Language of document : ECLI:EU:F:2015:63

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

18 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑79/14

EG

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tad-dar — Kundizzjoni għall-għoti — Koppja ta’ persuni tal-istess sess — Sħubija mhux matrimonjali rreġistrata rregolata mid-dritt Belġjan — Artikolu 1(2)(ċ)(IV) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Aċċess għaż-żwieġ ċivili fi Stat Membru — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-orjentament sesswali — Allowance ta’ installazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu EG essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjutalu l-għoti tal-allowance tad-dar u li tillimita l-allowance ta’ installazzjoni għal ammont ekwivalenti għal xahar tas-salarju bażiku tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. EG għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew. Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Kundizzjonijiet għall-għoti — Uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ — Assenza ta’ aċċess għaż-żewġ ċivili — Obbligu li tiġi vverifikata n-natura konkreta u effettiva ta’ dan l-aċċess

(Artikolu 19(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 21(1); Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 1(2)(ċ)(iv))

L-estensjoni tad-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, li ma għandhomx aċċess għaż-żewġ ċivili fi Stat Membru tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur li jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit mill-Artikolu 19(1)TFUE u biex b’hekk jitkompla l-iżvilupp ta’ politika tal-persunal intiża li tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kulħadd, mingħajr ma jitqies l-orjentament sesswali jew is-sitwazzjoni matrimonjali tal-persuna kkonċernata, li jikkorrispondi wkoll mal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, prevista fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-estensjoni tad-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ tirrifletti r-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-uffiċjali kontra l-indħil tal-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

F’dan ir-rigward, jirriżulta għalhekk kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-iskop tiegħu li din id-dispożizzjoni, mhux talli ma toħloqx kwalunkwe diskriminazzjoni bejn uffiċjali bbażata fuq l-orjentament sesswali, iżda tippermetti l-għoti tal-allowance tad-dar lil kull uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ, mingħajr kunsiderazzjoni lejn l-orjentament sesswali tiegħu.

Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ f’koppja eterosesswali huwa suġġett għall-istess kundizzjoni li għandu juri li ma għandhux aċċess għaż-żwieġ ċivili fi Stat Membru sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-allowance tad-dar.

L-amministrazzjoni għandha tinterpreta d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq b’mod li d-dritt għall-allowance tad-dar ma jibqax teoretiku jew illużorju, iżda konkret u effettiv, fejn dan jista’ jwassal sat-teħid inkunsiderazzjoni tal-liġi ta’ Stat li ma kinitx applikabbli għall-formazzjoni taż-żwieġ, iżda li madankollu kienet f’rabta stretta mas-sitwazzjoni inkwistjoni minħabba n-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati.

Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, fil-każ ta’ uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ, il-fatt li l-koppja ma jkollhiex aċċess għaż-żwieġ fl-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hija assenjata ma huwiex waħdu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li din il-koppja ma għandhiex aċċess għaż-żwieġ u għalhekk li l-uffiċjal ikkonċernat għandu jibbenefika mill-allowance tad-dar.

(ara l-punti 48 sa 50, 81 u 82)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, W vs Il‑Kummissjoni, F‑86/09, EU:F:2010:125, punti 42, 43 u 45, u tas-6 ta’ Mejju 2014, Forget vs Il‑Kummissjoni, F‑153/12, EU:F:2014:61, punt 26