Language of document : ECLI:EU:F:2014:229

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

30 ta’Settembru 2014

Kawża F‑35/12

DM

vs

Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ORECE)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ – Viżta medika ta’ reklutaġġ – Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Riżerva medika – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Talbiet għal annullament li ma għadx għandhom skop – Impożizzjoni ta’ riżerva medika mar-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata minn aġenzija oħra tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ effett – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DM jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ORECE), tat-2 ta’ Diċembru 2011, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2011 li tapplika għalih ir-riżerva medika prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem, il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”), mid-data tad-dħul tiegħu fil-kariga u, fejn huwa neċessarju, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2011.

Deċiżjoni:      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors. Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż esposti minn DM.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ deċiżjoni fuq it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Talbiet nieqsa minn kontenut indipendenti jew deċiżjoni purament konfermattiva – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Interess ġuridiku – Rikors ta’ ex membru tal-persunal kontra deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni li timponi riżerva medika fir-rigward tiegħu – Waqfien tal-affiljazzjoni tal-membru tal-persunal fis-sistema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-mori tal-kawża – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Impożizzjoni ta’ riżerva medika ġdida mar-reklutaġġ tal-membru tal-persunal minn aġenzija oħra tal-Unjoni – Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 72, 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 96(5), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100)

1.      Peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata għandha tippreżenta lment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta u għandha tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, ir-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk ikun dirett biss kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment, kif ukoll jekk ikun dirett kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jew kontra dawk iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, sa fejn l-ilment u r-rikors jitressqu fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ jekk jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jekk ikun il-każ minħabba li hija impliċita, tkun purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-ilment u jekk, għalhekk, l-annullament tagħha ma jkollux effett distint fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha.

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li ma tinkludix eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata skont punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda, iżda li tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, hija effettivament il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li għandha tiġi eżaminata filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li hija identika għal dan l-att.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; u Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33

2.      Is-suġġett tar-rikors għandu jkun jeżisti fl-istadju tal-preżentata ta’ dan tal-aħħar, sabiex ma jiġix iddikjarat inammissibbli, u għandu jissokta sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, sabiex ma jiġix iddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżumi li l-kawża tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatha.

Fir-rigward ta’ rikors ta’ ex membru tal-persunal bil-kuntratt kontra d-deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni li tapplika għalih, mar-reklutaġġ tiegħu, ir-riżerva medika prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, il-fatt li r-rikorrent tkeċċa fil-mori tal-kawża ma jimplikax li l-imsemmija riżerva medika waqfet awtomatikament tkun valida għalih. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li r-relazzjoni kuntrattwali tar-rikorrent mal-aġenzija ntemmet fi tmiem il-perijodu ta’ preavviż, jibqa’ l-fatt li kellu dritt sussegwentement, matul ċertu perijodu, jirċievi benefiċċji tal-qgħad u għall-affiljazzjoni mas-sistema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard mingħajr ma jkollu jagħmel kontribuzzjoni. Matul l-imsemmi perijodu, l-applikazzjoni tar-riżerva medika kellha l-effett li huwa jiġi rrifjutat il-benefiċċju tal-garanziji fil-qasam ta’ invalidità u fil-każ ta’ mewt għar-riskji li jinqalgħu mill-mard jew invalidità li ġġustifikaw l-applikazzjoni tar-riżerva medika. Dan il-fatt ma jimplikax madankollu li r-rikors għal annullament żamm l-iskop tiegħu wara d-data li fiha ntemmet l-affiljazzjoni tar-rikorrent mas-sistema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard.

Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-imsemmi membru tal-persunal ġie sussegwentement irreklutat minn aġenzija Ewropea oħra, li wkoll applikat għalih ir-riżerva medika. Fil-fatt, peress li sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tipproduċi effetti biss fir-rigward tal-partijiet f’tilwima, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li jiġi applikat l-Artikolu 100 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-membru tal-persunal ikkonċernat, wara l-eżami mediku li jippreċedi r-reklutaġġ tiegħu minn aġenzija oħra tal-Unjoni, peress li tali annullament jista’ jinkiseb biss bil-preżentata ta’ rikors mir-rikorrent sabiex jikkontesta din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar.

(ara l-punti 33, 36 sa 39 u 44)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mische vs Il-Parlament, F‑93/05, EU:F:2011:168, punt 27 u l-ġurisprudenża ċċitata