Language of document : ECLI:EU:T:2018:884

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Diċembru 2018(*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea V – Trade marks figurattivi internazzjonali preċedenti V – Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti rreġistrata – Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 [li sar l-Artikolu 7(2)(a)(ii) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625]”

Fil-Kawża T‑848/16,

Deichmann SE, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Onken, avukat

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Söder u D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Vans, Inc., stabbilita f’Cypress, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Hirsch, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-20 ta’ Settembru 2016 (Każ R 2129/2015-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Deichmann u Vans,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: Reġistratur: R. Ukelyte, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Frar 2017,

wara li rat id-deċiżjoni tal-12 ta’ Mejju 2017 li tgħaqqad il-Kawżi T‑848/16 u T‑817/16 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura,

wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fls-17 ta’ Ottubru 2011, l-intervenjenti, Vans, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        Fil-21 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti, Deichmann SE għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea Nru 937 479, tal-10 ta’ Awwissu 2007, għal prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28, u li jidhru kif ġej:

Image not found

–        ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea Nru 937 526, tal-10 ta’ Awwissu 2007, għal prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28, u li jidhru kif ġej:

Image not found

–        ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea Nru 937 528, tat-13 ta’ Awwissu 2007, għal prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28, u li jidhru kif ġej:

Image not found

6        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001].

7        Fit-28 ta’ Settembru 2015, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO ċaħdet l-oppożizzjoni, billi qieset, minn naħa waħda, li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tat-trade marks Nri 937 479 u 937 526 u, min-naħa l-oħra, li l-protezzjoni tat-trade mark Nru 937 528 ma kinitx ġiet stabbilita kif titlob il-liġi.

8        Fil-21 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, peress li qieset li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-20 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell tar-rikorrenti mingħajr ma tiġi eżaminata l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni allegata minn din tal-aħħar.

10      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ prova tal-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea Nru 937 528 (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      It-tieni nett, filwaqt li bbaża ruħu fuq ir-Regola 19(1) sa (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1995, L 303, p. 1) [li sar l-Artikolu 7(1) sa (4) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2018, li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1)], il-Bord tal-Appell qies li ma kienx fondat fir-rigward tal-protezzjoni ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali Nri 937 479 u 937 526.

12      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li għandu jkun hu li jeżamina ex officio l-prova tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti meħtieġa mir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, mingħajr ma tkun meħtieġa talba mill-partijiet (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li l-kundizzjonijiet tar-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95 ma kinux jikkostitwixxu kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-oppożizzjoni, iżda kundizzjonijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tal-eżami tal-mertu u li, konsegwentement, l-EUIPO ma kellux l-obbligu li jinforma lill-opponenti bl-irregolaritajiet tad-dokumenti prodotti u li jistedinhom konkretament sabiex jiipproduċi ċerti provi oħra (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Il-Bord tal-Appell qies li, fir-rigward ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, fejn il-protezzjoni tagħha testendi għall-Unjoni Ewropea, il-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti kellha tkun prodotta skont ir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95 (li saret l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2018/625), permezz ta’ dokumenti uffiċjali li toriġina mill-awtorità kompetenti li tkun wettqet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, u għandhom ikunu ppreżentati fil-lingwa tal-proċeduri jew flimkien ma’ traduzzjoni skont ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95 (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 190 tar-Regolament 2017/1001), reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea kienet ippubblikata mill-EUIPO biss b’tali mod li ċerta informazzjoni bibljografika, ir-riproduzzjoni tat-trade mark kif ukoll in-numri tal-klassijiet jiġu ppubblikati (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Il-Bord tal-Appell qies li, skont ir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, ir-rikorrenti kellha tipproduċi silta mir-reġistru tal-uffiċċju internazzjonali, inkluża t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, biex turi l-protezzjoni ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell irrileva li, billi pproduċiet estratt mid-database TMview, li ma hijiex ġestita mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), iżda mill-EUIPO, kif ukoll traduzzjoni fil-lingwa proċedurali tal-lista ta’ prodotti, ir-rikorrenti ma tatx prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti tagħha (punti 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Bord tal-Appell żied li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni diġà kellha tiċħad l-oppożizzjoni bħala mhux motivata, peress li l-provi xierqa tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali Nri 937 479 u 937 526 ma kinux ġew prodotti fit-terminu stabbilit (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

18      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

19      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

21      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 2017/1001) kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95 [li sar l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 2018/625], billi kkunsidra li hija kellha ġġib il-prova tal-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti li tindika l-Unjoni Ewropea Nri 937 479 937 526.

