Language of document : ECLI:EU:C:2008:231

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ April 2008 (*)

“Protezzjoni tal-konsumatur – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati magħhom – Dritt tal-bejjiegħ, li jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu tiegħu, fil-każ tat-tibdil ta’ oġġett difettuż – Użu mingħajr ħlas ta’ l-oġġett difettuż”

Fil-kawża C‑404/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2006, fil-proċedura

Quelle AG

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Quelle AG, minn A. Piekenbrock, Rechtsanwalt,

–        għal Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, minn P. Wassermann u J. Kummer, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u B. Schima kif ukoll minn I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, p. 12, iktar’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn Quelle AG (iktar’il quddiem “Quelle”), impriża ta’ bejgħ bil-korrispondenza, u l-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (iktar’il quddiem il-“Bundesverband”), assoċjazzjoni tal-konsumaturi awtorizzata li rċeviet prokura mingħand is-Sinjura Brüning, li hija klijenta ta’ din l-impriża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-dritt Komunitarju

3        Id-Direttiva ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 95 KE. L-ewwel premessa tagħha tfakkar li, skond l-Artikolu 153(1) u (3) KE, il-Komunità Ewropea għandha tassigura livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur permezz ta’ miżuri li hija tadotta skond l-Artikolu 95 KE.

4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”, jipprovdi:

“1.      Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità [difett] li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3.      Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, [sakemm dan ma jkunx] impossibbli jew disproporzjonat.

Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m’humiex raġjonevoli […].

Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

4.      It-termini “mingħajr ħlas” fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.

5.      Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt :

–        jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil,

jew

–        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli,

jew

–        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest[a] r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

[…]”

5        Skond il-premessa ħmistax tad-Direttiva “[…] l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull ħlas lura lill-konsumatur jista’ jitnaqqas sabiex ikun ikkunsidrat l-użu mill-oġġetti li jkun għamel il-konsumatur minn meta dawn ingħatawlu; […] l-arranġamenti dettaljati li bihom tiġi effetwata r-revoka tal-kuntratt jistgħu jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali”.

6        Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, intitolat “Limiti ta’ żmien”:

“Il-bejjiegħ għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta’ konformità ssir apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti twasslu għandu l-konsumatur.”

7        L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, intitolat “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

 Id-dritt nazzjonali

8        Fost id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar’il quddiem, il-“BGB”) li ġew adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fis-sistema legali Ġermaniża, hemm, fost l-oħrajn, l-Artikoli 439 u 346 tal-kodiċi.

9        L-Artikolu 439(4) tal-BGB, intitolat “Eżekuzzjoni a posteriori”, jipprovdi:

[…]

“Jekk il-bejjiegħ jikkunsinna oġġett mingħajr difetti bħala eżekuzzjoni a posteriori, huwa jista’ jitlob mingħand ix-xerrej li jrodd lura l-oġġett difettuż, skond il-kundizzjonijiet u l-metodi stabbiliti fl-Artikoli 346 sa 348.”

10      L-Artikolu 346(1) sa (3) tal-BGB, intitolat “Effetti tar-rexxissjoni tal-kuntratt”, jipprovdi:

“1.      Jekk waħda mill-partijiet kontraenti tkun irriżervat kuntrattwalment id-dritt għar-rexxissjoni, jew jekk hija jkollha dan id-dritt ipso jure, ir-rexxissjoni tkun tfisser il-kunsinna lura ta’ l-oġġetti rċevuti u r-restituzzjoni tal-profitti miksubin.

2.      Minflok il-kunsinna lura jew ir-restituzzjoni, id-debitur huwa obbligat li jirrifondi valur ekwivalenti:

1)      jekk il-kunsinna lura jew ir-restituzzjoni hija eskluża abbażi tan-natura ta’ dak miksub;

2)      jekk huwa jkun ikkonsma, biegħ, ipoteka, ħadem jew ittrasforma l-oġġett irċevut,

3)      madankollu, fil-każ ta’ deterjorazzjoni jew qerda ta’ l-oġġett; mhijiex inkluża d-deterjorazzjoni li tiġi minn użu normali ta’ l-oġġett.

