Language of document : ECLI:EU:C:2019:849

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest Ewropew’ – Rekwiżiti minimi li minnhom tiddependi l-validità – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru – Status – Eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ korp tal-poter eżekuttiv – Setgħat ta’ struzzjoni individwali tal-Ministru għall-Ġustizzja – Approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew minn qorti qabel it-trażmissjoni tiegħu”

Fil-Kawża C‑489/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

NJ,

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, C. Vajda, u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-26 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2019 tat-Tieni Awla li din it-talba tintlaqa’,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann, J. Möller u A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u J. Herrnfeld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra NJ, fis-16 ta’ Mejju 2019, mill-iStaatsanwaltschaft Wien (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, l-Awstrija) u approvat, fl-20 ta’ Mejju 2019, permezz ta’ deċiżjoni tal-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija fformulata kif ġej:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.       Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.       L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.       Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

5        Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.       L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

6        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

7        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, fil-paragrafu 1 tiegħu jistipula:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-forma li tinsab fl-Anness:

[…]

(ċ) il-prova ta’ sentenza li tista’ tiġi nfurzata, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett, li taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[…]”

 Id-dritt Awstrijak

8        L-Artikolu 2(1) tal-iStaatsanwaltschaftsgesetz (il-Liġi dwar l-Uffiċċji tal-Prosekutur) jipprovdi dan li ġej:

“Fi ħdan kull Landesgericht (Qorti Reġjonali) adita minn kawżi kriminali, hemm Uffiċċju tal-Prosekutur; fi ħdan kull Oberlandesgericht (Qorti Reġjonali Superjuri), hemm Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali; u fl-Obersten Gerichtshof (il-Qorti Suprema), il-Prosekutur Ġenerali. L-Uffiċċji tal-Prosekutur jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom u dawn kif ukoll il-Prosekutur Ġenerali huma suġġetti għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja.”

9        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tal-Gesetz über die Justizielle Zusammenarbeit in Strafsachen mit den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali”) tistipula:

“L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jordna l-arrest permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew approvat ġudizzjarjament u għandu jiżgura, jekk ikun il-każ, in-notifika tal-persuna mfittxija fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen […]”.

10      L-Artikolu 5(1) u (2) tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jipprovdi:

“(1)      Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom u tal-ġbir tal-provi, il-pulizija kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti ma jistgħux jippreġudikaw id-drittijiet tal-persuni ħlief jekk dan ikun previst mil-liġi b’mod espress u biss sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tad-doveri tagħhom. Kull preġudizzju ta’ dritt ikkawżat għal din ir-raġuni għandu jibqa’ proporzjonat mal-gravità tal-ksur, mal-gravità tal-akkużi u mar-riżultat imfittex.

(2)      Fl-għażla bejn investigazzjonijiet differenti u miżuri koerċittivi effettivi differenti, il-pulizija kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti għandhom jużaw dak li jippreġudika l-inqas lid-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Il-kompetenzi mogħtija mil-liġi għandhom jiġu eżerċitati f’kull stadju tal-proċedura b’mod li jiġi evitat li ssir sensazzjoni inutli, tiġi rrispettata d-dinjità tal-persuni kkonċernati u jiġu protetti d drittijiet u l-interessi li jixirqilhom li jiġu protetti.”

11      Skont l-Artikolu 87(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, l-approvazzjoni ġudizzjarja hija appellabbli.

12      L-Artikolu 105 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistipula:

“(1)      Hija l-qorti li għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet għal tqegħid f’arrest preventiv jew għall-estensjoni tal-arrest preventiv kif ukoll dwar l-approvazzjoni ta’ ċerti miżuri koerċittivi. Il-qorti għandha tagħti terminu ta’ eżekuzzjoni għall-miżura approvata taħt piena ta’ dekadenza (Artikolu 101(3)). Jekk tkun ġiet ordnata n-notifika għall-arrest, skont l-Artikolu 169, it-terminu ma jibdiex jiddekorri matul il-perijodu ta’ validità tan-notifika, iżda huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandu jivverifika tal-inqas darba fis-sena jekk il-kundizzjonijiet tal-arrest għadhomx issodisfatti.

(2)      Jekk, għal raġunijiet legali jew prattiċi, huma meħtieġa investigazzjonijiet kumplimentari sabiex tiġi deċiża talba skont il-paragrafu (1), il-qorti għandha tordna lill-pulizija kriminali twettaqhom jew twettaqhom hi ex officio. Din tista’ wkoll titlob lill-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-pulizija kriminali biex jippreċiżaw elementi fattwali tal-fajl u jippreżentaw rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-miżura approvata u tad-doveri kumplimentari. Wara l-kundanna għad-detenzjoni provviżorja, il-qorti tista’ tordna li minn dakinhar ’il quddiem tirċievi kopja tad-dokumenti tal-fajl, imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 52(2).”