22      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) (ii) tar-Regolament Nru 2868/95 [li sar l-Artikolu 7(2)(a) (ii) tar-Regolament Nru 2018/625] u tar-Regola 19(3) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll ir-Regola 20 tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(1) sa (4) u (7) sa (9) tar-Regolament 2018/625), billi kkunsidra li hija ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha Nri 937 479 u 937 526 u għal din ir-raġuni ċaħdet l-oppożizzjoni bħala infondata.

23      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li, anki jekk jitqies li l-estratti mid-database TMview ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trattament ugwali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, b’mod partikolari fir-rigward tal-prattika deċiżjonali tal-EUIPO u l-kontenut tad-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO.

 Fuq l-ewwel motiv

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 2017/1001) kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, billi kkunsidra li hija kellha tipproduċi l-prova tal-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti li tindika l-Unjoni Ewropea Nri 937 479 u 937 526.

25      Ir-rikorrenti ssostni li reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea għandhom l-istess effett bħad-dispożizzjonijiet tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, għaldaqstant, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ trade marks għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Peress li ma jkunx meħtieġ, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jagħtu prova tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti skont ir-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, l-istess għandu japplika fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jipprevalu fuq dawk tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2868/95.

26      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-produzzjoni ta’ prova ta’ drittijiet preċedenti hija inutli fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea, fatt li jiddistingwihom mit-trade marks nazzjonali u mir-reġistrazzjoni internazzjonali li jindikaw biss ċerti Stati Membri tal-Unjoni. Fil-fatt, l-EUIPO għandu informazzjoni li tista’ ssostni l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari peress li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq id-database CTM-Online (li saret eSearch plus), skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009. Il-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali sabiex timmotiva l-oppożizzjoni hija għalhekk superfluwa, għajr, fejn xieraq, fir-rigward ta’ traduzzjoni tal-lista ta’ prodotti u servizzi fil-lingwa tal-kawża, li kienet ġiet ippreżentata f’dan il-każ.

27      L-EUIPO jqis li l-kwistjoni dwar jekk kienx meħtieġ li tingħata prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni ma għandhiex tiġi deċiża f’din il-kawża, peress li t-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti huwa fondat.

28      L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

29      Preliminarjament, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009 applikabbli għal reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 2868/95.

30      Skont l-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 182 tar-Regolament Nru 2017/1001), li jinsab fit-Taqsima 1 tat-Titolu XIII, intitolat “Ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ trade marks”:

“Ħlief jekk xort’oħra speċifikat f’dan it-Titolu, dan ir-Regolament u r-Regolamenti Implimentattivi tiegħu għandhom jgħoddu għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet internazzjonali taħt il-Protokoll li għandu x’jaqsam mal-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marki, adottat f’Madrid fis- 27 ta’ Ġunju 1989 (minn issa ’l quddiem imsejħa “applikazzjonijiet internazzjonali” u “l-Protokoll ta’ Madrid” rispettivament), ibbażati fuq applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew fuq trade mark Komunitarja u għal reġistrazzjonijiet ta’ marki fir-reġistri internazzjonali miżmuma mill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà (minn issa ’l quddiem imsejħa “reġistrazzjonijiet internazzjonali” u “l-Bureau Internazzjonali”, rispettivament) li jinnominaw il-Komunità Ewropea”

31      Skont l-Artikolu 151 tar-Regolament Nru 207/2009:

“1.      Reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta’ Madrid jew mid-data tan-nomina sussegwenti tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 3b (2) tal-Protokoll ta’ Madrid, ikollha l-istess effett bħal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

2.      Jekk l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Madrid jew jekk xi ċaħda ta’ din ix-xorta ġiet irtirata, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marka li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha, mid-data msemmija fil-paragrafu 1, ikollha l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta’ marka bħala trade mark Komunitarja.

3.      Għall-għanijiet li jkun applikat l-Artikolu 9(3), pubblikazzjoni tad-dettalji tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 152(1) għandha tieħu post il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u pubblikazzjoni skont l-Artikolu 152(2) għandha tieħu post il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja”.

