Language of document : ECLI:EU:F:2007:233

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-82/06

Tineke Duyster

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave parentali – Data tal-bidu tal-leave parentali – Lis pendens – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih Duyster titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal‑11 ta’ Mejju 2006, li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Novembru 2005, li tistabbilixxi t‑8 ta’ Novembru 2004 bħala d-data tal-bidu tal-leave parentali tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreżenta mill-ġdid l-istess talbiet bħal dawk fil‑kawża F‑18/06, Duyster vs Il-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa, l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Novembru 2005, li tistabbilixxi d-data tal-bidu tal-leave parentali tagħha għat‑8 ta’ Novembru 2004, u min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ danni, b’mod partikolari bħala kumpens għad-danni materjali u morali kkawżati permezz ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huma miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà ta’ l-atti ta’ proċedura – Evalwazzjoni meta jiġi ppreżentat att

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 114)

2.      Proċedura – Eċċezzjoni ta’ lis pendens

1.      Bl-istess mod li l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi evalwata meta jiġi ppreżentat l‑imsemmi rikors, l‑ammissibbiltà ta’ l-atti l-oħra ta’ proċedura, bħal att li jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tiġi evalwata meta jiġu ppreżentati. Din l‑interpretazzjoni tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l‑aspettattivi leġittimi.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, Ġabra p. 3991, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ottubru 2001, Stauner et vs Il-Parlament u Il‑Kummissjoni, T‑236/00 R II, Ġabra p. II‑2943, punt 49; 9 ta’ Lulju 2003, Commerzbank vs Il-Kummissjoni, T‑219/01, Ġabra p. II‑2843, punt 61

2.      Rikors bejn l-istess partijiet li għandu l-istess l-istess għanijiet, u li huwa bbażat fuq l-istess motivi bħal rikors ippreżentat qabel, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9; 22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14  ta’ Ġunju 2007, Landtag Schleswig-Holstein vs Il‑Kummissjoni, T‑68/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16