Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea Hovrätt (L-Isvezja) fl-14 ta’ Ġunju 2019 – Östgötatrafiken AB vs Patent- och registreringsverket

(Kawża C-456/19)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea Hovrätt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Östgötatrafiken AB

Parti oħra fil-proċedura: Patent- och registreringsverket

Domandi preliminari

Id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks 1 , u huma dawn li ġejjin:

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri servizzi u li tikkonsisti f’sinjal imqiegħed f’ċerta pożizzjoni u li jkopri partijiet kbar minn wiċċ l-oġġetti materjali użati għall-provvista tal-imsemmija servizzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat sa liema punt it-trade mark ma hijiex indipendenti mid-dehra tal-imsemmija oġġetti?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv, hemm bżonn li sabiex it-trade mark titqies li għandha karattru distintiv hija tmur lil hinn, b’mod sinjifikattiv, min-norma u mill-abitudnijiet tas-settur ekonomiku kkonċernat?

____________

1 ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5.