Language of document : ECLI:EU:C:2017:467

KONKLUŻJONIJIET SUPPLIMENTARI TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018 (1)

Kawża C181/16

Sadikou Gnandi

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Ordni ta’ tluq mit-territorju – Ordni maħruġa hekk kif tiġi miċħuda l-applikazzjoni għall-ażil mill-awtorità amministrattiva kompetenti – Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali”






1.        Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) ressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sadikou Gnandi, ċittadin tat-Togo, u l-Istat tal-Belġju, dwar il-legalità ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju, adottata abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52/3(1) tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, l’établissement, le séjour et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, l-istabbiliment, ir-residenza u t-tneħħija tal-barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”) u nnotifikata lil S. Gnandi fit-3 ta’ Ġunju 2014, wara ċ-ċaħda, fit-23 ta’ Mejju 2014, tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu mill-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, iktar ’il quddiem is-“CGRA”).

3.        Bħala tfakkira, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52/3(1) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprevedi li ordni motivata ta’ tluq mit-territorju għandha tinħareġ mingħajr dewmien lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju Belġjan, meta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu tkun ġiet miċħuda mis-CGRA u l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jkun ġie rrifjutat. Madankollu, skont l-Artikolu 39/70(1) ta’ din l-istess liġi, tali ordni ma tistax tiġi eżegwita b’mod forzat matul it-terminu għall-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni tas-CGRA li tkun ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil fl-ewwel istanza u sa ma jiġi deċiż dan l-appell (3). Fit-23 ta’ Ġunju 2014, S. Gnandi appella quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għal Proċeduri ta’ Ażil u ta’ Immigrazzjoni, iktar ’il quddiem is-“CCE”) mid-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2014 tas-CGRA li jiċħad l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu. Fl-istess data, huwa talab lill-istess CCE jannulla kif ukoll jissospendi l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ tluq mit-territorju tat-3 ta’ Ġunju 2014. Fil-11 ta’ Lulju 2014, l-awtoritajiet Belġjani ħarġu lil S. Gnandi d-dokument speċjali ta’ residenza msemmi fl-Anness 35 tal-arrêté royal du 8 octobre 1981 concernant l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (id-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin), b’applikazzjoni tal-Artikolu 111 tal-imsemmi digriet, minħabba li huwa kien ippreżenta appell suġġett għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti quddiem is-CCE. Dan id-dokument, li inizjalment kien validu sal-10 ta’ Ottubru 2014, sussegwentement ġie estiż sal-10 ta’ Diċembru 2014. Barra minn hekk, indipendentement mill-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, S. Gnandi, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, ġie awtorizzat jirresjedi temporanjament fit-territorju Belġjan sal-1 ta’ Marzu 2017.

4.        Permezz tad-domanda preliminari tiegħu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju ta’ non-refoulement u d-dritt għal rimedju effettiv jipprekludux li deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115, bħall-ordni ta’ tluq mit-territorju indirizzata lil S. Gnandi, tiġi adottata fir-rigward ta’ applikant għall-ażil, hekk kif tiġi miċħuda l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali mill-ewwel istanza ta’ eżami u qabel l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu kontra tali ċaħda.

5.        Matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ngħalqet fit-18 ta’ Lulju 2016, S. Gnandi, il-Gvern Belġjan u Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6.        Fl-10 ta’ Jannar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża lir-Raba’ Awla.

7.        Inżammet seduta quddiem dan il-kulleġġ ġudikanti fl-1 ta’ Marzu 2017. Matul din is-seduta S. Gnandi, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom. Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-15 ta’ Ġunju 2017, id-data li fiha jiena ppreżentajt l-ewwel konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (4) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017”). F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ssuġġerejt lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li d-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ non-refoulement u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sanċiti rispettivament fl-Artikolu 19(2) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (5) u li, skont id-dritt tal-Unjoni u/jew id-dritt nazzjonali, huwa awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru li fih ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, matul it-terminu għall-preżentata tal-appell previst mill-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 kontra ċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni u, meta dan l-appell ikun ġie ppreżentat fit-termini, waqt l-eżami tiegħu. Issuġġerejt ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, għall-kuntrarju, id-Direttiva 2008/115 kif ukoll il-prinċipji ta’ non-refoulement u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ tali ċittadin wara ċ-ċaħda tal-imsemmi appell, sakemm, abbażi tad-dritt nazzjonali, dan iċ-ċittadin ma jiġix awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat fl-istennija tat-tmiem definittiv tal-proċedura tal-ażil.

8.        Billi kienet tqis li l-kawża kienet tqajjem kwistjoni dwar ir-rabta bejn is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343) u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115, ir-Raba’ Awla ddeċidiet, fil‑5 ta’ Ottubru 2017, li tibgħat il-kawża lura lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiġi assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ikbar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Sussegwentement, il-kawża ġiet assenjata lill-Awla Manja.

9.        Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Gnandi (C‑181/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:830), il-Qorti tal-Ġustizzja fetħet mill-ġdid il-proċedura orali u stiednet lill-partijiet ikkonċernati, imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tagħha, jieħdu pożizzjoni, bil-miktub, dwar tliet domandi inklużi fl-anness ta’ dak id-digriet. L-ewwel domanda kienet tirrigwarda n-natura ġuridika u l-għan tal-awtorizzazzjoni li l-applikant jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, imsemmija fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2005/85. It-tieni domanda kienet tirrigwarda, minn naħa, il-portata tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ din id-dispożizzjoni li tiġi mifhuma permezz tal-“loġika binarja”, tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz huwa, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, jew persuna li tirrisjedi regolarment jew persuna li tirrisjedi irregolarment. It-tielet domanda kienet tirrigwarda, min-naħa tagħha, l-effett potenzjali fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32/UE (6) u b’mod partikolari tal-Artikolu 46 tagħha, li fil-paragrafu 5, jimponi lill-Istati Membri jippermettu lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tagħhom ġiet miċħuda jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul it-terminu għall-preżentata ta’ appell kontra dik id-deċiżjoni u, jekk l-appell ikun ġie ppreżentat, sa’ ma dan jiġi deċiż. S. Gnandi, il-Gvern Belġjan, Ċek, Franċiż, Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni rrispondew għal dawn id-domandi. Is-sottomissjonijiet orali ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati kif ukoll tal-Gvern Ġermaniż instemgħu waqt is-seduta li nżammet quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Diċembru 2017.