Fil-każ fejn il-kuntratt jipprevedi korrispettiv, dan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-bażi tal-kalkolu tal-kumpens; jekk irid jitħallas kumpens għall-vantaġġi li jiġu minn użu ta’ self, hija ammessa l-prova diretta li turi li l-valur ta’ dawn il-vantaġġi kien inferjuri.

3.      L-obbligu ta’ kumpens jintemm:

1)      jekk id-difett li jippermetti r-rexxissjoni irriżulta biss matul ix-xogħol jew waqt it-trasformazzjoni ta’ l-oġġett,

2)      jekk u safejn id-deterjorazzjoni jew il-qerda tkun ħtija tal-kreditur, jew jekk id-dannu kien xorta waħda jirriżulta għand dan ta’ l-aħħar,

3)      kemm il-darba, fil-każ ta’ dritt legali ta’ rexxissjoni, id-deterjorazzjoni jew il-qerda tkun seħħet għand il-persuna kkonċernata għalkemm dan ikun aġixxa bid-diliġenza li s-soltu juża fil-ħarsien ta’ ħwejġu.

Għandu jintradd lura kull arrikkiment li jifdal.”

11      L-Artikolu 100 tal-BGB, intitolat “Profitti”, jipprovdi:

“Il-profitti huma l-frott ta’ oġġett jew ta’ dritt kif ukoll il-vantaġġi li jiġu mill-użu tal-ħaġa jew mit-tgawdija tad-dritt”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      F’Awwissu ta’ l-2002, Quelle bagħtet forn għall-użu privat lis-Sinjura Brüning. Fil-bidu ta’ l-2004, din ta’ l-aħħar innutat li kien hemm difett fir-rigward ta’ dan l-apparat. Peress li t-tiswija tiegħu ma kinitx possibbli, is-Sinjura Brüning irritornat lura l-apparat lil Quelle, li biddlet dan l-apparat ma’ wieħed ġdid. Madankollu, din il-kumpannija talbet li s-Sinjura Brüning tħallasha s-somma ta’ EUR 69,97 bħala kumpens għall-benefiċċju li hija ħadet mill-apparat li kien ikkunsinnat fil-bidu.

13      Il-Bundesverband, bħala mandatarja tas-Sinjura Brüning, talbet li din is-somma tiġi mħallsa lura lil din ta’ l-aħħar. Barra minn hekk, hija talbet li, fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ oġġett difettuż mal-kuntratt tal-bejgħ (iktar’il quddiem l-“oġġett difettuż”), Quelle tiġi kkundannata ma tkomplix titlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ oġġetti fil-każ ta’ tibdil ta’ l-imsemmi oġġett.

14      Il-qorti ta’ l-ewwel istanza laqgħet it-talba għal kumpens u rrifjutat it-talbiet intiżi sabiex Quelle tiġi ordnata ma tkomplix titlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ oġġett difettuż. Kemm l-appell imressaq minn Quelle kif ukoll dak imressaq mill- Bundeserverband fil-konfront ta’ din is-sentenza ġew miċħuda. Wara li tressaq appell quddiemha, il-Bundesgerichtshof ikkonstatat li mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 439(4), ta’ l-Artikolu 346(1) u ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 346(2) tal-BGB jirriżulta li fil-każ ta’ tibdil ta’ l-oġġett difettuż l-bejjiegħ għandu d-dritt li jitlob kumpens għall-benefiċċju li x-xerrej akkwista permezz ta’ l-użu ta’ dan l-oġġett sakemm dan ġie mibdul ma’ oġġett ġdid.

15      Filwaqt li tesprimi dubji serji fir-rigward ta’ l-oneru unilaterali impost fuq ix-xerrej, il-Bundesgerichtshof tindika li ma tara l-ebda possibbiltà li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi kkorreġuta permezz ta’ l-interpretazzjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni li tgħid li l-bejjiegħ ma jistax jitlob kumpens mingħand ix-xerrej għall-użu ta’ l-oġġett li ġie mibdul tmur kontra l-kliem użat fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BGB kif ukoll kontra r-rieda ċara tal-leġiżlatur u hija pprojbita mill-Artikolu 20(3) tal-Grundgesetz (Liġi Fundamentali ekwivalenti għal Kostituzzjoni), li tipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja hija suġġetta u marbuta mil-liġi.

