Language of document : ECLI:EU:C:2010:335

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’Awla)

10 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Sussidji mħallsa lil impriża ta’ trasport marittimu li għandha obbligi ta’ servizz pubbliku – Liġi nazzjonali li tipprovdi għall-possibbiltà li jingħata akkont qabel l-approvazzjoni ta’ ftehim”

Fil-Kawża C‑140/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Genova (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2009, fil-proċedura

Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA V,

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.- C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap tad-diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA, V, minn V. Roppo, P. Canepa u S. Sardano, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA (iktar ’il quddiem “TDM”), impriża ta’ trasport marittimu fi stralċ u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri dwar kumpens għad-dannu li TDM sofriet minħabba interpretazzjoni żbaljata, mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni), tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat u minħabba r-rifjut minn din tal-aħħar li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħataw lil Tirrenia di Navigazione SpA (iktar ’il quddiem “Tirrenia”), impriża ta’ navigazzjoni kompetitriċi ta’ TDM, skont il-Liġi Nru 684, tal-20 ta’ Diċembru 1974, li tirrigwarda ir-ristrutturazzjoni tas-servizzi marittimi ta’ interess nazzjonali ewlieni (GURI Nru 336, tal-24 ta’ Diċembru 1974, iktar’il quddiem il-“Liġi Nru 684”) u iktar speċifikament l‑Artikolu 19 tagħha.

4        L-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi dan li ġej:

“Il-Ministru tal-Flotta Merkantili huwa awtorizzat jagħti sussidji għall-provvista tas-servizzi msemmija fl-artikolu preċedenti, billi jikkonkludi ftehim ad hoc annwali, b’konsultazzjoni mal-Ministri tat-Teżor u tal-Investimenti tal-Istat.

Is-sussidji speċifikati fil-paragrafu preċedenti għandhom jiggarantixxu, matul it‑tliet snin, il-ġestjoni tas-servizzi f’kundizzjonijiet ta’ ekwilibru ekonomiku. L‑ewwel nett, dawn is-sussidji għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ dħul nett, ta’ deprezzament ta’ investimenti, ta’ spejjeż ta’ operat, ta’ spejjeż ta’ funzjonament u ta’ piżijiet finanzjarji.

[…]”

5        L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi li:

“Is-servizzi ta’ konnessjoni mal-gżejjer il-kbar u ż-żgħar, speċifikati fl-Artikolu 1(c), u l-eventwali estensjonijiet teknikament u ekonomikament neċessarji, għandhom jissodisfaw rekwiżiti relatati mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjoni kkonċernati, b’mod partikolari tal-Mezzogiorno.

Konsegwentement il-Ministru tal-Flotta Merkantili huwa awtorizzat li jagħti sussidji għall-provvista tal-imsemmi servizzi, billi jikkonkludi ftehim ad hoc, b’konsultazzjoni mal-Ministri tat-Teżor u tal-Investimenti tal-Istat, għal perijodu ta’ għoxrin sena.”

6        Skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 684:

“Il-ftehim imsemmi taħt l-artikolu preċedenti għandu jistipula:

1)      il-lista ta’ rotot li għandhom jiġu żgurati;

2)      il-frekwenza ta’ kull rotta;

3)      it-tipi ta’ bastimenti allokati għal kull rotta;

4)      is-sussidji li għandhom jiġu ffissati skont dħul nett, id-deprezzament tal-investimenti, spejjeż ta’ operat, spejjeż ta’ funzjonament u piżijiet finanzjarji.

Qabel it-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, is-sussidju li għandu jitħallas għall-imsemmija sena għandu jiġi aġġustat jekk, matul is-sena preċedenti, fl-inqas wieħed mill-komponenti ekonomiċi speċifikati fil-ftehim kien hemm bdil li jeċċedi l‑ekwivalenti għal wieħed minn għoxrin tal-valur meħud inkunsiderazzjoni għall-istess POSTE meta ġie ffissat is-sussidju preċedenti.”