10.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina biss il-problemi mqajma mid-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-anness tad-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Gnandi (C‑181/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:830), li, kif ser jintwera sussegwentement, jirrigwardaw essenzjalment il-portata tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115. Dawn il-konklużjonijiet għandhom, għalhekk, jinqraw bħala supplimentari għal dawk li jiena ppreżentajt fil‑15 ta’ Ġunju 2017, li nirreferi għalihom kemm għal rendikont iktar iddettaljat tal-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll għal kull aspett mhux direttament ittrattat f’dawn il-konklużjonijiet.

I.      Il-kuntest ġuridiku

11.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 jippreċiża li din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru.

12.      Skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]”

13.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Deċiżjoni ta’ ritorn” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

6.      Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn […] f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

II.    Analiżi

14.      Id-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi fl-anness tad-digriet tal-25 ta’ Ottubru 2017, Gnandi (C‑181/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:830), li jiftħu mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll id-diskussjoni li nbdiet bejn il-persuni kkonċernati waqt is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2017, iqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-fakultà li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 jirrikonoxxi lill-Istati Membri li jadottaw, fil-kuntest tal-istess att, deċiżjoni dwar it-tmiem tar-residenza regolari fl-istess waqt ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tistax tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali li, bħal S. Gnandi, kellu l-applikazzjoni tiegħu miċħuda quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex teżaminaha, iżda li għandu permess jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sakemm jiġi deċiż l-appell li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din l-awtorità.

15.      Kif diġà ddikjarajt fil-punti 83 sa 88 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, it-tweġiba għal din il-kwistjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tkun fin-negattiv. L-argumenti mressqa mill-Gvernijiet li rrispondew għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Gnandi (C-181/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:830) u minn dawk li ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2017 ma humiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li jqiegħdu f’diskussjoni din il-konklużjoni.

16.      Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser naqsam l-analiżi tiegħi f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ser neżamina, fid-dawl tat-test u tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2008/115, jekk applikant għall-protezzjoni internazzjonali li, bħal S. Gnandi fil-kawża prinċipali, ikollu awtorizzazzjoni li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sakemm jiġi deċiż l-appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni fl-ewwel istanza jaqax taħt id-Direttiva 2008/115. It-tieni parti ser tittratta l-eżami tal-portata tal-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jgawdu minn dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tal-proċeduri

17.      Hekk kif fakkart fil-punti 50 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kunċett ta’ “residenza irregolari” li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) tagħha, li jipprovdi li dan il-kunċett ifisser “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

18.      Fin-nuqqas ta’ riferiment espress għad-dritt nazzjonali, il-kunċett ta’ “residenza irregolari”, hekk kif iddefinit fil-punt preċedenti, għandu, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fit-testi tad-dritt tal-Unjoni (7), jiġi interpretat fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni biss, u dan minkejja li l-evalwazzjoni konkreta tan-natura regolari jew irregolari tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, skont il-każ, tiddependi wkoll mill-applikazzjoni ta’ regoli interni għal dan l-Istat Membru (8).

19.      Mid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fih (9), jirrisjedi irregolarment. Sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jitqies li jirrisjedi irregolarment għall-finijiet tad-Direttiva 2008/115, żewġ kundizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-preżenza fiżika tal-persuna kkonċernata fit-territorju ta’ Stat Membru, anki jekk għal perijodu limitat u mingħajr il-ħsieb li tibqa’ fih (10), u l-assenza ta’ dokument legali li jiġġustifika tali preżenza.

20.      Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment tal-1 ta’ Settembru 2005 (11) (iktar ’il quddiem il-“proposta għal Direttiva dwar ir-Ritorn”), li wasslet, wara negozjati twal, għall-adozzjoni tad-Direttiva 2008/115, kienet ippreċeduta mill-pubblikazzjoni, fl-10 ta’ April 2002, ta’ Green Paper dwar politika Komunitarja fil-qasam tar-ritorn tal-persuni li jirrisjedu irregolarment (iktar ’il quddiem il-“Green Paper”) (12), kif ukoll minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni sussegwentement għal din il-Green Paper, ippreżentata fl-14 ta’ Ottubru 2002 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2002”) (13) u sostnuta minn programm ta’ azzjoni tal-Kunsill fil-qasam tar-ritorn tat-28 ta’ Novembru 2002 (14). Dawn l-atti, kif ukoll id-dokumenti relatati mal-proċedura leġiżlattiva tad-Direttiva 2008/115, jipprovdu xi indikazzjonijiet dwar il-portata tal-kunċett ta’ “residenza irregolari” fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