32      Skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 8(1) u (7) tar-Regolament 2018/625), l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, jekk, qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi fir-Regola 19(1) tal-istess regolament, il-opponenti ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti, kif ukoll id-dritt li tippreżenta oppożizzjoni.

33      Ir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi:

“1.      L-Uffiċċju għandu jagħti lill-opponenti l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15(3), fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni kellhom jibdew skond Regola 18(1).

2.      Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-opponenti għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-opponenti għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

a)      jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunit[à], trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

i)      […];

ii)      jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark;

[…].

3.      L-informazzjoni u evidenza msemmija f’paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-lingwa tal-kawża jew akkompanjati bi traduzzjoni. It-traduzzjoni għandha tkun sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali.”

34      Mid-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, jirriżulta li huma applikabbli għal reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 207/2009, li l-opponenti trid tipprovdi l-prova tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti, fejn l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea. In-neċessità li tinġieb prova bħal din għalhekk tikkonċerna wkoll reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea, li ma jikkostitwixxux trade marks tal-Unjoni Ewropea.

35      Il-fatt li l-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ trade mark li tindika l-Unjoni Ewropea tipproduċi, mid-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ikollha l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ma għandha l-ebda impatt fuq il-ħtieġa li l-opponenti tipproduċi prova ta’ reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti li tindika l-Unjoni Ewropea, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) (ii) tar-Regolament 2868/95. Fil-fatt, ir-rekwiżit li trade mark preċedenti prevista mir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95 hija dispożizzjoni li tikkonċerna l-possibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, inkluża reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea, jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, u mhux dispożizzjoni dwar l-effetti ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li huma stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 14 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 9 sa 17 tar-Regolament 2017/1001), li jinsabu fit-Taqsima 2, intitolata “Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea”, tat-Titolu II tar-Regolament Nru 207/2009.

36      B’hekk, ir-Regola 19(2)(a) (ii), tar-Regolament Nru 2868/95, inkwantu tipprovdi li l-opponenti għandha tipproduċi provi ta’ protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea, ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li ma jikkonċernawx, min-naħa tagħhom, ir-regoli tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

37      Ir-rikorrenti ma tistax utilment targumenta, sabiex tipprova turi li l-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, li l-produzzjoni tal-prova tat-trade marks preċedenti ma hijiex neċessarja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea, peress li l-EUIPO għandu, fid-dawl tal-pubblikazzjoni fid-database CTM-Online (li saret eSearch plus) tal-indikazzjonijiet tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea previsti fl-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009, informazzjoni li setgħet issostni l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea.

38      Fil-fatt, anki li kieku kellu jitqies li l-EUIPO jipprovdi informazzjoni dwar reġistrazzjonijiet internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea, jirriżulta mit-termini ċari tar-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li, kif intqal qabel, dawn ma kinux kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li hija l-opponenti stess li għandha tipproduċi prova ta’ protezzjoni tad-dritt preċedenti.

39      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma kisirx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, billi kkunsidra li hija kellha ġġib il-prova tal-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti li tindika l-Unjoni Ewropea Nri 937 479 u 937 526.

40      Għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi skartat.

 Fuq it-tieni motiv

41      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser ir-Regola 19(2)(a)(ii) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll ir-Regola 20 tal-istess regolament, billi kkunsidra li hija ma kinitx ipprovdiet prova tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti Nri 937 479 u 937 526.

42      Ir-rikorrenti ssostni li l-produzzjoni ta’ estratt mid-database TMview jikkostitwixxi mezz ta’ prova li jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regola 19(2), tar-Regolament Nru 207/2009. Hija ssostni li l-informazzjoni tad-database TMview ġejjin, mill-uffiċċji tat-trade marks parteċipanti b’mod partikolari mill-WIPO, u li l-estratti tad-database għandu jkun fihom l-informazzjoni rilevanti kollha biex juru prova ta’ protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti li tindika l-Unjoni Ewropea. Hija żżid li l-validità ta’ estratti mid-database TMview hija rrikonoxxuta mill-prattika amministrattiva stabbilita tal-EUIPO imsemmija fid-direttivi ta’ eżami tiegħu.

