Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Awwissu 2018 minn Outsource Professional Services Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-31 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-340/16: Flatworld Solutions Pvt Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-528/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Outsource Professional Services Ltd (rappreżentant: A. Kempter, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Flatworld Solutions Pvt. Ltd

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-340/16;

tikkonferma d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-15 ta’ April 2016 fil-Każ R 611/2015-4;

tikkundanna lil Flatworld Solutions Pvt. Ltd għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż neċessarjament inkorsi mill-proprjetarju/suċċessur/applikant tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009 1 dwar it-trade mark Komunitarja, emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kunsill 2015/2424 2 .

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta kkonstatat li l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea/il-predeċessur tiegħu kien qed jaġixxi b’mala fide meta ppreżenta applikazzjoni sabiex jirreġistra t-trade mark Nru 006035547. Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ mala fide. Ma hemm xejn diżonest jew mhux etiku fl-użu ta’ kliem deskrittiv sabiex jiġi deskritt negozju. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni bħala trade mark ma kinitx b’mala fide.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2 Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21).