21.      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-istandards komuni futuri, il-Green Paper kienet tindika, fil-punt 2.1 tagħha, li l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tar-rimpatrijazzjoni kellha qabel kollox tkun diretta lejn persuni “li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li jirrisjedu irregolarment fl-Unjoni, jiġifieri li “ma jissodisfawx, jew li ma jissodisfawx iktar, il-kundizzjonijiet għal dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn il-persuni kienu, kif spjegat fil-punt 2.2 tal-Green Paper, “iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma għandhomx status legali sabiex jibqgħu jew fuq bażi permanenti jew fuq bażi temporanja, u li fir-rigward tagħhom ebda Stat Membru ma għandu l-obbligu legali li jittollera r-residenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (15). Fil-Green Paper, l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ ritorn għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kienet prevista biss meta l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet definittivament miċħuda. F’dan is-sens, il-punt 2.3, bit-titolu “Ażil u Ritorn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kien jippreċiża li “[m]eta persuna li titlob protezzjoni tkun ibbenefikat minn proċedura ġusta u ta’ kwalità, wara li jkunu ġew eżawriti l-istadji kollha, meta l-bżonnijiet ta’ protezzjoni kollha tagħha jkunu ġew eżaminati u ma jkun hemm ebda motiv ieħor għal residenza legali fi Stat Membru, dik il-persuna għandha titlaq mit-territorju u tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha jew, jekk ikun il-każ, ta’ tranżitu” (16) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22.      Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni ddikjarat li l-espressjoni “persuna li tirrisjedi irregolarment” ma kellhiex tinftiehem bħala li tikkwalifika dawn il-persuni bħala illegali, iżda bħala li tenfasizza l-fatt li l-istatus tagħhom “ma josservax il-leġiżlazzjoni dwar id-dħul u/jew ir-residenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Is-sitwazzjoni ta’ residenza irregolari kienet deskritta fl-istess termini bħal dawk użati fil-punt 2.1 tal-Green Paper imsemmija iktar ’il fuq (17). Fir-rigward tal-Green Paper, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-komunikazzjoni wkoll għal “ċerti kategoriji ta’ persuni li jirrisjedu regolarment li għandhom status temporanju jew li t-tneħħija tagħhom tkun ġiet temporanjament sospiża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], b’mod partikolari “il-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, bħala prinċipju ta’ natura temporanja” (18) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din l-estensjoni kienet madankollu prevista biss għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ ritorn volontarju (19).

23.      Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal Direttiva dwar ir-Ritorn, f’konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva li għandha tiġi adottata b’riferiment għall-kunċett ta’ “residenza irregolari”. Ir-regoli l-ġodda kienu għalhekk intiżi li japplikaw “irrispettivament mir-raġuni tal-illegalità tar-residenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-persuna kkonċernata, “pereżempju, l-iskadenza tal-viża tagħha jew tal-permess ta’ residenza tagħha, ir-revoka jew l-irtirar tal-permess ta’ residenza tagħha […], l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, dħul illegali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-applikanti għall-ażil, l-illegalità tar-residenza kienet marbuta espliċitament ma’ “deċiżjoni finali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ ċaħda tal-applikazzjoni (20). Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza irregolari”, il-proposta tal-Kummissjoni kienet tirriproduċi kważi kelma b’kelma d-definizzjoni wiesgħa ħafna, li kienet mogħtija fil-Green Paper u fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2002. Din id-definizzjoni ġiet riprodotta, b’xi emendi formali meħtieġa mill-Kunsill, fit-test finali tad-Direttiva 2008/115 (21).

24.      Jirriżulta mill-punti 21 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet li qatt ma kienet kwistjoni, la fir-riflessjonijiet li ppreċedew il-bidu tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2008/115, u lanqas matul din il-proċedura, li jiġu applikati r-regoli komuni futuri dwar ir-ritorn forzat taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz lil applikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom ma kinitx ġiet definittivament miċħuda jew li l-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kienet ittollerata bis-saħħa ta’ obbligi legali imposti fuq dan l-Istat. Dan huwa rifless b’mod ċar fil-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 li tipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li applika għall-ażil fi Stat Membru ma għandux jitqies bħala li qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru “sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil” (22).

25.      Din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 hija, barra minn hekk, konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw is-sitwazzjoni legali tal-applikanti għall-ażil (u, b’mod iktar ġenerali, tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), li, bħal fil-każ tar-refuġjati rrikonoxxuti, igawdu minn status partikolari, stabbilit mid-dritt internazzjonali (23), u huma distinti, għalhekk, mill-migranti normali.

26.      B’hekk, id-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri l-osservanza ta’ standards minimi ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ residenza u ta’ libertà ta’ moviment, ta’ aċċess għas-sistema edukattiva pubblika, għas-suq tax-xogħol, għall-kura tas-saħħa u għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jippermettu livell ta’ għajxien adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi is-saħħa fiżika u mentali tagħhom (24). Il-vantaġġi kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards jibbenefikaw lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali sakemm ikunu awtorizzati jibqgħu f’din il-kapaċità fit-territorju ta’ Stat Membru.

27.      Id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi, barra minn hekk, lill-applikanti għall-ażil (u, b’mod iktar ġenerali, lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sakemm l-applikazzjoni tagħhom tkun qegħda tiġi eżaminata. Għalkemm, taħt id-Direttiva 2005/85, applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, dan id-dritt kien previst biss sakemm l-applikazzjoni għall-ażil kienet ġiet miċħuda fl-ewwel istanza (25), id-Direttiva 2013/32, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2005/85, estendietu sal-fażi tal-appell mid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza (26).

28.      L-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat joħroġ lill-applikanti għall-ażil, fi żmien qasir ħafna, dokument li jattesta d-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tiegħu “waqt li l-applikazzjoni [tagħhom] tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata” (27).