7        L-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi li:

“Il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din il-liġi huwa kopert sa ITL 93 biljun mill-fondi diġà inklużi fil-Kapitolu 3061 tal-istima provviżorja tal-ispejjeż tal-Ministru tal-Flotti Merkantili għas-sena 1975 u minn dawk li ser jiġu inklużi fil-kapitoli li jikkorrispondu għas-snin finanzjarji li ġejjin.”

8        L-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi s-segwenti:

“Sad-data tal-approvazzjoni tal-ftehim ipprovduti f’din il-liġi, il-Ministru tal-Flotti Merkantili, bi ftehim mal-Ministru tat-Teżor, għandu jħallas, permezz ta’ rati ta’ kull xahar bil-quddiem, akkont li l-ammont globali tagħhom ma jeċċedix iktar minn [disgħin] fil-mija tal-ammont totali indikat fl-Artikolu 18”.

9        Il-Liġi Nru 684 kienet is-suġġett ta’ miżura eżekuttiva, id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 501, tal-1 ta’ Ġunju 1979 (GURI Nru 285, tat-18 ta’ Ottubru 1979), li l-Artikolu 7 tiegħu jispeċifika li l-akkont imsemmi fl-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi għandhom jitħallsu lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess nazzjonali ewlieni sad-data tar-reġistrazzjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, tal-atti li jirrigwardaw il-konklużjonijiet tal-ftehim il-ġodda.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Kif jirriżulta mis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, Ġabra p. I-5177), li diġà tat lok għall-kawża prinċipali u li jsir riferiment għaliha għal espożizzjoni iktar fil-fond tal-fatti u tal-proċedura qabel l‑imsemmija sentenza, TDM u Tirrenia di Navigazione huma żewġ impriżi ta’ trasport marittimu li, fis-snin 70, kienu jwettqu konnessjonijiet marittimi regolari bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer ta’ Sardinja u ta’ Sqallija. Fl-1981, TDM bdiet proċeduri kontra Tirrenia quddiem it-Tribunale di Napoli sabiex tingħata kumpens għad-dannu li hija kienet sofriet minħabba l-politika ta’ prezzijiet baxxi pprattikata minn din tal-aħħar matul is-snin 1976 u 1980.

11      TDM invokat atti ta’ kompetenza żleali u l-ksur tal-Artikoli 85, 86, 90 u 92 tat-Trattat KEE (li saru, l-Artikoli  85, 86, 90 u 92 tat-Trattat KE, u sussegwentement l-Artikoli 81 KE, 82 KE, 86 KE u wara emanda, 87 KE, rispettivament). B’mod partikolari, hija sostniet li Tirrenia kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq inkwistjoni billi pprattikat prezzijiet orħos ħafna mill-valur tal-prezz bis-saħħa ta’ sussidji pubbliċi li l-legalità tagħhom hija dubjuża taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, it-talba tagħha ġiet miċħuda b’sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, u kkonfermata bis-sentenza tal-Corte d’appello di Napoli tat-13 ta’ Diċembru 1996.

12      L-appell minn din is-sentenza mill-kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ TDM ġie miċħud mill-Corte suprema di cassazione tad-19 ta’ April 2000, li b’mod partikolari rrifjutat li tilqa’ t-talba tal-kuratur li jissottometti domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea lill-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġuni li s-soluzzjoni adottata mill-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu kienet tosserva d‑dispożizzjonijiet rilevanti u kienet konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13      B’att tal-15 ta’ April 2002, il-kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ TDM, impriża li fir-rigward tagħha sadattant inbdew proċeduri ta’ stralċ, beda proċeduri kontra r‑Repubblika Taliana quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikseb il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-kumpens għad-dannu li din l-impriża sofriet minħabba l‑iżbalji ta’ interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat imwettqa mill-Corte suprema di cassazione u minħabba l‑ksur tal-obbligu ta’ rinviju li kien impost fuq din il-qorti skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE. L-allegat dannu jikkonsisti fit-telf tal-possibbiltà li tikseb, permezz ta’ proċeduri mibdija kontra Tirrenia, il-kumpens għall-effetti dannużi tal-kompetizzjoni żleali eżerċitata, skont TDM, min-naħa ta’ Tirrenia.