43      Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet, f’dan il-każ, estratti tad-database TMview, kif ukoll traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tal-lista ta’ prodotti u servizzi skont ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95, u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li hija ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-protezzjoni tat-trade marks internazzjonali preċedenti Nri 937 479 u 937 526.

44      L-EUIPO jqis li dan il-motiv huwa fondat.

45      L-intervenjenti tqis li l-motiv għandu jiġi miċħud peress li d-database hija TMview hija ġġestita mill-EUIPO, u mhux biss tal-WIPO, li hija l-unika awtorità kompetenti fil-qasam ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks internazzjonali. Il-produzzjoni ta’ estratti ta’ din id-database bħala prova ta’ trade mark internazzjonali preċedenti hija għalhekk kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95.

46      Skont l-intervenjenti, id-direttivi dwar l-eżami tal-EUIPO jippermettu l-estratti tad-database TMview bħala prova tal-eżistenza u l-validità tad-drittijiet preċedenti ma humiex applikabbli f’dan il-każ. L-ewwel nett, id-direttivi dwar l-eżami tal-EUIPO ġew sentejn wara l-iskadenza tat-terminu li fih ir-rikorrenti kienet obbligata timmotiva drittijiet preċedenti. It-tieni nett, dawn id-direttivi ma humiex ta’ natura vinkolanti u ma humiex konformi mar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95. Dawn ir-regolamenti jieħdu preċedenza fuq id-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO u għandhom jiġu applikati mill-Bordijiet tal-Appell, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata meta jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

47      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO jawtorizzaw il-produzzjoni ta’ estratti mid-database TMview.

48      Ir-rikorrenti fil-fatt tafferma, insostenn tat-tieni motiv tagħha, li d-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO jippreċiżaw, f’dak li jirrigwarda r-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li, sabiex tiġi stabbilita l-validità ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti ta’ trade marks li ma humiex trade marks tal-Unjoni Ewropea, il-opponenti tista’ tipproduċi, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet preċedenti li jindikaw l-Unjoni, estratti mid-database TMview.

49      Fil-verżjoni tagħhom bid-data tat-23 ta’ Marzu 2016, prodotta bħala anness mar-rikors, dawn id-direttivi jindikaw, fil-punt 4.2.3.2 tal-parti C, “Oppożizzjoni”, Taqsima 1 “Kwistjonijiet Proċedurali”, li l-EUIPO jaqbel, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali, estratt mid-database TMview, sakemm dawn ikun fihom l-informazzjoni rilevanti.

50      Madankollu, il-fondatezza tal-motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95, u mhux mad-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO

51      Fil-fatt, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C-37/03 P, EU:C:2005:547, punt 47; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, EU:C:2006:20, punt 48, u tal-19 ta’ Jannar 2012, UASI vs Nike International, C-53/11 P, EU:C:2012:27, punt 57).

52      Id-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO ma jikkostitwixxux atti legalment vinkolanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C-149/11, EU:C:2012:816, punt 48). Il-previżjonijiet tad-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO ma jistgħux, fihom innifishom, la jipprevalixxu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95 u lanqas jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, dawn huma intiżi sabiex jinqraw skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95 (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Interkobo vs UASI – XXXLutz Marken (my baby), T‑523/10, EU:T:2012:326, punt 29).

53      Għalhekk, il-previżjonijiet tad-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95, dwar produzzjoni mill-opponent tal-prova tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti, lanqas jinfluwenzaw l-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet mill-Qorti Ġenerali.

54      L-argument li bih ir-rikorrenti tinvoka l-kontenut tad-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO biex juru ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

55      Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95 jippermettu lill-opponenti li tipproduċi mhux biss kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rilevanti u, fejn ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, iżda wkoll kull dokument ekwivalenti ieħor li joriġina mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trade mark.

56      Ġie deċiż li l-produzzjoni ta’ dokument, li joriġina mill-awtorità kompetenti u li jinkludi l-istess informazzjoni bħal dik li tidher f’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, tissodisfa d-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95 [is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, Kicktipp vs UASI – Italiana Calzature (kicktipp), T‑135/14, EU:T:2016:69, punt 63].

57      Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li jipproduċi dokumenti ta’ bażi ta’ data, bażi ta’ data ta’ uffiċċju nazzjonali kompetenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Grau Ferrer vs UASI – Rubio Ferrer (Bugui va), T-543/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:911, punti 25 u 26].