29.      Dan id-dokument ‐ li għandu jibqa’ validu sakemm l-applikant ikun awtorizzat jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (28) — filwaqt li ma huwiex permess ta’ residenza (29) fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1030/2002 (30), jikkostitwixxi madankollu, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-ewwel waħda mid-domandi bil-miktub annessi mad-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Gnandi (C‑181/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:830), awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tippermetti lil ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi legalment fit-territorju tiegħu (31), għalkemm b’mod temporanju u għall-finijiet tal-proċeduri biss.

30.      Issa, sa fejn huwa jirrisjedi legalment, jiġifieri b’mod mhux irregolari, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm iddum tali residenza legali, applikant għall-ażil li ġie awtorizzat jibqa’ f’ dan it-territorju sakemm tiġi deċiża l-applikazzjoni tiegħu (fl-ewwel istanza jew sussegwentement għall-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni tal-awtorità li tiddeċiedi fl-ewwel istanza) huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li din l-awtorizzazzjoni tkun inħarġet b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali biss, peress li dak li jgħodd huwa l-legalità tar-residenza tal-persuna kkonċernata.

31.      Hekk kif osservajt fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, din il-konklużjoni hija kkonfermata mis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2005/85, u dan matul il-perijodu li jkopri l-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni” (32).

32.      Ir-raġunament li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja għal din il-konklużjoni huwa ċar. Meta applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkollu d-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk ikollu fil-pusses tiegħu permess ta’ residenza kif ukoll jekk le, huwa ma jaqax taħt id-Direttiva 2008/115 peress li huwa ma jkunx qiegħed “[jirrisjedi] illegalment” skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva (33).

33.      Huwa minnu li “loġika binarja” ‐ li abbażi tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz qiegħed, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, jew jirrisjedi “regolarment” (rectius “mhux irregolarment”) jew jirrisjedi “irregolarment” ‐ hija l-bażi tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343). Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li ma huwiex fuq tali loġika li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha, iżda fuq il-konstatazzjoni diretta tan-natura legali tar-residenza tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tal-proċedura dwar l-applikazzjoni tiegħu.

34.      Tali konstatazzjoni u l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343) għandhom, barra minn hekk, portata ġenerali, fatt li jinjora ċ-ċirkustanzi tat-tilwima prinċipali fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza. Minn dan jirriżulta li huwa biss billi taqleb l-imsemmija sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal sabiex tafferma li d-Direttiva 2008/115 tapplika fir-rigward ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sal-eżitu tal-proċedura dwar l-applikazzjoni tiegħu.

35.      Barra minn hekk, hekk kif sostnejt fil-punti 55 sa 57 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343) f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ applikant għall-ażil awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85 tista’ immedjatament tiġi applikata għal dik ta’ applikant li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u li jgawdi, abbażi tad-dritt nazzjonali, minn dritt li jibqa’ f’dan l-Istat sakemm jiġi deċiż l-appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda.

36.      Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, ma hemm ebda differenza “kwalitattiva” bejn “id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’” previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85, u dak previst mill-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva, li l-għoti tiegħu jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Fiż-żewġ każijiet, dan huwa dritt li huwa rrikonoxxut biss temporanjament u għall-finijiet tal-proċeduri biss. Fiż-żewġ każijiet, dan id-dritt huwa essenzjalment intiż sabiex jipproteġi lill-applikant mill-konsegwenzi ta’ eventwali refoulement li jista’ jseħħ qabel ma l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet eżaminata jew qabel ma seta’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Fiż-żewġ każijiet, permezz ta’ dan id-dritt, l-applikant jibbenefika minn vantaġġi li huma previsti mill-istandards minimi fil-qasam tal-akkoljenza. L-unika differenza li kienet teżisti taħt id-Direttiva 2005/85 u li kienet tirrigwarda n-natura obbligatorja jew fakultattiva tal-għoti ta’ tali dritt tneħħiet mill-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 li, kif diġà fakkart, issa jipprevedi, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, l-obbligu għall-Istati Membri li jippermettu lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jirrisjedu fit-territorju tagħhom matul it-terminu għall-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni u matul l-eżami ta’ dan l-appell.

37.      Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, dak li jgħodd huwa l-legalità tar-residenza tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali u mhux ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-għoti ta’ dritt ta’ residenza jew it-tul previst tagħha.

38.      Għandu jiġi ppreċiżat, hekk kif għamilt fil-punti 72 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, u hekk kif jirriżulta mis-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 60) u tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 75 u 76), li l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2008/115 fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali awtorizzati jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sal-eżitu tal-proċeduri dwar l-applikazzjonijiet tagħhom u, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma humiex qegħdin jirrisjedu irregolarment skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li proċedura ta’ ritorn skont din id-direttiva ma tistax tiġi validament mibdija fir-rigward ta’ tali applikant jew ta’ tali ċittadin, u mhux fis-sens li proċedura diġà mibdija għandha neċessarjament tiġi annullata jekk, matul il-proċedura, il-persuna kkonċernata tippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew tikseb, għal raġunijiet oħra, dritt ta’ residenza temporanja (34). Fil-fatt, f’tali każijiet, il-proċedura tista’, jekk ikun il-każ, tiġi biss sospiża għat-tul ta’ validità tal-permess li jagħti tali dritt ta’ residenza (35).

39.      Bħala konklużjoni fuq din l-ewwel parti tal-analiżi tiegħi, nixtieq infakkar, fuq livell iktar ġenerali, li huwa biss meta r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat (jew ta’ persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni sussidjarja) huwa definittivament eskluż permezz ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-proċeduri li l-persuna kkonċernata titlef il-kwalità ta’ applikant għall-ażil (jew, b’mod aktar ġenerali, ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali) (36). Fil-fehma tiegħi, huwa biss f’dan il-mument li din il-persuna ssir tista’ taqa’ taħt id-Direttiva 2008/115 (37), bil-kundizzjoni li r-residenza tagħha fl-Istat Membru kkonċernat tkun irregolari.