14      Fl-14 ta’ April 2003, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t‑talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza Traghetti del Mediterraneo, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

“Id-dritt Komunitarju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti tal-aħħar istanza minħabba l‑fatt li dan il-ksur inkwistjoni jirriżulta minn interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt jew minn evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa minn din il-qorti.

Id-dritt Komunitarju jipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita din ir‑responsabbiltà għall-każijiet biss ta’ aġir intenzjonat u ta’ nuqqas serju tal-qorti, jekk tali limitazzjoni kellha twassal għall-esklusjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat f’każijiet oħrajn fejn jitwettaq ksur manifest tad-dritt applikabbli, kif stipulat fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler [C‑224/01, Ġabra p.I- 10239]”.

15      Wara din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kkonstatat, permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Frar 2009, “l-eżistenza tal-illegalità mwettqa mill-Istat ġudikanti”, u b’digriet separat, ordnat li l-proċeduri għandhom jitkomplew sabiex it-talba għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn din l-illegalità tiġi deċiża. Huwa f’dan l-istadju tal-imsemmija proċeduri li, peress li ddubitat mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-qorti tar-rinviju ressqet il-każ milll-ġdid quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja.

16      Insostenn tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija ma tipperċepixxix la fid-dritt u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Unjoni risposta inekwivoka għad-domanda jekk l-aġir adottat f’dak iż-żmien minn Tirrenia, minħabba b’mod partikolari s-sussidji inkwistjoni, ikkawżax distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq komuni. Għalkemm, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ April 2000, il-Corte suprema di cassazione eskludiet din il-possibbiltà minħabba li dawn is-sussidji bbenefikaw minn attività ta’ kabotaġġ, eżerċitata fi ħdan Stat Membru wieħed, hija qieset madankollu li tqum il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 684, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha, mal-Artikoli 86 KE sa 88 KE.

17      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-legalità tal-għajnuna mill-Istat, mogħtija b’akkont, fin-nuqqas ta’ kriterji preċiżi u restrittivi adatti sabiex jiġi evitat li l-għajnuna tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Hija tirrileva li l-ħlas ta’ tali għajnuna jkun jista’ jwassal li jingħataw sussidji mill-Istat mingħajr ebda kontroll minn qabel tal-ġestjoni ekonomika tal-impriża benefiċjarja, li huwa dan li jwassal lil din l-impriża, abbażi ta’ din l-għajnuna, li tadotta politika kummerċjali adatta sabiex telimina l-kompetizzjoni. Hija tosserva li, fid-dawl tal-konstazzjonijiet magħmula mill-Corte suprema di cassazione, ir‑risposta għal din id-domanda għandha tingħata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriża benefiċjarja inkwistjoni kienet mitluba tapplika tariffi imposti mill-awtorità amministrattiva.

18      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747), u fid-dawl tar-rotot operati minn Tirrenia li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, jiġifieri r-rotot Genova-Cagliari u Genova-Porto Torres, kif ukoll tas-sitwazzjoni ġeografika ta’ dawn il-komuni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-kwistjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ effettivament tirriżulta minħabba l-impatt tas-sussidji inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija tiddikjara li dan il-punt għandu jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Genova ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar għajnuna mill-Istat, bħal dik li tinsab fil-Liġi Nru 684 [...], b’mod partikolari fl-Artikolu 19, li tipprovdi għall-possibbiltà ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat – anki jekk biss fil-forma ta’ akkont – fin-nuqqas ta’ ftehim u mingħajr l-istabbiliment minn qabel ta’ kriterji preċiżi u restrittivi adatti sabiex jiġi evitat li l-ħlas tal-għajnuna jkun jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija kompatibbli mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 86 KE, 87 KE u 88 KE u tat-Titolu V (li qabel kien it-Titolu IV) tat-Trattat u, f’dan ir-rigward, huwa importanti l-fatt li l-benefiċjarju huwa mitlub japplika t-tariffi imposti mill-awtorità amministrativa?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq is-suġġett, il-formulazzjoni u l-ammissibbiltà tad-domanda

