Language of document : ECLI:EU:F:2011:182

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

10 ta’ Novembru 2011

Kawża F‑110/10

Denise Couyoufa

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri — Proċedura ta’ rotazzjoni 2011 — Talba għal eżenzjoni mir-rotazzjoni — Ammissibbiltà — Att ta’ portata deċiżjonali — Tardività”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Couyoufa titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2010, li tiċħad it-talba għall-eżenzjoni mir-rotazzjoni fis-seħħ għall-uffiċjali assenjati fir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u dik tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-27 ta’ Lulju 2010, li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2010.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Dekadenza — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid u sostantiv (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Natura inċidentali — Rikors prinċipali inammissibbli — Inammissibbiltà tal-eċċezzjoni (Artikolu 277 TFUE)


1.      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ilment għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri, meta dan jikkonċerna miżura ta’ natura individwali, b’effett min-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarju u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mill-jum li fih il-persuna kkonċernata tkun ħadet konjizzjoni tagħha. Dan it-terminu ġie stabbilit bil-għan li jiżgura ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, b’mod li huwa ta’ ordni pubbliku u ma huwiex suġġett għad-diskrezzjoni tal-partijiet u tal-qorti.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Ġunju 2010, Meister vs OHMI, T‑284/09 P, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ April 2009, Verheyden vs Il-Kummissjoni, F‑72/06, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-possibbiltà offruta lil kull uffiċjal, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra li tieħu fir-rigward tiegħu deċiżjoni ma tippermettilux li jevita t-termini ta’ ordni pubbliku previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġu ppreżentati l-ilment u r-rikors, billi jikkontesta, permezz ta’ tali talba, deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ġiet ikkontestata fit-termini. Hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali li tista’ tiġġustifika l-preżentata ta’ talba għall-eżami mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni.

(ara l-punt 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il-Kummissjoni, 127/84, punt 10

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il-Kummissjoni, T-14/91, punt 33

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 20 ta’ Settembru 2007, Giannopoulos vs Il-Kunsill, F-111/06, punt 28; 25 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑102/08, punt 36

3.      L-Artikolu 277 TFUE ma jistabbilixxix dritt ta’ azzjoni awtonomu u jista’ jiġi invokat biss b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ammissibbli, u mhux ikun is-suġġett ta’ rikors. Hija għalhekk inammissibbli, eċċezzjoni ta’ illegalità invokata fil-kuntest ta’ rikors inammissibbli.

(ara l-punt 32)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ April 2008, Pickering vs Il-Kummissjoni, F-103/05, punt 94; 23 ta’ April 2008, Bain et vs Il-Kummissjoni, F-112/05, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata; 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, F-134/07 u F-8/08, punt 38