58      Filwaqt li d-dokumenti inkwistjoni “maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark”, ir-Regola 19(2)(a) (ii) tar-Regolament Nru 2868/95 jeskludi l-possibbiltà li jiġu prodotti estratti minn database li jagħtu aċċess għal dokumenti mhux maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trade mark. B’hekk, l-estratti tad-database tal-EUIPO, CTM-Online ma jikkostitwixxux provi ta’ protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina l-Unjoni Ewropea, peress li l-EUIPO, li ma hijiex l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks internazzjonali, li ma huwiex mill-amministrazzjoni li magħha l-applikazzjoni għat-trejdmark kienet iffajljata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Aldi Einkauf vs UASI – Alifoods (Alifoods), T-240/13, EU:T:2014:994, punti 27 u 28].

59      Min-naħa l-oħra, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2) (a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95 jipprevedi li dokumenti “maħruġa” mill-awtorità kompetenti, ma jostakolawx l-aċċess għal dokumenti tal-awtorità kompetenti permezz ta’ sistema kompjuterizzata, ġġestita mill-EUIPO, iżda li fiha tieħu sehem l-awtorità kompetenti billi tittrażmetti u taġġorna l-informazzjoni rilevanti.

60      Mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet li ngħataw mill-EUIPO fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, jirriżulta li d-database TMview hija għodda informatika ġġestita mill-EUIPO bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċċji tat-trade marks terzi, b’mod partikolari tal-WIPO. Din l-għodda tiġbor l-applikazzjonijiet u reġistrazzjonijiet ta’ trade marks tal-uffiċċji tat-trade marks parteċipanti u tippermetti aċċess għalihom. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-uffiċċji tat-trade marks li jkollhom il-kontenut u r-responsabbiltà tal-aġġornament ta’ kuljum. Id-database TMview tippermettilhom jikkonsultaw informazzjoni dwar trade marks irreġistrati mill-uffiċċji tat-trade marks involuti f’din id-database kif imniżżel fir-reġistru tat-trade marks rispettivi tagħhom. Estratt mid-database TMview tirrifletti l-istat tar-Reġistru tal-awtorità kompetenti fil-mument tal-konsultazzjoni tad-database mill-utent.

61      Minħabba l-karatteristiċi tad-database TMview esposti fil-punt 60 iktar ’il fuq, estratt minn din id-database tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni, dokument ekwivalenti għal kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li joriġina mill-WIPO, fis-sens tar-Regola 19(2)(a) (ii) tar-Regolament Nru 2868/95, bil-kundizzjoni li l-estratt pprovdut mill-opponenti jkollu fih l-informazzjoni rilevanti. Meta din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, estratt mid-database TMview ikun analogu, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti u l-EUIPO, għal estratt mid-database Romarin tal-WIPO jew kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni f’din l-organizzazzjoni.

62      Il-fatt, invokat mill-intervenjenti, li d-database hija mmaniġġjata TMview tal-EUIPO ma jikkonfutax din il-konklużjoni peress li l-WIPO, li hija l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks internazzjonali, tipparteċipa fil-funzjonament ta’ din id-database, billi tipprovdi u taġġorna kuljum l-informazzjoni dwar it-trade marks internazzjonali.

63      Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ma tistax issostni li s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Alifoods (T-240/13, EU:T:2014:994), tipprekludi l-użu tad-database TMview għall-istabbiliment tal-protezzjoni ta’ trade mark internazzjonali preċedenti.

64      Fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Alifoods (T-240/13, EU:T:2014:994), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-EUIPO ma huwiex responsabbli għall-ġestjoni tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali u ma huwiex l-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trade mark, fis-sens tar-Regola 19(2)(a) (ii) tar-Regolament Nru 2868/95, id-dokument prodott mir-rikorrenti, jiġifieri estratt tad-database tal-EUIPO, CTM-Online ma jikkostitwixxix, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali.