 Fuq l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115

40.      Fl-ewwel parti tal-analiżi tiegħi, kif ukoll fil-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, jiena sostnejt li applikant għall-ażil (u, b’mod iktar wiesa’, applikant għall-protezzjoni internazzjonali), bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, iżda li huwa awtorizzat, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, jibqa’ fit-territorju ta’ dan l-Istat sakemm jiġi deċiż l-appell li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu, għandu jitqies, minħabba din l-awtorizzazzjoni, bħala li jinsab legalment f’dan it-territorju u li, minħabba f’hekk, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif iddefinit mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, fatt li jipprekludi lill-Istati Membri milli jibdew proċedura ta’ ritorn fil-konfront tiegħu.

41.      Għar-raġunijiet li diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017 u li ser niżviluppa iktar fid-dettall iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 ma jipprovdix argumenti kapaċi li jikkontestaw din il-pożizzjoni u li, kuntrarjament għal dak li sostnew l-Istati Membri intervenjenti waqt is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2017, din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens ta’ din id-direttiva f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

42.      Fil-fatt, huwa biss billi jiġi rrikonoxxut li l-portata tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 tikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva li jkun possibbli li wieħed jasal għal konklużjoni differenti. Madankollu, ebda element, la testwali, la sistematiku, u lanqas, saħansitra, ibbażat fuq l-interpretazzjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ma jippermetti li jiġi konkluż f’dan is-sens.

43.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115 ma jipprevedi ebda eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif definit fl-Artikolu 2(1). L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-każijiet li fihom l-Istati Membri huma awtorizzati ma jsegwux il-proċeduri previsti minn din tal-aħħar fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fis-sens tal-Artikolu 2(1). Għall-kuntrarju, ebda deroga ma hija prevista, f’dan l-artikolu, mir-regola stabbilita fl-Artikolu 2(1), li tipprovdi li d-Direttiva 2008/115 tapplika biss għaċ- ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment.

44.      Fit-tieni lok, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 (38) kif ukoll mill-inklużjoni tiegħu fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Terminazzjoni ta’ soġġorn illegali”, li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha tawtorizza lill-Istati Membri jakkumulaw diversi miżuri sabiex jibdew il-proċedura ta’ ritorn mingħajr dewmien hekk kif deċiżjoni li ttemm ir-residenza regolari tal-persuna kkonċernata, u timmarka l-bidu tar-residenza irregolari tagħha, hija adottata (39). Din il-formulazzjoni ma tippermettix, għall-kuntrarju, interpretazzjoni li abbażi tagħha l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tagħha, jiġifieri ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedux irregolarment. Tali interpretazzjoni mhux biss tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 u tal-Artikolu 2(1) tagħha, iżda tmur ukoll kontra l-istess definizzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ ritorn” li, skont l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, ikopri “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn” (40).

45.      Fit-tielet lok, nirrileva, hekk kif diġà għamilt fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 japplika “mingħajr preġudizzju [għad-]dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi [tal-Unjoni] u nazzjonali”. Issa, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet orali tagħha waqt is-seduta tal-1 ta’ Marzu 2017, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu wkoll l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2005/85 u, illum, l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jagħtu lill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali d-dritt li jibqa’ fit-territorji tagħhom matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 ma jistax, għaldaqstant, jiġi eżerċitat bi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet.

46.      Fir-raba’ lok, jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2008/115 li l-ewwel redazzjoni tal-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva, li tinsab fl-Artikolu 6(3) tal-proposta għal Direttiva dwar ir-Ritorn, kienet sempliċiment tipprevedi li “[i]d-deċiżjoni tar-ritorn għandha tinħareġ bħala att separat jew deċiżjoni, jew flimkien ma’ ordni tat-tkeċċija [tneħħija]”. L-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta kienet tispjega li din il-preċiżazzjoni kienet ġiet introdotta sabiex jiġi indirizzat it-tħassib espress, waqt il-konsultazzjonijiet li saru qabel, minn diversi Stati Membri li kienu jibżgħu li l-proċedura f’żewġ stadji (deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni ta’ tneħħija) prevista mill-Kummissjoni twassal għal dewmien (41). Kien wara emenda proposta mill-Kunsill ‐ sabiex l-Istati Membri jiġu espressament irrikonoxxuti, barra l-possibbiltà li jakkumulaw id-deċiżjoni ta’ ritorn u d-deċiżjoni ta’ tneħħija, dik li jakkumulaw dawn il-miżuri ma’ deċiżjoni li ttemm ir-residenza regolari tal-persuna kkonċernata – li l-leġiżlatur tal-Unjoni finalment wasal għar-redazzjoni attwali tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 (42). Minkejja dan it-tibdil ta’ test, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni baqa’ l-istess, jiġifieri dak li jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment. Għall-kuntrarju, xejn ma jippermetti li jitqies li din kienet, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-Direttiva 2008/115, kisbet l-għan li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidderogaw mill-qafas iddelimitat b’mod ċar mill-Artikoli 1 u 2(1) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u li tippermetti lill-Istati Membri jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedux irregolarment (43). Kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur, din kienet mingħajr dubju tkun ġiet espressa b’mod ċar u inkwadrat, u ma kinitx tkun moħbija wara dispożizzjoni ta’ natura proċedurali.