13      Skont l-Artikolu 171(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li japplika matul il-fażi ta’ informazzjoni tal-investigazzjoni kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jordna l-arrest abbażi ta’ att approvat minn qorti.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna beda proċeduri kriminali kontra NJ minħabba erba’ fatti, li l-qorti tar-rinviju tikklassifika, b’mod partikolari, bħala serq imwettaq fuq bażi professjonali, punibbli fl-Istat Membru emittenti, skont il-qorti tar-rinviju, b’piena “ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Din il-qorti tqis li fatti oħra allegati kontra NJ, bħall-koerċizzjoni, huma punibbli, fl-Istat Membru emittenti kif ukoll fl-Istat Membru mitlub, b’piena massima ta’ mill-inqas tnax‑il xahar.

15      Għall-finijiet tal-prosekuzzjoni tal-imsemmija fatti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna ħareġ, fis-16 ta’ Mejju 2019, mandat ta’ arrest Ewropew kontra NJ, li ġie approvat, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali, fl-20 ta’ Mejju 2019, mil-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna).

16      NJ inżamm f’arrest preventiv f’Berlin (il-Ġermanja) mill-14 ta’ Mejju 2019, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali minħabba serq, li nfetħu kontrih fil-Ġermanja. Skont il-qorti tar-rinviju, fl-interrogatorju tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2019, NJ irrifjuta l-estradizzjoni ssemplifikata.

17      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Uffiċċji tal-Prosekutur Awstrijaċi huma suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, f’dan il-każ il-Ministru Federali għall-Ġustizzja. Għaldaqstant, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Awstrija mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456). B’mod partikolari, din il-qorti għandha dubji dwar il-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja” tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna.

18      Madankollu, hija tenfasizza li, b’differenza mal-fatti li taw lok għal din is-sentenza, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Awstrijaċi ma joħorġux mandat ta’ arrest Ewropew b’mod awtonomu sa fejn l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali jipprevedi l-approvazzjoni ta’ tali mandat minn qorti. Il-proċedura ta’ approvazzjoni tinkludi l-eżami tal-legalità kif ukoll tal-proporzjonalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat u tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju. Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li s-setgħa li jiġi deċiż il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tappartjeni, b’mod definittiv, lill-qorti inkarigata mill-approvazzjoni tiegħu.

19      Dan premess, b’digriet tad-29 ta’ Mejju 2019, il-qorti tar-rinviju ordnat biss, minħabba xi dubji esposti fil-punt preċedenti, it-tqegħid f’arrest preventiv ta’ NJ bil-għan li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Awstrijaċi.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ordnijiet li tkun suġġetta għalihom prosekuzzjoni jipprekluduha milli toħroġ validament mandat ta’ arrest Ewropew anki jekk din id-deċiżjoni tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju eżawrjenti qabel l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

21      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti invokat il-fatt li NJ attwalment jinsab taħt arrest preventiv fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa kontrih fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“ewwel arrest preventiv”). L-arrest preventiv bil-għan tal-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Awstrijaċi ser jibda biss ladarba l-ewwel arrest preventiv ikun intemm u ma jkunx jista’, sussegwentement, legalment ikun ta’ iktar minn xahrejn. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tibża’ li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li ma tibdiex il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, NJ ikollu jinħeles qabel l-eżitu tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari u jkun jista’ jaħrab mill-proċeduri mibdija kontrih.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li taqa’ taħt l-oqsma previsti fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk, dan jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

24      Fit-tieni lok, huwa paċifiku li, fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex jinkiseb li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, NJ kien is-suġġett ta’ arrest preventiv li madankollu seta’ jintemm f’kull mument. Barra minn hekk, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, NJ jinżamm taħt arrest lil hinn mit-tul tal-ewwel arrest preventiv, bil-għan tal-konsenja eventwali tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Awstrijaċi, għal tul massimu ta’ xahrejn. Issa, billi l-legalità tal-arrest preventiv bil-għan tal-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Awstrijaċi tiddependi mit-tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari, jidher li din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha effett dirett fuq it-tul taċ-ċaħda ta’ libertà ta’ NJ.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-15 ta’ Lulju 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest Ewropew”, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt dan il-kunċett il-mandati ta’ arrest Ewropej li jinħarġu mill-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għar-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, bħal Ministru għall-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ dawn il-mandati ta’ arrest, fejn dawn tal-aħħar għandhom, b’mod obbligatorju, sabiex ikunu jistgħu jiġu trażmessi minn dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur, ikunu suġġetti għal approvazzjoni minn qorti li tistħarreġ, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ kif ukoll il-proporzjonalità ta’ dawn il-mandati ta’ arrest.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bħala “deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni”. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jippreżupponi, f’dan ir-rigward, li unikament il-mandati ta’ arrest Ewropej fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L‑Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 46).