65      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, sussidjarjament, li din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009, il-pubblikazzjoni mill-EUIPO ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni tirrigwarda biss ċerta informazzjoni, fosthom ir-riproduzzjoni tat-trade mark kif ukoll in-numri tal-klassijiet tal-prodotti u tas-servizzi koperti, iżda mhux il-lista ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. L-imsemmija lista ma hijiex tradotta mill-EUIPO u hija għalhekk disponibbli biss fit-tliet lingwi li fihom l-WIPO ppubblikat ir-reġistrazzjoni internazzjonali, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispjanjol u l-Franċiż. Minn dan jirriżulta li, jekk tali informazzjoni ppubblikata mill-EUIPO kienet ikkunsidrata bħala suffiċjenti bħala prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ikkonċernata, minn dan jirriżulta, fuq il-livell legali, inċertezza u inugwaljanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Alifoods, T-240/13, EU:T:2014:994, punti 29 sa 31).

66      Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Alifoods (T-240/13, EU:T:2014:994), marbuta ma’ estratti mid-database CTM-Online ma jistgħux jiġu trasposti fid-database TMview.

67      Fil-fatt, il-funzjonament tad-database TMview huwa żgurat permezz tal-parteċipazzjoni tal-uffiċċji tat-trade marks bħal WIPO, li jiżguraw kuljum l-aġġornament tal-informazzjoni, sabiex din l-informazzjoni tiġi riflessa b’mod fidil fir-reġistri tagħhom ta’ trade marks.

68      Barra minn hekk, l-informazzjoni inkluża fid-database TMview ma humiex illimitati biss għal indikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea li l-pubblikazzjoni tagħhom hija prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009. Din id-database, li minna jistgħu jiġu jittieħdu estratti, tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti biex tagħti prova tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti skont it-tifsira tar-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, inkluża l-lista ta’ prodotti jew servizzi koperti.

69      Fil-każ li l-lista ta’ prodotti jew servizzi li tinsab fl-estratt tad-database TMview mhix disponibbli fil-lingwa tal-kawża tal-oppożizzjoni, l-opponenti għandha tippreżenta dik il-lista akkumpanjata bit-traduzzjoni tagħha fil-lingwa tal-kawża, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95. Jekk tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni, l-possibbiltà li tinġieb l-prova tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti li tindika l-Unjoni Ewropea billi jiġu prodotti estratti mid-database TMview ma toħloqx, fuq il-livell legali, inċertezza u inugwaljanza.

70      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-produzzjoni ta’ estratt mid-database TMview, bil-kundizzjoni li dan l-estratt jinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti, partikolarment il-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti, tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw l-Unjoni Ewropea, dokument ekwivalenti għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li joriġina mill-WIPO, fis-sens tar-Regola 19(2)(a) (ii) tar-Regolament Nru 2868/95.

71      Fit-tielet lok, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet, fit-terminu previst mir-Regola 19(1) tar-Regolament Nru 2868/95, estratti tad-database TMview dwar reġistrazzjonijiet internazzjonali preċedenti li jindikaw l-Unjoni Ewropea Nru 937 479 u 937 526. Huwa paċifiku, kif barra minn hekk ikkonfermat l-intervenjenti matul is-seduta, li dawn kienu jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata ta’ trade mark preċedenti, b’mod partikolari l-lista tal-prodotti koperti minn dawn it-trade marks. Il-lista ta’ prodotti kienet akkumpanjata, skont ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95, minn traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ oppożizzjoni, jiġifieri l-Ġermaniż, prodotta fit-terminu speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali.

72      B’hekk, ir-rikorrenti wriet, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95, u kif tirrikonoxxi barra minn hekk l-EUIPO, l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali preċedenti Nri 937 479 u 937 526 qabel l-iskadenza tat-terminu previst mir-Regola 19(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li l-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regola 19(2)(a) (ii) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95, kif ukoll ir-Regola 20 tal-istess regolament, billi kkunsidra li hija ma kinitx ipproduċiet, qabel l-iskadenza tat-terminu previst mir-Regola 19(1) tar-Regolament imsemmi, il-prova tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha Nri 937 479 u 937 526 u għal din ir-raġuni ċaħad l-oppożizzjoni bħala infondata.

74      Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti.

75      Peress li t-tieni motiv huwa fondat, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tielet motiv, sussidjarju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trattament ugwali u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

77      Peress li l-EUIPO tilef, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija annullata, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

78      Peress li l-intervenjenti tilfet, hemm lok li tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-20 ta’ Settembru 2016 (Każ R 2129/2015-4) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti minn Deichmann SE.

3)      Vans., Inc. għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.