Language of document :

Rikors imressaq fil-11 ta' Ġunju 2007 - Gerochristos vs Il-Parlament

(Kawża F-56/07)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ioannis Gerochristos (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: E.Boigelot, avocat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament tas-26 ta' Settembru 2006 li taħtar lir-rikorrent bħala uffiċjal taħt prova fil-grupp tal-funzjoni ta' l-amministraturi bil-klassifikazzjoni fil-grad AD6, skala 3;

tannulla d-Deċiżjoni sussegwenti tal-Parlament li tinżamm somma ta' EUR 994.95 mis-salarju bażiku tar-rikorrent u li din is-somma tingħatalu lura fl-iqsar terminu ta' żmien li jsegwi d-deċiżjoni ta' annullament għal intervent;

tordna lill-konvenut sabiex iħallas, bħala kumpens għal danni legali u materjali u għall-ħsara lill-karriera tar-rikorrent, is-somma ta' EUR 25 000, bla ħsara għad-dritt ta' żieda u/jew tnaqqis matul il-proċeduri;

tordna lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO A/18/041, li l-avviż tagħha kien ġie ppubblikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta' Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej2, kien membru tal-persunal temporanju fil-grad AST 8 fiż-żmien meta ġie rreklutat bħala uffiċjal fil-grad AD 6.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, primarjament, il-ksur tad-dmir ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il-quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal"), peress li l-amministrazzjoni qatt ma tagħtu spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għalfejn ġie kklassifikat fil-grad AD 6 kif ukoll dwar id-deċiżjoni li tinżamm is-somma ta' EUR 994.95 mis-salarju bażiku tiegħu.

It-tieni nett, ir-rikorrent, minn naħa, jinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, ta' l-Artikoli 2 u 8 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dispożizzjonijiet ta' l-avviż tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, iqajjem eċċezzjoni ta' illegalità ta' l-Artikolu 13(1) ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-amministrazzjoni applikat b'mod ħażin il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni, b'mod partikolari peress li sab ruħu ppenalizzat meta mqabbel mal-membri tal-persunal temporanji u l-uffiċjali li kienu bbenefikaw minn klassifikazzjoni iktar vantaġġuża skond l-Artikolu 5(2) u (4) ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta' xi dispożizzjonijiet adottati mill-Bureau tal-Parlament fit-13 ta' Frar 2006.

Ir-raba' nett, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta' l-aspettattivi leġittimi, b'mod partikolari peress li l-avviż tal-kompetizzjoni kien intiż sabiex jistabbilixxi lista ta' reklutaġġ ta' amministraturi fil-grad A7/A6.

Il-ħames nett, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tad-dmir tal-premura.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li meta żammet is-somma msemmija iktar 'il fuq mis-salarju bażiku tiegħu, l-amministrazzjoni kisret l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

____________

1 - ĠU C 94 A tal-21.4.2004 p. 1.

2 - ĠU L 124 tas-27.4.2004, p. 1.