29      Fil-fatt, dan il-prinċipju huwa bbażat fuq il-premessa li l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat kien inħareġ b’konformità mar-rekwiżiti minimi li minnhom tiddependi l-validità tiegħu, fejn fosthom hemm dawk previsti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fosthom b’mod partikolari dak dwar l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali oħra li fuqha jibbaża l-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 53).

30      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma huwiex limitat sabiex jindika unikament id-deċiżjonijiet adottati mill-qrati jew mill-ġurisdizzjonijiet ta’ Stat Membru, iżda għandu jinftiehem li jindika, b’mod iktar wiesa’, id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak, b’differenza, b’mod partikolari, mal-ministeri jew mas-servizzi ta’ pulizija, li jaqgħu taħt il-poter eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 50).

31      Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jinkludu l-garanziji proprji tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

32      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ssemplifikata ta’ konsenja direttament bejn awtoritajiet ġudizzjarji, intiża sabiex tissostitwixxi sistema ta’ kooperazzjoni klassika bejn Stati sovrani, li timplika l-intervent u l-evalwazzjoni tas-setgħa politika, għall-finijiet li jiġi żgurat il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 65).

33      F’dan il-kuntest, meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, din il-persuna għandha tkun ibbenefikat, fl-ewwel stadju tal-proċedura, minn garanziji proċedurali u minn drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 66).

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li s-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet fil-qasam proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, waqt il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 67).

35      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, peress li ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa tali li jippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, tal-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ din il-protezzjoni (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68).

36      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li s-sodisfazzjon ta’ dawn ir-rekwiżiti jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna rikjesta tkun ibbenefikat mill-garanziji li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 70).

37      Fit-tieni lok, l-istħarriġ imwettaq waqt l-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest għandu jinkludi l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest kif ukoll tal-punt dwar jekk, fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ, dan il-ħruġ għandux natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 71).

38      Fit-tielet lok, dan l-istħarriġ għandu jiġi eżerċitat b’mod oġġettiv, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, kif ukoll b’mod indipendenti, li jippreżupponi l-eżistenza ta’ regoli statutorji u organizzattivi adatti sabiex jiġi eskluż kull riskju li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest tkun suġġetta għal struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 73 u 74).

39      F’dan il-każ, mill-annessi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt Awstrijak jipprevedi li, kemm fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali kif ukoll fil-kuntest ta’ dik dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-Uffiċċji tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Awstrija jordnaw l-arrest permezz ta’ mandat ta’ arrest, li huwa approvat, sabiex ikun jista’ jiġi trażmess, minn qorti li twettaq, f’dan ir-rigward, stħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ kif ukoll tal-proporzjonalità tiegħu. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tista’ tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju.

40      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-qrati responsabbli mill-approvazzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ oġġettività u ta’ indipendenza. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Uffiċċji tal-Prosekutur Awstrijaċi, mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċji tal-Prosekutur jirriżulta li dawn jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom u li dawn tal-aħħar huma, min-naħa tagħhom, subordinati għall-Ministru Federali għall-Ġustizzja. Issa, peress li l-indipendenza meħtieġa teħtieġ li jeżistu regoli statutorji u organizzattivi xierqa sabiex jiġi ggarantit li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għal kwalunkwe riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Awstrijaċi ma jistgħux jitqiesu bħala li jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 74 u 84).

41      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, adottati konformement mas-sistema Awstrijaka, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi li minnhom tiddependi l-validità tagħhom f’dak li jikkonċerna l-oġġettività u l-indipendenza tal-istħarriġ imwettaq waqt l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

42      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “deċiżjoni” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-att fil-forma li jkollu fl-eżekuzzjoni tiegħu. Fil-fatt, huwa f’dan il-mument u f’din il-forma li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna rikjesta.

43      F’dan il-każ, qabel kollox, mill-annessi tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali kif ukoll dik li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom, skont, rispettivament, l-Artikolu 171(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali, obbligatorjament ikunu s-suġġett ta’ approvazzjoni minn qorti qabel it-trażmissjoni tagħhom. Għalhekk, fl-assenza ta’ approvazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-mandati ta’ arrest ma jipproduċux effetti legali u ma jistgħux jiġu trażmessi, u dan ġie kkonfermat waqt is-seduta mill-Gvern Awstrijak.

