Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2020 minn Nord Stream 2 AG mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-20 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-526/19, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża C-348/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Nord Stream 2 AG (rappreżentanti: L. Van den Hende, advocaat, M. Schonberg, Solicitor, J. Penz-Evren, J. Maly, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-526/19 Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, b’mod partikolari l-punti 1, 3, 4 u 6 tad-dispożittiv;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-istat tal-proċedura hekk jippermetti, li tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibilità, tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar il-mertu jew, sussidjarjament, tiddikjara l-miżura kkontestata li huwa ta’ inċidenza diretta għall-appellanti u tirreferi l-każ lura lill-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar inċidenza individwali jew li tgħaqqad din il-kwistjoni mal-mertu; u

tordna lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew ibatu l-ispejjeż tal-appellanti, inklużi l-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta applikat ir-rekwiżit ta’ interess dirett u meta kkonstatat li l-appellanti ma kellhiex locus standi fir-rigward tal-azzjoni tagħha għall-annullament tad-Direttiva (UE) 2019/692 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva li temenda”):

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li direttiva, inkluża d-direttiva li temenda, ma tistax minnha nfisha, qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni jew l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ operatur, li effettivament jeskludi kwalunkwe rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta evalwat il-kwistjoni tad-diskrezzjoni tal-Istat Membru f'termini kompletament ġenerali u mingħajr ma eżaminat x'inhu l-impatt ta’ kwalunkwe diskrezzjoni speċifikament fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u fid-dawl tas-suġġett tar-rikors tagħha.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tat-talbiet tal-Kunsill biex jitneħħew ċerti dokumenti mill-proċess tal-kawża u fl-aċċetazzjoni tat-talbiet tiegħu. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta wettqet l-evalwazzjoni tagħha kompletament taħt il-qafas tar-Regolament Nru 1049/2001 2 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti filwaqt li naqset milli tikkunsidra jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux manifestament rilevanti għad-determinazzjoni tat-tilwima. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball meta applikat il-qafas restrittiv stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi speċifiċi u akuti tal-Kawżi L-Ungerija vs Il-Kummissjoni u Is-Slovenja vs Il-Kroazja 3 , għal sitwazzjonijiet oħra ta’ natura fundamentalment differenti. Finalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi tat piż sinjifikattiv lill-eżistenza tal-arbitraġġ separat imressaq mill-appellanti skont it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, li mhix relevanti għall-evalwazzjoni tagħha fuq ebda bażi, anki skont ir-Regolament 1049/2001.

____________

1 Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1).

2 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

3 Digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L-Ungerija vs Il-Parlament, C-650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438; sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is-Slovenja vs Il-Kroazja, C-457/18, EU:C:2020:65.