Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Tartu Ringkonnakohus - l-Estonja) – MTÜ Liivimaa Lihaveis vs Eesti-Läti programmi 2007-2013 Seirekomitee

(Kawża C-562/12) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolamenti (KE) Nri 1083/2006 u 1080/2006 – Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR) – Programm operazzjonali intiż biex jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea bejn ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Latvja – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ sussidji adottata mill-Kumitat ta’ monitoraġġ – Dispożizzjoni li tipprevedi li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-kumitat ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ reviżjoni – Artikolu 267 TFUE – Att adottat minn istituzzjoni, organu jew organizzazzjoni tal-Unjoni – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt ta’ aċċess għall-qrati – Determinazzjoni tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu rikors)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tartu Ringkonnakohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: MTÜ Liivimaa Lihaveis

Konvenut: Eesti-Läti programmi 2007-2013 Seirekomitee

Fil-preżenza ta’: Eesti Vabariigi Siseministeerium

Dispożittiv

L-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ programm operattiv skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nri 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, u 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999, u intiż biex jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea, rikors kontra deċiżjoni ta’ Kumitat ta’ monitoraġġ li tiċħad applikazzjoni għal sussidju ma jidħolx fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel paragrafu (b) tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Linji gwida tal-programm adottati minn Kumitat ta’ monitoraġġ fil-kuntest ta’ programm operattiv skont ir-Regolamenti Nri 1083/2006 kif ukoll 1080/2006 u intiż biex jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea bejn żewġ Stati Membri, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxux att adottat minn istituzzjoni, organu jew organizzazzjoni tal-Unjoni u, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tevalwa l-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ tali Linji gwida.

Ir-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Linji gwida tal-programm adottati minn Kumitat ta’ monitoraġġ fil-kuntest ta’ programm operattiv konkluż bejn żewġ Stati Membri u intiż biex jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li deċiżjoni ta’ dan il-Kumitat ta’ monitoraġġ li tiċħad applikazzjoni għal sussidju tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ reviżjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru.

____________

1 ĠU C 38, 09.02.2013.