44      Sussegwentement, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni, il-qorti għandha tistħarreġ il-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest ikkonċernat kif ukoll il-proporzjonalità tiegħu billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ ineżami. F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tiegħu kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Awstrijak ippreċiża li, minn naħa, eventwali struzzjonijiet min-naħa tal-poter eżekuttiv għandhom jiġu fformulati bil-miktub u għandhom ikunu inklużi fil-fajl dwar il-kawża kriminali, li jintbagħat kollu kemm hu lill-qorti inkarigata mill-approvazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ta’ proporzjonalità mwettaq minn din il-qorti jirrigwarda, fil-kuntest tal-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, unikament l-effetti ta’ ċaħda ta’ libertà pprovokati minnu kif ukoll, fil-kuntest tal-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna kkonċernata li jmur lil hinn mid-dannu għad-dritt għal-libertà tagħha diġà eżaminat. Fil-fatt, il-qorti responsabbli mill-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-effetti tal-proċedura ta’ konsenja u tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata li tibqa’ fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija fuq ir-relazzjonijiet soċjali u tal-familja ta’ din il-persuna.

45      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 105(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jirriżulta li l-qorti responsabbli mill-approvazzjoni tal-mandati ta’ arrest ma hijiex marbuta mir-riżultati tal-investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċji tal-Prosekutur u ma għandhiex tillimita ruħha għall-indikazzjonijiet u għar-raġunijiet tal-ordni esposti minnhom. F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak ikkonferma, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti responsabbli mill-approvazzjoni tal-mandati ta’ arrest tista’ tordna, f’kull ħin, investigazzjonijiet addizzjonali jew li twettaqhom hija stess.

46      Għaldaqstant, jidher li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa, skont id-dritt Awstrijak, suġġett kollu kemm hu għal stħarriġ oġġettiv u indipendenti min-naħa ta’ qorti li teżerċita f’dan ir-rigward stħarriġ komplet li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest kif ukoll il-proporzjonalità tiegħu. Huwa biss wara l-approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest ikkonċernat minn din il-qorti li dan il-mandat ta’ arrest jipproduċi effetti legali u jista’ jiġi trażmess. Issa, sa fejn iseħħ sistematikament ex officio qabel ma l-mandat ta’ arrest jipproduċi effetti legali u qabel ma jkun jista’ jiġi trażmess, tali stħarriġ huwa differenti minn dritt għal rimedju, bħal dak previst fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), li jseħħ biss a posteriori u fuq talba tal-persuna kkonċernata.

47      Barra minn hekk, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti responsabbli mill-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew teżerċita l-istħarriġ tagħha b’mod indipendenti kif ukoll b’għarfien sħiħ ta’ kull struzzjoni li eventwalment kienet inħarġet minn qabel u tadotta, fi tmiem dan l-istħarriġ, deċiżjoni awtonoma meta mqabbla mad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li tmur lil hinn minn sempliċi konferma tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew hekk kif ser tiġi trażmessa għandha tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ oġġettività u ta’ indipendenza tal-istħarriġ imwettaq waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

49      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi risposta li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest Ewropew” previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt dan il-kunċett il-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru minkejja li dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur jiġu esposti għal riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, bħal Ministru għall-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ dawn il-mandati ta’ arrest, sa fejn dawn il-mandati ta’ arrest huma s-suġġett, obbligatorjament, sabiex ikunu jistgħu jiġu trażmessi minn dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur, ta’ approvazzjoni minn qorti li tistħarreġ b’mod indipendenti u oġġettiv, billi jkollha aċċess għall-fajl dwar il-kawża kriminali kollu kemm hu li fih ikunu inklużi eventwali ordnijiet jew struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ kif ukoll il-proporzjonalità ta’ dawn l-istess mandati ta’ arrest, billi għalhekk tadotta deċiżjoni awtonoma li tagħtihom il-forma definittiva tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest Ewropew” previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt dan il-kunċett il-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru minkejja li dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur jiġu esposti għal riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, bħal Ministru għall-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ dawn il-mandati ta’ arrest, sa fejn dawn il-mandati ta’ arrest huma s-suġġett, obbligatorjament, sabiex ikunu jistgħu jiġu trażmessi minn dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur, ta’ approvazzjoni minn qorti li tistħarreġ b’mod indipendenti u oġġettiv, billi jkollha aċċess għall-fajl dwar il-kawża kriminali kollu kemm hu li fih ikunu inklużi eventwali ordnijiet jew struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ kif ukoll il-proporzjonalità ta’ dawn l-istess mandati ta’ arrest, billi għalhekk tadotta deċiżjoni awtonoma li tagħtihom il-forma definittiva tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.