Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Greċja) fit-28 ta’ Marzu 2019 – RM, SN vs Agrotiki Trapeza tis Ellados AE

(Kawża C-262/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Polymeles Protodikeio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RM, SN.

Konvenuta: Agrotiki Trapeza tis Ellados AE

Domandi preliminari

L-Artikolu 70(1) tal-Liġi Nru 4235/2014, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn għandu jiġi ppreċiżat li dan l-Artikolu 70(1) jipprovdi li: “Għal dak li jirrigwarda l-ipoteki jew ir-reġistrazzjoni minn qabel ta’ ipoteki rreġistrati fir-reġistri tal-ipoteki rilevanti u, jekk ikun il-każ, fir-Reġistru tal-Artijiet rilevanti, favur il-bank AGROTIKI TRAPEZA TIS ELLADOS A.E. (iktar ’il quddiem il-“Bank”), attwalment imqiegħed fi stralċ speċjali, u kontra agrikolturi (persuni fiżiċi) jew agrikolturi terzi (persuni fiżiċi), li jirrigwardaw il-proprjetajiet immobbli jew l-impjanti agrikoli ta’ dawn tal-aħħar, bil-għan li jiġu ggarantiti l-krediti ta’ kull tip tal-Bank li jirriżultaw mis-self – bħal krediti fir-rigward tal-kapital misluf, intressi, interessi moratorji (inklużi l-interessi fuq l-interessi diġà dovuti u fuq l-interessi moratorji), kontribuzzjonijiet, infiq jew spejjeż, u ammonti oħra, hekk kif iddefiniti fil-kuntratt ta’ self ikkonċernat – għall-finijiet tal-għoti minn dan il-bank ta’ self għal żmien qasir u għal żmien medju lil agrikolturi (persuni fiżiċi), sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-attività agrikola tagħhom u li jinsabu, f’sitwazzjoni ta’ dewmien ta’ ħlas totali jew parzjali, l-ammont tal-ħlas iggarantit mill-ipoteka jew mir-reġistrazzjoni minn qabel tal-ipoteka għandu jkun limitat għal mija u għoxrin fil-mija (120 %) tal-kapital misluf, sakemm it-total tal-krediti ta’ kull tip tal-Bank li jirriżultaw mis-self ma jeċċedix (inkluż is-somom diġà mħallsa) id-doppju tal-kapital misluf inizjali u dan l-ammont għandu jkun limitat għad-doppju tal-kapital misluf li kien irċevut jekk it-total ta’ dawn il-krediti ta’ kull tip ikun ikbar mid-doppju ta’ dan il-kapital fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-artikolu u, jekk dan ma kienx diġà il-każ, is-self jiskadi u jsir dovut f’din id-data. Fil-każ ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka jew ta’ reġistrazzjoni minn qabel ta’ ipoteka fuq diversi proprjetajiet immobbli agrikoli ta’ agrikoltur (persuna fiżika) jew ta’ terz (persuna fiżika), l-ipoteka jew ir-reġistrazzjoni minn qabel ta’ ipoteka favur il-Bank għandha tkun limitata mill-Bank għall-proprjetà immobbli jew għall-proprjetajiet immobbli li jiggarantixxu l-kreditu ta’ dan tal-aħħar, fil-limiti ċċitati iktar ’il fuq, u bi prijorità għall-proprjetajiet li ma jikkostitwixxux ir-residenza prinċipali u/jew il-post prinċipali għaż-żamma tal-materjal agrikolu tal-agrikoltur jew tat-terz”?

L-Artikolu 70(1), iċċitat iktar ’il fuq, tal-Liġi Nru 4235/2014 huwa kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

L-Artikolu 70(1), iċċitat iktar ’il fuq, tal-Liġi Nru 4235/2014 jista’ jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

____________