Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-12 ta’ Ġunju 2019 – Stichting Brein vs News-Service Europe BV

(Kawża C-442/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stichting Brein

Konvenuta: News-Service Europe BV

Domandi preliminari

L-operatur ta’ pjattaforma ta’ servizzi Usenet (bħal ma kienet NSE) [...], iwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malit, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”)?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda (u għalhekk, f’każ ta’ eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku):

Il-konstatazzjoni li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ servizzi Usenet wettaq komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”)?

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda (u għalhekk, jekk bħala prinċipju l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku hija applikabbli):

L-operatur ta’ pjattaforma ta’ servizzi Usenet, li jipprovdi servizzi [...], għandu rwol attiv li barra minn hekk jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku?

L-operatur ta’ pjattaforma ta’ servizzi Usenet li jwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku u li għandu d-dritt li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jista’ jiġi suġġett għal ordni ta’ waqfien tal-ksur jew għal ordni li għandha portata iktar wiesgħa minn dik deskritta fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, jew tali ordni tmur kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku?

____________