47.      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argumenti ta’ natura teleoloġika li fuqhom ibbażaw ruħhom ċerti Stati Membri fir-risposti tagħhom għall-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal-25 ta’ Ottubru 2017, Gnandi (C‑181/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:830) u waqt is-seduta tal 11 ta’ Diċembru 2017, huwa ċertament minnu li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 għandu l-għan li jħaffef il-proċeduri ta’ ritorn. Fil-fatt, l-adozzjoni simultanja tad-deċiżjoni li ttemm ir-residenza regolari u tad-deċiżjoni ta’ ritorn tiffaċilita, fir-rigward ta’ miżuri interkonnessi u interdipendenti, motivazzjoni ta’ din tal-aħħar per relatione u, fuq kollox, tippermetti l-iżvolġiment parallel, u possibbilment akkumulat, tal-proċeduri ta’ appell minn dawn il-miżuri. B’mod iktar ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ripetutament, l-istabbiliment ta’ politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ rimpatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment huwa wieħed mill-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2008/115 (44).

48.      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2008/115 hija intiża li tistabbilixxi sistema bbażata fuq regoli ċari, trasparenti u ġusti (45), bil-għan li tiġi promossa, f’qasam tant sensittiv bħal dak tar-ritorn forzat ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, iċ-ċertezza legali u li jiġu żgurati kemm l-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (46).

49.      Sabiex tagħmel dan, id-Direttiva 2008/115 tieħu bħala punt tat-tluq l-istess “loġika binarja” li fuqha hija bbażata s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), li għalhekk tirriżulta li hija koerenti mal-ispirtu ta’ din id-direttiva. Sabiex jiġu limitati kemm jista’ jkun l-inċertezzi fl-applikazzjoni tar-regoli li hija tipprevedi, din tistabbilixxi, fl-Artikolu 6(1), obbligu għall-Istati Membri li jipproċedu għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom u tipprevedi, fl-istess ħin, fl-Artikolu 6(2) sa 5, eċċezzjonijiet ċari għal dan l-obbligu. Minbarra dawn l-eċċezzjonijiet, kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, għandu jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn (47). Għall-kuntrarju, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedux irregolarment jew li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet huma, bħala prinċipju, esklużi mill-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva sakemm jibqgħu jippersistu r-raġunijiet għal din l-esklużjoni.

50.      Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 proposta mill-Istati Membri li intervjenew waqt is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2017, inkwantu din hija intiża li tippermetti li tinbeda proċedura ta’ ritorn fir-rigward ta’ kategorija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (48), mhux biss, kif spjegajt iktar ’il fuq, tmur kontra l-kliem u l-ispirtu tagħha, iżda timmina wkoll l-għan ta’ ċertezza legali li hija trid tilħaq, billi tiffavorixxi l-ħolqien ta’ żoni griżi u tikkontribwixxi għat-tixrid ta’ prattiki differenti fost l-Istati Membri (49), fatt li, barra minn hekk, imur kontra l-missjoni stess ta’ din id-direttiva, li hija dik li toħloq sett ta’ standards u ta’ prattiki komuni.

51.      Il-fatt li applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jgawdi minn dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru huwa fl-istess ħin suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn li, għalkemm ma tistax tiġi immedjatament eżegwita b’mod forzat, xorta waħda timponilu obbligu li jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat iwassal sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta’ inċertezza, jekk mhux, xi drabi, ta’ opaċità, ġuridika li tista’ tipperikola mhux biss it-trasparenza, iżda wkoll l-effettività (50) tal-proċeduri ta’ ritorn, kif ukoll tinterferixxi mal-osservanza, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, ta-istandards fil-qasam tal-akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali mfakkra iktar ’il fuq (51). Dan kollu, fl-aħħar mill-aħħar, għal gwadann, mhux dejjem evidenti, f’termini ta’ ħeffa tal-proċeduri. Fil-fatt, huwa minnu li l-adozzjoni simultanja tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza u tad-deċiżjoni ta’ ritorn tippermetti, bħala prinċipju, l-iżvolġiment parallel tal-eventwali proċeduri ta’ appell minn dawn iż-żewġ miżuri. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, peress li d-deċiżjoni ta’ ritorn hija ġġustifikata bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, appell mill-ewwel waħda, ippreżentat wara li l-appell mit-tieni waħda jkun ġie miċħud, jista’, min-naħa tiegħu, malajr jiġi miċħud. Barra minn hekk, ordni ta’ ritorn tista’, jekk ikun il-każ, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 u meta id-dritt nazzjonali jkun jippermetti dan, tingħata mill-qorti adita bl-appell mid-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza, fl-istess ħin bħas-sentenza li tiċħad dan l-appell. Issa, peress li, skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2008/115, l-appell minn deċiżjoni ta’ ritorn ma għandux neċessarjament effett sospensiv (dan huwa l-każ fid-dritt Belġjan), tali ordni tista’, skont il-każ, tiġi eżegwita minkejja l-fatt li jkun ġie ppreżentat appell kontriha.

III. Konklużjoni

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll tal-analiżi mwettqa fil-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017, inżomm il-proposta inizjali tiegħi ta’ risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li ġiet ifformulata, fl-imsemmija konklużjonijiet, kif ġej:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ non-refoulement u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sanċiti rispettivament fl-Artikolu 19(2) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, u li, bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u/jew tad-dritt nazzjonali, huwa awtorizzat sabiex jibqa’ fl-Istat Membru li fih ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, matul it-terminu għall-preżentata tal-appell previst mill-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 miċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni u, meta dan l-appell ikun ġie ippreżentat f’dawn it-termini, waqt l-eżami tiegħu. Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2008/115, kif ukoll il-prinċipji ta’ non-refoulement u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ tali ċittadin wara ċ-ċaħda tal-imsemmi appell, sakemm, abbażi tad-dritt nazzjonali, dan iċ-ċittadin ma jiġix awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat fl-istennija tat-tmiem definittiv tal-proċedura tal-ażil.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2008 L 348, p. 98.


