Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) vs Kyocera, li kienet Kyocera Mita Deutschland GmbH, Epson Deutschland GmbH, Xerox GmbH (C-457/11), Canon Deutschland GmbH (C-458/11) et Fujitsu Technology Solutions GmbH (C-459/11), Hewlett-Packard GmbH (C-460/11) vs Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)

(Kawżi magħquda C-457/11 sa C-460/11) 1

(Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Dritt ta’ riproduzzjoni – Kumpens ġust – Kunċett ta’ ‛Riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti’ – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi disponibbli intiżi sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-atti mhux awtorizzati – Konsegwenzi ta’ awtorizzazzjoni espliċita jew impliċita għal riproduzzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort), Fujitsu Technology Solutions GmbH (C-459/11), Hewlett-Packard GmbH (C-460/11)

Konvenuti: Kyocera, li kienet Kyocera Mita Deutschland GmbH, Epson Deutschland GmbH, Xerox GmbH (C-457/11), Canon Deutschland GmbH (C-458/11), Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesgerichtshof - Interpretazzjoni tad Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) - Dritt ta’ riproduzzjoni - Kunċett ta’ “Riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” li jinsab fl-Artikolu 5(2)(a) tal-istess direttiva - Inklużjoni possibbli ta’ riproduzzjonijiet magħmula permezz ta’ printers u ta’ plotters

Dispożittiv

Għal dak li jirrigwarda l-perijodu bejn it-22 ta’ Ġunju 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, u t-22 ta’ Diċembru 2002, id-data meta skada t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-atti ta’ użu ta’ xogħlijiet u ta’ materjal ieħor protett ma humiex affettwati mill-imsemmija direttiva.

Fil-kuntest ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, kwalunkwe att potenzjali li permezz tiegħu detentur tad-drittijiet ikun awtorizza r-riproduzzjoni ta’ xogħlu jew ta’ materjal ieħor protett ma għandu ebda impatt fuq il-kumpens ġust, kemm jekk dan ikun previst fuq bażi obbligatorja kemm jekk fakultattiva, skont id-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-direttiva.

Il-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, ma tistax trendi inapplikabbli l-kundizzjoni relatata mal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

Il-kunċett ta’ “riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effettiˮ, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkorpora r-riproduzzjonijiet miksuba permezz ta’ printers u ta’ kompjuter personali, fil-każ fejn dawn l-apparati jintużaw flimkien. F’tali ipoteżi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema fejn il-kumpens ġust jitħallas mill-persuni li jkollhom apparat li, b’mod awtonomu, jikkontribwixxi għall-proċess uniku ta’ riproduzzjoni tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor protett fuq mezz partikolari, sa fejn dawn il-persuni jkollhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ħlas fuq il-klijenti tagħhom, bil-kundizzjoni li l-ammont globali tal-kumpens ġust dovut inkambju tal-preġudizzju subit mill-awtur wara tali proċess uniku ma għandux ikun essenzjalment differenti minn dak iffissat għar-riproduzzjoni miksuba permezz ta’ apparat wieħed.

____________

1 ĠU C 362, 10.12.2011.