Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-1 ta’ Lulju 2019 – Puls 4 TV GmbH & Co. KG vs YouTube LLC u Google Austria GmbH

(Kawża C-500/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Puls 4 TV GmbH & Co. KG

Konvenuti: YouTube LLC, Google Austria GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjos fuq l-internet jassumi, bħala fornitur ta’ servizz ta’ hosting, rwol attiv li jtellfu mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà jekk jipprovdi jew joffri lill-utent, minbarra l-provvista ta’ spazju għall-ħażna għall-kontenut ta’ terzi, l-attivitajiet aċċessorji li ġejjin:

–    jipproponi vidjos skont oqsma tematiċi;

–    jiffaċilita t-tfittxija għall-viżitaturi permezz tat-titolu jew tal-informazzjoni dwar il-kontenut permezz ta’ direttorju elettroniku, fejn l-utent jista’ jispeċifika t-titolu jew l-informazzjoni dwar il-kontenut;

–    jipprovdi informazzjoni online dwar l-użu tas-servizz (“għajnuna”)

–    jekk l-utent jagħti l-kunsens tiegħu, jassoċja reklamar (li ma huwiex reklamar għall-operatur tal-pjattaforma nnifsu) mal-vidjo li jkun tella’ l-utent, wara li dan tal-aħħar ikun għażel il-pubbliku indirizzat?

Leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-obbligu ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ waqfien u ta’ ebda tkomplija mill-fornitur ta’ servizz ta’ hosting (intermedjarju li jipprovdi servizz) li għandu rwol attiv bħala kompliċi fil-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-utenti tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-kompliċi kien iffavorixxa xjentement il-ksur mill-utent, hija konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE 2 , jew din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw azzjoni ta’ waqfien imressqa mid-detenturi tad-drittijiet kontra kompliċi għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar kien iffavorixxa xjentement il-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali mwettaq mill-utent?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 dwar ir-responsabbiltà ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz għandhom jitqiesu bħala limitazzjonijiet orizzontali ta’ responsabbiltà li jibbenefikaw lil kull intermedjarju li jipprovdi servizz f’rwol newtrali anki jekk l-attività tiegħu għandha tkun ikklassifikata taħt id-dritt dwar id-drittijiet tal-awtur bħala komunikazzjoni lill-pubbliku li huwa stess wettaq?

L-Artikoli 14(3) (kif ukoll l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 13(2)) tad-Direttiva 2000/31, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE 3 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fornitur ta’ servizz ta’ hosting (intermedjarju li jipprovdi servizz) fi rwol newtrali jista’ jieħu vantaġġ mill-eżenjoni mir-responsabbiltà skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 anki fil-każ ta’ azzjoni ta’ waqfien imressqa kontrih u għalhekk anki ordni ta’ waqfien mill-qrati fir-rigward ta’ tali intermedjarju li jipprovdi servizzhuwa ammissibbli biss jekk dan l-intermedjarju li jipprovdi servizz kien jaf bl-attività jew bl-informazzjoni illegali, jew tali ordni ta’ waqfien mill-qrati huwa biss ammissibbli jekk il-fornitur ta’ servizz ta’ hosting ma jneħħix immedjatament jew ma jimblokkax immedjatament l-aċċess għal dan il-kontenut li jkun sar ilment fir-rigward tiegħu peress li jikser id-dritt tal-proprjetà intellettwali wara li tkun saret twissija speċifika u li l-ksur ikun ikkonfermat fi proċedura ġudizzjarja?

____________

1     Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

2     Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

3     Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).