3      L-Artikolu 39/70(1) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li “Ħlief bil-kunsens tal-persuna kkonċernata, ebda miżura ta’ tneħħija mit-territorju jew ta’ refoulement ma tista’ tiġi eżegwita b’mod forzat fil-konfront tagħha matul il-perijodu ffissat għall-preżentata ta’ appell u matul l-eżami tiegħu.”


4      EU:C:2017:467.


5      ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168.


6      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32).


8      Id-Direttiva 2008/115, li l-bażi ġuridika tagħha huwa biss l-Artikolu 63(3)(b) KE, ma tipprevedix, fil-fatt, armonizzazzjoni tar-raġunijiet li jtemmu r-residenza legali taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.


9      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48).


10      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48).


11      COM(2005) 391 finali.


12      COM/2002/0175 finali.


13      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar politika Komunitarja fil-qasam tar-ritorn tal-persuni li jirrisjedu irregolarment, COM(2002) 564 finali.


14      Dokument 14673/02 tal-25 ta’ Novembru 2002. Fl-aħħar nett, il-programm ta’ Den Haag, adottat fl-4 u fil-5 ta’ Novembru 2004 waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, espressament irrakkomanda d-definizzjoni ta’ standards komuni sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiġu rrimpatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom u b’osservanza sħiħa tad-dinjità tagħhom, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta fil-bidu tas-sena 2005.


15      Korsiv miżjud minni.


16      Korsiv miżjud minni.


17      Ara l-punt 1.2.2 tal-komunikazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2002. Fil-punt 2.3.4 ta’ din il-komunikazzjoni, bit-titolu “Tmiem tar-residenza legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni pproponiet “li persuna tista’ tkun obbligata titlaq mit-territorju ta’ Stat Membru mill-mument li fih ir-residenza legali tagħha tintemm, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza […], ta’ skadenza jew ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali. Hija ddikjarat li għandu wkoll jitqies, “fl-assenza ta’ effett sospensiv tal-appell li persuna tkun ippreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjutalha d-dritt li tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, li r-residenza legali ta’ din il-persuna tintemm” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (korsiv miżjud). Nirrileva, barra minn hekk, li anness mal-komunikazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2002 hemm inkluża lista ta’ definizzjonijiet, fosthom dik tal-kunċett ta’ “residenza irregolari”, li prattikament tuża kliem identiku għal dak użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115.


18      Ara l-punt 1.2.1 tal-komunikazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2002.


19      Fil-punt 2.4 tal-komunikazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni tipprovdi li jeżistu “żewġ tipi kbar ta’ ritorn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: ir-ritorn volontarju stricto sensu, li fil-kuntest tiegħu persuna tiddeċiedi fuq għażla tagħha stess li tirritorna fil-pajjiż tagħha u tibbenefika minn assistenza għal dan il-għan, u s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Istat jobbligaw lil persuna tirritorna, filwaqt li josservaw strettament id-dritt internazzjonali u jirrispettaw debitament id-drittijiet tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tippreċiża li “hemm ukoll sitwazzjoni ibrida, li fiha persuna taċċetta l-obbligu ta’ ritorn, inkambju għall-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


20      Ara l-punt 4 tal-espożizzjoni tal-motivi, korsiv miżjud. Ara wkoll il-Commission staff working document tal-1 ta’ Settembru 2005, SEC(2005) 1057, punt 1 u l-Commission staff working document tal-4 ta’ Ottubru 2005, SEC(2005) 1175, is-subartikolu 3.


21      Skont l-Artikolu 3(b) ta’ din il-proposta, “residenza irregolari” kienet tfisser “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew li ma jissodisfax iktar, il-kundizzjonijiet għal preżenza jew għal residenza f’dan l-Istat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-istess proposta kien jipprovdi li d-direttiva futura kellha tapplika fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri “li ma kienx jissodisfa jew li ma kienx jissodisfa iktar il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-Ftehim li Jimplimenta l-Ftehim ta’ Schengen” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew li r-residenza tiegħu “hija irregolari għal raġunijiet oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sussegwentement għal emenda proposta mill-Kunsill, iż-żewġ Artikoli ġew magħquda flimkien, fatt li ta lok għar-redazzjoni attwali tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115. Ara F. LUTZ, The Negotiations on the Return Directive, Comments and Materials, Nijmegen, Wolf Legal Publishers, 2010, Council position before the triligue (Dokument tal-Kunsill 15566/07), riprodott fl-Anness 5, p. 179.


22      Korsiv miżjud minni.


23      Il-prinċipju ta’ non-refoulement stabbilit mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) japplika wkoll fir-rigward tar-refuġjati li ma jkunux għadhom ġew irrikonoxxuti bħala tali.


24      Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), applikabbli ratione materiae għall-fatti tal-kawża prinċipali, u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), li ssostitwixxiet id-Direttiva 2003/9.


25      Ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85. Skont l-Artikolu 39(3)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri baqgħu, għall-kuntrarju, liberi li jiddeċiedu, skont l-obbligi internazzjonali tagħhom, jew jawtorizzawx jew le lill-applikanti għall-ażil jibqgħu fit-territorju tagħha anki sakemm jiġi deċiż l-appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda mogħtija fl-ewwel istanza.


26      Ara l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi li bla ħsara għall-każijiet previsti fil-paragrafu (6) ta’ dan l-artikolu, “l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju”. Id-dritt tal-applikant għall-ażil li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sakemm tittieħed deċiżjoni fl-ewwel istanza huwa issa previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.


27      Ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/9 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/33.


