Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Marzu 2019 – EIS GmbH vs TO

(Kawża C-266/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EIS GmbH

Konvenut: TO

Domandi preliminari

Numru tat-telefon huwa “disponibbli” fis-sens tal-istruzzjonijiet għall-ikkompletar tal-formola mudell tal-informazzjoni dwar id-drittijiet għall-irtirar b’mod konformi mal-parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83/UE 1 jekk il-kummerċjant jindika dan in-numru tat-telefon fil-kuntest tal-informazzjoni legali jew jekk jippreżentah b’mod ċar u espliċitu fuq il-paġna prinċipali tas-sit internet tiegħu?

Numru tat-telefon huwa “disponibbli” fis-sens tal-istruzzjonijiet għall-ikkompletar tal-formola mudell tal-informazzjoni dwar id-drittijiet għall-irtirar b’mod konformi mal-parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83/UE, jekk il-kummerċjant, minkejja li juża l-linja telefonika għan-negozju, ma jużax din il-linja sabiex jikkonkludi kuntratti mill-bogħod u għalhekk lanqas ma jagħmilha disponibbli għall-finijiet tal-annullament ta’ kuntratti mill-bogħod, jiġifieri sabiex jirċievi dikjarazzjonijiet ta’ rtirar?

____________

1 Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2011, L 304, p. 64).