Language of document : ECLI:EU:F:2015:19

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

23 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑6/14

Julia Borghans

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Pensjoni tas-superstiti — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Konjuġi divorzjat ta’ uffiċjal mejjet — Eżistenza ta’ pensjoni għall-manteniment fid-data tal-mewt tal-uffiċjal — Artikolu 42 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Terminu għall-preżentata ta’ talba għall-likwidazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih J. Borghans titlob l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tagħtiha pensjoni tas-superstiti.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2013 li biha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tagħti pensjoni tas-superstiti lil J. Borghans hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ J. Borghans.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Deċiżjoni impliċita ta’ rifjut — Kunċett — Eżistenza ta’ talba preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

2.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Pensjoni tas-superstiti — Pensjoni tal-manteniment iffissata bi ftehim bejn l-ex konjuġi — Kunċett — Evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt nazzjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27)

3.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Aventi kawża tal-persuna intitolata — Termini għat-tressiq tat-talba għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni — Kamp ta’ applikazzjoni — Talba wara r-rikonoxximent tad-drittijiet għal-pensjoni minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali mogħtija wara l-mewt — Esklużjoni — Applikazzjoni ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 42)

1.      L-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li kull persuna kkonċernata mill-imsemmija regolamenti tista’ tressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra talba biex din tadotta deċiżjoni fir-rigward tagħha u li, mal-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ xhur mill-ġurnata tal-preżentata tat-talba, in-nuqqas ta’ risposta għal din jekwivali għal deċiżjoni impliċita ta’ ċħid. Minn tali dispożizzjoni jirriżulta li, fil-prinċipju, deċiżjoni li tirrifjuta impliċitament dritt lil uffiċjal tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li l-uffiċjal ikun preċedentement ressaq talba quddiem l-amministrazzjoni intiża biex jingħatalu dan id-dritt.

(ara l-punt 29)

2.      Il-kunċett ta’ obbligu ta’ manteniment miftiehem bejn l-ex konjuġi minħabba d-divorzju tagħhom jifforma parti mill-konsegwenzi patrimonjali li jirriżultaw mis-sentenza tad-divorzju adottata abbażi tar-regoli tad-dritt ċivili applikabbli. Konsegwentement, biex jiġi ddeterminat jekk il-konjuġi ddivorzjat ta’ uffiċjal jew ta’ ex uffiċjal jiġġustifikax li jkollu dritt f’ismu stess, mal-mewt tal-ex konjuġi tiegħu, għal pensjoni tal-manteniment a karigu tal-imsemmi ex konjuġi u ffissata bi ftehim li kien sar bejn l-ex konjuġi, għandha ssir riferenza għal-liġi li tirregola l-effetti tad-divorzju. F’dan ir-rigward, meta, fid-dritt nazzjonali, l-annullament, mill-qorti tal-appell, ta’ deċiżjoni li ħassret pensjoni tal-manutenzjoni mogħtija fl-ewwel istanza jkollha l-effett li tannulla din id-deċiżjoni retroattivament, u, għalhekk, li terġa’ tattiva retroattivament il-pensjoni tal-manutenzjoni favur l-ex konjuġi ta’ uffiċjal mejjet, dan għandu neċessarjament jitqies li jiġġustifika, mid-data ta’ din is-sentenza tal-appell, id-dritt f’ismu stess għal pensjoni tal-manteniment a karigu tal-uffiċjal.

L-għan imfittex mill-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak li l-konjuġi ddivorzjat ta’ uffiċjal jew ta’ ex uffiċjal li kien jibbenefika, mal-mewt ta’ dan tal-aħħar, minn pensjoni tal-manteniment a karigu ta’ dan tal-aħħar, ikun jista’ jkompli jirċievi, wara l-mewt imsemmija, mir-riżorsi li jiżguraw il-manteniment tiegħu. Issa, xejn ma jiġġustifika li l-konjuġi ddivorzjat ta’ uffiċjal jew ta’ ex uffiċjal ikun imċaħħad mill-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti, u b’hekk mir-riżorsi li jassigurawlu l-manutenzjoni tiegħu, għall-unika raġuni, indipendenti mir-rieda tiegħu, li l-pensjoni tal-manteniment li kien jirċievi abbażi tad-dritt nazzjonali tħassret qabel il-mewt tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal, u wara reġgħet ġiet attivata retroattivament wara l-mewt imsemmija.

(ara l-punti 58 sa 61 u 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza M vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑172/01, EU:T:2004:108, punt 72

3.      Mill-kliem stess tal-Artikolu 42 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li t-terminu ta’ skadenza previst minnu, jiġifieri sena mill-mewt, japplika biss fil-każ tal-aventi kawża ta’ uffiċjal jew ta’ ex uffiċjal mejjet ikollhom, fid-data tal-mewt, drittijiet għal pensjoni jew għal benefiċċju. Konsegwentement, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-artikolu msemmi l-każ tal-aventi kawża li ma jkunux intitolati, fid-data tal-mewt tal-uffiċjal, għal drittijiet għal pensjoni jew għal benefiċċju iżda dawn jiġu rrikonoxxuti lilhom sussegwentement għall-mewt imsemmija u retroattivament, minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali.

Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jobbliga lill-aventi kawża ta’ uffiċjal jew ta’ ex uffiċjal mejjet li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li jitolbu l-likwidazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni jew għal benefiċċju tagħhom f’terminu raġonevoli, liema terminu jibda jiddekorri mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li abbażi tagħha d-drittijiet għal pensjoni jew għal benefiċċju jiġu rrikonoxxuti lilhom retroattivament.

(ara l-punti 69, 70 u 76)