Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-57/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Pethke u J. Jokubauskaitė, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi applikat l-iskema b’rata fissa għall-bdiewa kollha indipendentement minn jekk l-applikazzjoni tal-iskema normali dwar il-VAT jew tal-iskema speċjali għal impriżi żgħar tkunx tagħti lok għal diffikultajiet għalihom, u billi applikat ir-rata ta’ taxxa ta’ kumpens b’rata fissa, li twassal għal eċċess strutturali fil-kumpens tat-taxxa tal-input imħallsa, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 296(1) u 299 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(1) tad-Direttiva 2006/112/KE

Bl-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi applikat l-iskema b’rata fissa għall-bdiewa kollha, indipendentement minn eventwali diffikultajiet ikkawżati lill-bdiewa meta tiġi applikata l-iskema normali dwar il-VAT jew l-iskema speċjali għal impriżi żgħar, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 296 tad-Direttiva 2006/112.

L-Artikolu 296 tad-Direttiva 2006/112 jeżiġi distinzjoni xierqa tal-bdiewa li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema b’rata fissa. Għaldaqstant, sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, il-bdiewa għandhom jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-iskema normali dwar il-VAT jew tal-iskema speċjali taħt il-Kapitolu 1. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq tali selezzjoni kkwalifikata tal-bdiewa li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.

Bit-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 299 tad-Direttiva 2006/112 sa fejn ir-rata tat-taxxa ta’ kumpens b’rata fissa stabbilita minnha twassal għal eċċess strutturali fil-kumpens tat-taxxa tal-input effettivament imħallsa mill-bdiewa b’rata fissa.

Fil-kalkolu, is-servizzi tal-agrikoltura pprovduti minn kuntratturi kummerċjali jitnaqqsu mid-dħul mill-bejgħ tas-settur agrikolu kollu, minn naħa, filwaqt li biss it-taxxa tal-input dovuta mill-bdiewa li huma suġġetti għall-iskema normali dwar il-VAT, u mhux it-taxxa tal-input dovuta mill-kuntratturi kummerċjali, titnaqqas mit-taxxa tal-input tas-settur agrikolu kollu, min-naħa l-oħra. Dan iwassal għal eċċess strutturali fil-kumpens dovut għar-rimbors tat-taxxa tal-input b’rata fissa tal-bdiewa b’rata fissa.

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.