16      Madankollu, peress li kellha dubji dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-BGB mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(2), moqrija flimkien ma dawk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), u ta’ l-Artikolu 3(4) jew tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li bejjiegħ jista’ jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ fejn l-oġġett ta’ konsum jerġa’ jitpoġġa f’konformità mal-kuntratt permezz tat-tibdil tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, difettuż mal-kuntratt, li kien ġie inizjalment ikkunsinnat?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-bejjiegħ, f’sitwazzjoni fejn huwa jkun biegħ oġġett ta’ konsum difettuż, jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu li dan il-konsumatur ikun għamel mill-oġġett difettuż sakemm dan ġie mibdul ma’ wieħed ġdid.

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Matul is-seduta, Quelle sostniet li d-domanda preliminari mhijiex ammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju indikat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva jista’ jkollhom biss interpretazzjoni waħda u li d-dritt Kostituzjonali Ġermaniż jipprekludi interpretazzjoni contra legem. Għaldaqsant, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 3 tad-Direttiva f’sens differenti, l-imsemmija qorti nazzjonali ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 19 u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43).

20      Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex l-elementi ta’ fatt jew tad-dritt meħtieġa sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Conseil général de la Vienne, punt 20, u Lucchini, punt 44).

21      Dan mhuwiex il-każ fil-kawża in kwistjoni.

22      L-inċertezza fir-rigward tal-possibbiltà li l-qorti nazzjonali, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ Direttiva, tinterpreta, fl-osservanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punti 113 sa 116, kif ukoll ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 110 sa 112), id-dritt nazzjonali fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma tistax taffettwa l-obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha li tiddeċiedi fuq din id-domanda. Fil-fatt, kull soluzzjoni oħra tkun inkompatibbli mal-finalità stess tal-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ l-Artikolu 234 KE, li essenzjalment għandhom bħala għan li jassiguraw applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju mill-qrati nazzjonali (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur, C-461/03, Ġabra p. I-10513, punt 21, u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, point 27).

23      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

24      Skond il-Bundesverband, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Awstrijak, kif ukoll skond il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jistabbilixxi b’mod ċar li mhijex biss it-tiswija, min-naħa tal-bejjiegħ, ta’ oġġett difettuż iżda anke, jekk ikun il-każ, it-tibdil ta’ dan l-oġġett ma’ oġġett li huwa konformi li għandhom jitwettqu mingħajr ħlas min-naħa tal-konsumatur. L-obbligu li dan kollu jsir mingħajr ħlas huwa element li ma jistax jinfired, u huwa intiż li jipproteġi lix-xerrej mir-riskji finanzjarji li jistgħu jiddiswaduh milli jinvoka d-drittijiet tiegħu.

25      Il-Gvern Ġermaniż josserva li l-kliem tad-Direttiva ma jirregolawx il-kwistjoni dwar jekk il-bejjiegħ jistax, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett difettuż, jeżiġi kumpens għall-użu tiegħu. Huwa jenfasizza li, minn perspettiva sistematika, il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva tesprimi prinċipju legali ġenerali ħafna, li jikkonferixxi lill-Istati Membri kull diskrezzjoni sabiex jilleġiżlaw fuq il-kwistjoni dwar f’liema sitwazzjonijiet il-konsumatur huwa marbut li jħallas kumpens għall-użu ta’ oġġett.

26      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, il-bejjiegħ huwa, fil-konfront tal-konsumatur, responsabbli għal kull difett li tkun teżisti meta jiġi kkunsinnat l-oġġett.

27      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jelenka d-drittijiet li l-konsumatur jista’ jinvoka kontra l-bejjiegħ fil-każ ta’ difett ta’ l-oġġett ikkunsinnat. L-ewwel nett, il-konsumatur għandu d-dritt li jitlob li l-oġġett jinġieb f’konformità. Fil-każ li dan ma jkunx possibbli, huwa jista’ jitlob, it-tieni nett, tnaqqis fil-prezz jew ir-rexissjoni tal-kuntratt.

