Language of document : ECLI:EU:C:2020:651

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Settembru 2020 (*)

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Preżentata wara l-iskadenza tat-terminu tar-rikors tal-appell – Appell manifestament inammissibbli”

Fil-Kawża C‑174/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ April 2020,

STADA Arzneimittel AG, stabbilita f’Bad Vilbel (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.-C. Plate u R. Kaase, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO),

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, STADA Arzneimittel AG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Frar 2020, Stada Arzneimittel vs EUIPO (ViruProtect) (T‑487/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:44), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-4 ta’ Ġunju 2018 (Każ R 1886/2017–5), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark verbali “ViruProtect” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2        L-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:

“Ir-Regoli tal-Proċedura [tal-Qorti tal-Ġustizzja] jistabbilixxi perijodi ta’ grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta’ distanza

Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta’ l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.”

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-istess deċiżjoni jipprovdi:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment […]”

 Ir-Regoli tal-Proċedura

4        L-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Kalkolu tat-termini”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      It-termini proċedurali previsti fit-Trattati, fl-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] u f’dawn ir-Regoli għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:

(a)      jekk terminu espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih iseħħ avveniment jew li fih jitwettaq att, il-jum li matulu jseħħ dan l-avveniment jew jitwettaq dan l-att ma għandux jiġi inkluż fit-terminu;

(b)      terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jiskadi mat-tmiem tal-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, ikollu l-istess isem jew l-istess numru bħall-jum li matulu seħħ l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu. […]

[…]

(d)      it-termini jinkludu s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-jiem ta’ vaganza legali msemmija fl-Artikolu 24(6) ta’ dawn ir-Regoli;

(e)      it-termini ma jiġux sospiżi matul il-vaganzi ġudizzjarji.

2.      Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun is-Sibt, il-Ħadd jew jum ta’ vaganza legali, l-iskadenza ta’ dan it-terminu għandha tiġi ddifferita għat-tmiem tal-jum ta’ xogħol li jmiss.”

5        Skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Terminu għal raġuni ta’ distanza”:

“It-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 7 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

7        Fil-31 ta’ Jannar 2017, STADA Arzneimittel ippreżentat, quddiem l-EUIPO, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “ViruProtect” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2017, l-eżaminatur ċaħad din l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1).

9        Wara li, fit-28 ta’ Awwissu 2017, l-appellanti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO kontra din id-deċiżjoni, il-Ħames Bord tal-Appell tiegħu ċaħad l-appell permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2018, STADA Arzneimittel ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

11      Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament u t-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

 It-talbiet tal-appellanti u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Permezz tal-appell tagħha, STADA Arzneimittel titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata u

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

14      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, imwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-differenzi bejn is-sinjal verbali “ViruProtect” u t-termini bl-Ingliż li dan jirreferi għalihom u, it-tieni wieħed, fuq żnaturament tal-provi mwettqa fl-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ dan is-sinjal.

15      Fis-27 ta’ April 2020, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lill-appellanti tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-osservanza tat-terminu mogħti lilha mir-Regoli tal-Proċedura sabiex tippreżenta l-appell tagħha, ħaġa li hija għamlet permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2020.

 Fuq l-appell

16      Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

17      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 L-argumenti tal-appellanti

18      L-appellanti ssostni li t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u t-terminu fiss ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura jikkostitwixxu żewġ termini distinti.

19      Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq it-titolu tal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, kif ukoll fuq qari sistematiku ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari b’rabta mal-Artikolu 49(2) tagħhom.

20      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, meta dispożizzjoni proċedurali tkun ambigwa, din għandha tiġi interpretata f’sens favorevoli għar-rikorrent, u dan konformement mad-dritt għal smigħ ta’ dan tal-aħħar.

