Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2020 mir-Repubblika tal-Litwanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-22 ta’ Jannar 2020 fil-Kawża T-19/18, Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-153/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: R. Dzikovič, K. Dieninis)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2020 fil-Kawża T-19/18 Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni, EU:T:2020:4, li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika tal-Litwanja tad-19 ta’ Jannar 2018 għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2014 tat-8 ta’ Novembru 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR);

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali jew inkella tiddeċiedi hija stess il-kawża abbażi tal-motivi prodotti fl-appell u tagħti sentenza finali fuq l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2014 tat 8 ta’ Novembru 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-19/18 (“is-sentenza appellata”) u tinvoka s-segwenti aggravji:

(1)    interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 65/2011 1 u nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għal sentenza peress li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fil-paragrafi 61 sa 80 tas-sentenza appellata fuq il-kriterji applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kellhomx l-istatus ta’ SMEs, ma pprovdietx b’mod ċar u mhux ambigwu għal motivi għas-sentenza tagħha;

(2)    ksur tal-Artikolu 256(2) TFUE u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li fil-paragrafi 81 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali iddeċidiet dwar l-effettività tal-monitoraġġ ta’ proġetti b’riskju għoli b’mod li jmur kontra ta’ dak li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi simili preċedenti, u evalwazzjoni żbaljata tal-provi, peress li fil-paragrafi 88 sa 92 tas-sentenza appellata hija naqset milli tistabbilixxi l-fatti b’mod korrett;

(3)    interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 65/2011 u żnaturament tas-sens ċar tal-provi sa fejn il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fil-paragrafi 178 sa 188 tas-sentenza appellata dwar il-kriterji ta’ kwalità tal-verifiki fuq il-post, ipprovdiet għal motivi kontradittorji, u b’hekk estendiet b’mod mhux iġġustifikat l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 65/2011, u fil-paragrafi 181 u 191 tas-sentenza appellata hija wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-provi;

(4)    ksur tal-Artikoli 263 u 256 TFUE u evalwazzjoni żbaljata tal-provi peress li fil-paragrafi 195 sa 212 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk l-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inadegwatezza tal-verifiki tan-nefqa tal-proġett kinitx preċiża, affidabbli u konsistenti, u dan huwa difett fl-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

____________

1  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011 L 25, p. 8).