28      Fir-rigward tat-tqegħid in konformità ta’ l-oġġett, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jippreċiża li l-konsumatur għandu d-dritt li jitlob li l-bejjiegħ jew isewwi jew inkella jbiddel l-oġġett, fiż-żewġ każijiet mingħajr ħlas, sakemm it-talba tiegħu ma tkunx sproporzjonata jew ikun impossibbli li tiġi sodisfatta.

29      Il-Gvern Ġermaniz isostni li kemm fil-proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/C 307/09 fuq il-bejgħ u l-garanziji ta’ l-oġġetti ta’ konsum (ĠU 1996, C 307, p. 8) kif ukoll fil-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/C 148/11 (ĠU 1998, C 148, p. 12) ippreżentati mill-Kummissjoni, il-kliem użat sempliċemnt jirreferi jew għat- “tiswija ta’ l-oġġett mingħajr ħlas”, jew inkella għat-“tibdil” ta’ l-imsemmi oġġett. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-fatt li ma jingħad xejn fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji ta’ tibdil jimplika li ma kienx previst li d-Direttiva tirregola l-kwistjoni ta’ kumpens għall-użu eventwali.

30      Madankollu, dan il-fatt huwa kompletament irrilevanti peress li hija effettivament l-espressjoni “fiż-żewġ każijiet mingħajr ħlas”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tidher fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 51/98, adottata mill-Kunsill fl-24 ta’ Settembru 1998, fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva (ĠU C 333, p. 46), li ġiet adottata fit-test finali, li tesprimi r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

31      Fir-rigward ta’ l-espressjoni “mingħajr ħlas”, din hija ddefinita fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva bħala “l-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal”. Mill-użu li jagħmel il-leġiżlatur ta’ l-avverbju “partikolarment”, jirriżulta li din il-lista hija indikattiva u mhux eżawrjenti.

32      Iċ-ċirkustanza li jinvoka l-Gvern Ġermaniż li tgħid li l-komunikat stampa C/99/77 tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni “Il-Parlament – Il-Kunsill”, tat-18 ta’ Marzu 1999, dwar il-garanziji għall-oġġetti tal-konsum, tagħti definizzjoni limitata ta’ l-espressjoni “mingħajr ħlas” hija, f’dan ir-rigward, mingħajr rilevanza. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, meta dikjarazzjoni inkluża f’minuti tal-Kunsill ma tkunx ġiet espressament imsemmija fit-test ta’ dispożizzjoni ta’ liġi sekondarja, din ma tistax tiġi kkunsidrata fl-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18, u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 42).

33      Kemm mill-kliem użat kif ukoll mix-xogħol preparatorju rilevanti tad-Direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jimponi t-tqegħid f’konformità mingħajr ħlas bħala element essenzjali tal-protezzjoni assigurata lill-konsumatur permezz ta’ din id-direttiva.

34      Dan l-obbligu ta’ tqegħid f’konformità mingħajr ħlas ta’ l-oġġett li għandu l-bejjiegħ, kemm jekk fil-forma ta’ tiswija kif ukoll fil-każ ta’ tibdil ta’ l-oġġett difettuż, huwa intiż sabiex iħares lill-konsumatur mir-riskju ta’ spejjeż li, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, jistgħu jiddisswaduh milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fin-nuqqas ta’ protezzjoni bħal din. Din il-garanzija ta’ tqegħid f’konformità mingħajr ħlas mixtieqa mil-leġiżlatur Komunitarju twassal sabiex tiġi eskluża kull pretensjoni finanzjarja min-naħa tal-bejjiegħ fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligu tiegħu li jqiegħed f’konformità l-oġġett li fir-rigward tiegħu sar il-kuntratt.

35      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-rieda, murija mil-leġiżlatur Komunitarju fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, li jassigura lill-konsumatur protezzjoni effettiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippreċiża li kull tiswija jew kull tibdil għandhom isiru mhux biss fi żmien raġonevoli, iżda wkoll mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv lill-konsumatur.

36      Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi ma’ l-għan tad-Direttiva li, kif tindika l-ewwel premessa tagħha, huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Kif jirriżulta mill-Artikolu 8(2) ta’ l-istess Direttiva, il-protezzjoni prevista minn din ta’ l-aħħar hija minima u, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti, dawn ma jistgħux jippreġudikawx il-garanziji previsti mil-leġiżlatur Komunitarju.

