Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fid-29 ta’ Jannar 2019 – Star Taxi App SRL vs Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul Bucureşti prin Primar General, Consiliul General al Municipiului Bucureşti

(Kawża C-62/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Star Taxi App SRL

Konvenuti: Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul Bucureşti prin Primar General, Consiliul General al Municipiului Bucureşti

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE 1 (Artikolu 1(2)) kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE 2 , u tad-Direttiva 2000/31/KE 3 (Artikolu 2(a)), li abbażi tagħhom is-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa “servizz […] ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li attività bħal dik eżerċitata minn Star Taxi App SRL (jiġifieri s-servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, tal-klijenti tat-taksi max-xuffiera tat-taksi) għandha titqies bħala servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-ekonomija kollaborattiva (peress li Star Taxi App SRL ma tissodisfax il-kriterji sabiex titqies bħala trasportatur li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-punt 39 tas-sentenza C-434/15, b’riferiment għal Uber)?

Fil-każ li [l-applikazzjoni ta’] Star Taxi App SRL titqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31/KE, tal-Artikoli 9, 10 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE 4 , kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE iwasslu għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attività ta’ Star Taxi App SRL? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik tal-Artikoli I, II, III, IV u V tal-Hotărârea Consiliului General al Municipiului București (Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Komun ta’ Bukarest; iktar ’il quddiem il-“HCGMB”) n. 626/19.12.2017, li temenda u tissupplimenta l-HCGMB n. 178/2008 li tapprova r-regolament qafas, l-ispeċifikazzjonijiet u l-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ ġestjoni ddelegata għall-organizzazzjoni u għall-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku ta’ trasport lokali permezz ta’ taksi?

Fil-każ li d-Direttiva 2000/31/KE hija applikabbli għas-servizz mogħti minn Star Taxi App SRL, ir-restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq il-libertà li jiġi pprovdut servizz elettroniku, billi jissuġġettaw is-servizz għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzja, jikkostitwixxu miżuri validi li jidderogaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-istess direttiva?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 5 jipprekludu l-adozzjoni, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, ta’ leġiżlazzjoni bħal dik fl-Artikoli I, II, III, IV u V tal-HCGMB n. 626/19.12.2017, li temenda u tissupplimenta l-HCGMB n. 178/2008 li tapprova r-regolament qafas, l-ispeċifikazzjonijiet u l-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ ġestjoni ddelegata għall-organizzazzjoni u għall-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku ta’ trasport lokali permezz ta’ taksi?

____________

1 Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 337).

2 Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).

3 Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

4 Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

5 Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1)