Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Settembru 2019 – Finanzamt D vs E

(Kawża C-657/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt D

Konvenut: E

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli tistabbilixxi, fuq talba tal-Medizinischer Dienst der Krankenversicherung (id-Dipartiment Medikali tal-Assigurazzjoni għall-Mard, il-Ġermanja), rapporti ta’ evalwazzjoni dwar id-dipendenza ta’ ċerti pazjenti, l-attività eżerċitata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112 tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ impriża bħala organu ta’ natura soċjali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, huwa biżżejjed li din l-impriża tipprovdi, bħala subappaltatur, servizzi fuq talba ta’ entità li, taħt id-dritt nazzjonali, tibbenefika minn rikonoxximent bħala organu ta’ natura soċjali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-punt (a) tat-tieni domanda: f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-ispejjeż ta’ stabbiliment irrikonoxxut fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jiġu koperti b’rata fissa mill-fondi għall-mard u mill-assigurazzjoni għad-dipendenza huwa biżżejjed sabiex subappaltatur ta’ dan l-organu jitqies huwa stess li huwa organu rrikonoxxut?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda: l-Istat Membru jista’ jissuġġetta r-rikonoxximent bħala organu ta’ natura soċjali għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tkun effettivament ikkonkludiet kuntratt ma’ istituzzjoni tas-sigurtà soċjali jew tal-għajnuna soċjali, jew huwa biżżejjed, għall-finijiet ta’ tali rikonoxximent, li jista’ jiġi konkluż kuntratt taħt id-dritt nazzjonali?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.