37      L-argumenti l-oħra li l-Gvern Ġermaniż jinvoka fil-konfront ta’ din l-interpretazzjoni mhumiex ta’ natura tali li jikkonfutaw l-imsemmija interpretazzjoni.

38      Fir-rigward, minn naħa, tal-portata li għandha tingħata lill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva, li tippermetti li jittieħed in kunsiderazzjoni l-użu li l-konsumatur għamel mill-oġġett difettuż, għandu jiġi osservat li l-ewwel parti ta’ l-imsemmija premessa tirreferi għall-“ħlas lura” li għandu jingħata lill-konsumatur, filwaqt li t-tieni parti tirreferi għall-“arranġamenti dettaljati li bihom tiġi effetwata r-revoka tal-kuntratt”. Dan il-kliem huwa identiku għal dak użat fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, li wkoll irrefera għaliha l-Gvern Ġermaniż.

39      Minn din it-terminoloġija jirriżulta mingħajr l-ebda dubju li ċ-ċirkustanza kkontemplata mill-ħmistax-il premessa hija limitata għall-każijiet ta’ rexissjoni tal-kuntratt, prevista fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, każijiet fejn, skond il-prinċipju tar-restituzzjoni reċiproka tal-vantaġġi miksuba, il-bejjiegħ għandu jħallas lill-konsumatur il-prezz tax-xiri ta’ l-oġġett. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, il-ħmistax-il premessa ma tistax tiġi interpretata bħala prinċipju ġenerali li jawtorizza lill-Istati Membri jieħdu in kunsiderazzjoni, fis-sitwazzjonijiet li fihom jixtiequ jagħmlu dan, inkluż fil-każ ta’ sempliċi talba għal tibdil magħmula skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, l-użu li l-konsumatur għamel ta’ oġġett difettuż.

40      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-dikjarazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li tgħid li l-fatt li l-konsumatur, permezz ta’ tibdil ta’ oġġett difettuż, jibbenefika minn oġġett ġdid mingħajr ma jkollu jħallas kumpens, jikkostitwixxi arrikkiment indebitu, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jimponi li l-bejjiegħ huwa responsabbli fil-konfront tax-xerrej għal kull difett li jkun jeżisti waqt li jiġi kkunsinnat l-oġġett.

41      Fil-każ fejn il-bejjiegħ jikkunsinna oġġett difettuż, huwa ma jeżegwixxix b’mod korrett l-obbligu li jkun impenja ruħu li jwettaq permezz tal-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk għandu jinkorri l-konsegwenzi ta’ din l-eżekuzzjoni żbaljata. Meta jirċievi oġġett ġdid minflok l-oġġett difettuż, il-konsumatur, li min-naħa tiegħu, ħallas il-prezz tax-xiri u għalhekk eżegwixxa b’mod korrett l-obbligu kuntrattwali tiegħu, ma jibbenefikax minn arrikkiment indebitu. Huwa sempliċiment jirċievi, iktar tard milli previst, oġġett li jkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, hekk kif huwa kellu jirċievi sa mill-bidu.

42      Minbarra dan, l-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ huma mħarsa, minn naħa, mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva u min-naħa l-oħra, mill-possibbiltà, li huwa għandu abbażi tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, li jirrifjuta t-tibdil ta’ oġġett fil-każ li dan il-metodu ta’ kumpens jirriżulta li huwa spoporzjonat peress li jinvolvi spejjeż mhux raġjonevoli.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-bejjiegħ, fis-sitwazzjoni fejn huwa jkun biegħ oġġett ta’ konsum difettuż, jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu li dan il-konsumatur ikun għamel mill-oġġett difettuż sakemm dan ġie mibdul ma’ oġġett ġdid.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-bejjiegħ, fis-sitwazzjoni fejn huwa jkun biegħ oġġett ta’ konsum difettuż, jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu li dan il-konsumatur ikun għamel mill-oġġett difettuż sakemm dan ġie mibdul ma’ oġġett ġdid.

Firem


* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.