28      Ara l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2003/9 u l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2013/33. Hekk kif rajna iktar ’il fuq, meta d-Direttiva 2005/85 kienet fis-seħħ, id-dritt tal-Unjoni kien jimponi lill-Istati Membri jagħtu dritt ta’ residenza lill-applikanti għall-ażil biss matul l-ewwel fażi ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Sabiex jiggarantixxi l-eżerċizzju ta’ dritt għal rimedju effettiv, l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 estenda dan id-dritt għall-fażi ta’ eżami mill-ġdid tal-applikazzjoni.


29      Ara, f’dan is-sens, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85 u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32.


30      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3).


31      Skont l-Artikolu 1(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1030/2002, “permess ta’ residenza” għandu jfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u li jippermetti lil ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi legalment fit-territorju tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ “permessi maħruġa fil-pendenza ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għall-ażil”.


32      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 49 u l-punt 1 tad-dispożittiv).


33      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C-534/11, EU:C:2013:343, punt 48).


34      B’mod partikolari, għaliex, wara li tkun inħarġet fir-rigward tagħha ordni ta’ ritorn meta hija kienet qegħda tirrisjedi irregolarment, il-persuna kkonċernata tingħata mill-Istat Membru kkonċernat awtorizzazzjoni li tagħtiha d-dritt ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji jew ta’ kompassjoni, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115.


35      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115 li jipprevedi li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti dritt ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa ma għandu jieħu ebda deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin, iżda, jekk tali deċiżjoni tkun diġà ttieħdet, din tista’ sempliċement tiġi sospiża għat-tul ta’ dan id-dritt.


36      Skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2005/85, u llum skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2013/32, “‘applikant għall-ażil’ tfisser ċittadin jew ċittadina ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jagħmlu applikazzjoni għall-ażil li fir-rigward tagħha ma tkunx għadha ġiet meħuda deċiżjoni finali” (korsiv miżjud minni). L-istess definizzjoni kienet tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/09 u llum tinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33. Il-kunċett ta’ “deċiżjoni finali” huwa, minn naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/85, bħala “deċiżjoni […] li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati”. Ara, ukoll, l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32.


37      Fil-kummenti tagħha dwar il-Green Paper, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) – wara li rrikonoxxiet l-importanza, għall-finijiet taż-żamma tal-integrità tas-sistema ta’ ażil, ta’ politika effikaċi ta’ ritorn tal-persuni li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet “regolarment irrifjutata” – tippreċiża li “[b]y ‘properly rejected asylum-seekers’, UNHCR means those who, after due consideration of their claims in fair procedures, have been found not to qualify for refugee status on the basis of the 1951 Convention, nor to be in need of protection on other grounds, including, but not exclusively, obligations under international human rights instruments, and who are not authorised to stay in the country concerned for other compelling reasons. For UNHCR, the key consideration is that the rejection has taken place in accordance with international protection standards […]”.


38      Bħala tfakkira, din id-dispożizzjoni tipprevedi li deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, eventwalment, akkumulata ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija, tista’ tiġi adottata simultanjament ma’ deċiżjoni “dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali”.


39      Għalkemm il-kliem bil-Franċiż tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 huwa xi ftit ambigwu, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal, b’mod partikolari, il-verżjonijiet Taljana (“decidano di porre fine al soggiorno regolare”) jew Ingliża (“decision on the ending of a legal stay”) huma ċari ħafna fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni li ttemm ir-residenza regolari.


40      Korsiv miżjud minni.


41      Punt 4 tal-proposta għal Direttiva dwar ir-Ritorn, taħt it-taqsima bit-titolu “Kapitolu II”. Ara, wkoll is-SCIFA Guidelines (Dokument tal-Kunsill 6624/07), riprodotti fl-Anness 4 ta’ F. LUTZ, op. cit., p. 175.


42      Ara Council position before trilogue (Dokument tal-Kunsill 15566/07) riprodott fl-Anness 5 ta’ F. LUTZ, op. cit., p. 197.


43      Barra minn hekk, nirrileva li l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115, li tippreċiża li din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għad-“dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali” – fosthom, hekk kif fakkart fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm dawk li jagħtu lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali d-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni sal-eżitu tal-proċedura li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom – ma kinitx tinsab fit-test tal-emenda proposta mill-Kunsill, iżda ġiet miżjuda sussegwentement.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi El Dridi, (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 59) u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 75).


45      Ara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva.


46      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2, 17 u 24 u l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.


47      Fatt li jfisser li l-Istati Membri ma humiex iktar ħielsa li jittolleraw il-preżenza ta’ tali ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tagħhom.


48      Jiġifieri l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jibbenefikaw, b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, minn awtorizzazzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, għalkemm temporanja u għall-finijiet tal-proċeduri biss.


49      F’dan ir-rigward, nirrileva li, waqt is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreċiżat li, skont l-informazzjoni li hija kellha, il-prattika li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jiġi nnotifikat b’deċiżjoni ta’ ritorn hekk kif tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza tirrigwarda biss numru limitat ta’ Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.


50      Bħala prinċipju, la darba mibdija, il-proċedura ta’ ritorn għandha titlesta. Hekk kif tiġi kkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-għan tat-tneħħija fl-iqsar żmien possibbli huwa stabbilit u għandu, bħala prinċipju, jiġi osservat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 76)). Għalhekk huwa mixtieq li din il-proċedura tinbeda biss meta ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun saret definittiva, minflok li tibqa’ sospiża jew li jkollha terġa’ tinbeda mill-ġdid meta d-deċiżjoni li tiċħad din l-applikazzjoni fl-ewwel istanza tiġi annullata.


51      Fir-rigward tal-ordni ta’ tluq mit-territorju nnotifikata lil S. Gnandi, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 84 sa 99 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ġunju 2017.