21      Għalhekk, f’dan il-każ, peress li t-terminu ta’ xahrejn li hija kellha sabiex tressaq appell kontra s-sentenza appellata skada nhar il-Ħadd 12 ta’ April 2020, u t-Tnejn 13 ta’ April 2020 huwa btala pubblika legali, dan it-terminu kellu, skont l-Artikolu 49(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġi estiż sat-Tlieta 14 ta’ April 2020, data li minnha għandu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 51 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-terminu għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, liema terminu għandu, skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura, jiżdied b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan it-terminu fiss għal raġuni ta’ distanza għandu jitqies mhux bħala distint mit-terminu għall-preżentata ta’ appell imsemmi fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iżda, għall-kuntrarju, iżda għandu jitqies li jifforma parti integrali minnu billi jtawwlu. Għalhekk, minn dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li t-terminu li fih l-appell għandu jiġi ppreżentat taħt piena ta’ inammissibbiltà tiegħu huwa ta’ xahrejn u għaxart ijiem li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata (digriet tat-30 ta’ April 2015, Castel Frères vs UASI, C‑622/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:297, punt 28).

24      Barra minn hekk, mill-Artikolu 49(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fir-rigward tal-atti li għandhom jiġu nnotifikati, it-terminu għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri minn tmiem il-jum tan-notifika, indipendentement mill-ħin li fih saret in-notifika tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il-Kunsill, 152/85, EU:C:1987:10, punt 7, kif ukoll id-digriet tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑406/01, EU:C:2002:304, punt 14).

25      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li dan it-terminu jintemm mal-iskadenza tal-jum li, fl-aħħar xahar għall-kalkolu tat-terminu, għandu l-istess ċifra bħall-jum li ddekorra t-terminu, jiġifieri l-jum tan-notifika, li miegħu jiżdied it-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza (digriet tal-11 ta’ Ġunju 2020, GMPO vs Il-Kummissjoni, C‑575/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:448, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, peress li s-sentenza appellata ġiet innotifikata lill-appellanti fit-12 ta’ Frar 2020, kif irrikonoxxiet hija stess fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, it-terminu għall-preżentata tal-appell beda jiddekorri fit-12 ta’ Frar 2020 f’nofs il-lejl u, miżjud b’terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, skada l-Erbgħa 22 ta’ April 2020 f’nofs il-lejl.

27      Issa, dan l-appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2020. Konsegwentement, huwa ġie introdott wara t-terminu msemmi fil-punt 23 ta’ dan id-digriet.

28      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tad-29 ta’ Jannar 2014, Gbagbo vs Il-Kunsill, C‑397/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:46, punt 7).

29      Għalhekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ ssir deroga għat-termini proċedurali biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Issa, la fl-appell tagħha u lanqas fl-osservazzjonijiet tagħha tas-7 ta’ Mejju 2020 l-appellanti ma tinvoka f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ każ ta’ forza maġġuri.

30      Fil-fatt, l-appellanti sempliċement tallega ambigwità allegata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49(2) u tal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni dwar it-termini applikabbli f’dan il-każ ma tippreżentax diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari, b’tali mod li f’dan il-każ ma jistax jiġi rrikonoxxut żball skużabbli min-naħa tal-appellanti, li jiġġustifika deroga għall-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni (digriet tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑406/01, EU:C:2002:304, punt 21).

31      Finalment, sa fejn, billi tinvoka d-dritt għal smigħ, l-appellanti tallega li tinvoka d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitfakkar li r-regoli li jikkonċernaw it-termini għall-preżentata ta’ appell huma ta’ ordni pubbliku u li deroga minn dawn ir-regoli ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li hemm inkwistjoni drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva bl-ebda mod ma huwa affettwat mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni dwar it-termini proċedurali (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑406/01, EU:C:2002:304, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2010, Seacid vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑266/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:629, punt 30). Fil-fatt, tali termini jikkostitwixxu, għar-raġunijiet ta’ ċertezza legali mfakkra fil-punt 28 ta’ dan id-digriet, limitazzjoni inerenti għad-dritt ta’ aċċess għall-qorti tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-12 ta’ Settembru 2013, Ellinika Nafpigeia u 2. Hoern vs Il-Kummissjoni, C‑616/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:884, punt 31, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2020, GMPO vs Il-Kummissjoni, C‑575/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:448, punt 40).

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell, minħabba t-tardività tiegħu, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

34      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza. F’dan il-każ, peress li dan id-digriet ġie ddikjarat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-konvenuta fl-ewwel istanza u, konsegwentement, qabel ma hija setgħet tbati l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li STADA Arzneimittel għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

1)      L-appell huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

2)      STADA Arzneimittel AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.