza jekk il-ġenitur ħax ħsieb jew le u/jew ħax responsabbiltà tal-kustodja u/jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja u affettiva tal-minuri u jekk effettivament huwiex lest jew le li jieħu din ir-responsabbiltà u/jew il-kura tal-minuri?

Jekk kellu jiġi stabbilit li l-ġenitur, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu l-kustodja esklużiva tal-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni, dan ifisser li għandha tingħata inqas importanza lill-kwistjoni dwar ir-responsabbiltà legali, finanzjarja u/jew affettiva?

____________

1     C-133/15, EU:C:2017:354