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunale di Genova diġà ddeċieda, fil-kawża prinċipali, fuq ir-responsabbiltà tal-Istat Taljan li tirriżulta min-nuqqas tal-Corte suprema di cassazione li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, billi rrikonoxxiet l-eżistenza, l-ewwel nett, ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, it-tieni nett, ta’ ksur suffiċjentement serju tar-regola ta’ dritt mill-istituzzjoni Komunitarja u, it-tielet nett, ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat u l-allegat dannu, li jikkonsisti f’telf ta’ opportunità ta’ TDM li tirbaħ il-kawża tagħha kontra Tirrenia. F’dan il-kuntest, it‑Tribunale di Genova aċċetta wkoll, kif jidher, billi rrefera għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547), il-possibbiltà li jirrikonoxxi, billi japplika d-dritt nazzjonali tiegħu, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-benefiċjarju ta’ għanjuna mill-Istat imħallsa illegalment.

21      Madankollu, il-qorti tar-rinviju, qabel tiddeċiedi fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu invokat minn TDM, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkluża fil-Liġi Nru 684, b’mod partikolari fl-Artikolu 19 tagħha, mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mhux mid-domanda magħmula iżda mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju kif esposti fil-punti 16 u 18 ta’ din is-sentenza, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali affettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u wasslux għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u tħalli l-eżami ta’ dan il-punt għall-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domanda u d-dubji tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, Ġabra p. I‑I-0635, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas tista’ tiddeċiedi fuq il‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni, peress li l-evalwazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna taqa’ taħt il‑kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qorti Komunitarja (ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punt 23). Ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali, jew sabiex tapplika r-regoli Komunitarji li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il‑ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 69 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

23      Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 684 mad-dritt tal-Unjoni jew fuq il-kompatibbiltà tas-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali mas-suq komuni u lanqas sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali sabiex tistabbilixxi jekk l-imsemmija sussidji affettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkunux ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

24      Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill‑qorti tar‑rinviju l‑elementi ta’ interpretazzjoni kollha li huma marbuta mad‑dritt tal‑Unjoni li jistgħu jippermettu lil dik il‑qorti tevalwa l-konformità ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt sabiex tiddeċiedi l‑kawża li jkollha quddiemha (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Enirisorse, punt 24, u Transportes Urbanos y Servicios Generales, punt 23). Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija tista’ b’mod partikolari tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jippermettulha tistabbilixxi jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C‑53/00, Ġabra p. I‑9067, punt 29; Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 51; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 72; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, Ġabra p. I‑5497, punt 96, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punti 41 u 47).

25      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tidher li diġà qieset li s-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, id-dubji tagħha, kif esposti fil-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza, jirrelataw mal-istess kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, kif ser jiġi stabbilit waqt l-eżami tal-mertu tat-talba.

26      Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi gwida lill-qorti tar-rinviju fir-rigward, minn naħa, tal-kunċett ta’ għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel, u min-naħa l-oħra, tar-responsabbiltà tal-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, għandu jiġi kkonstatat li d-dubji tal-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx dawn il-kwistjonijiet, li hija tidher li ddeċidiet, tal-inqas parzjalment. Barra minn hekk, hija ma tipprovdix il-fatti u l-provi neċessarji għall-eżami ta’ tali kwistjonijiet.

27      Minn dak li ntqal preċedentement, id-domanda magħmula għandha tinftiehem li tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li sussidji mħallsa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont liġi nazzjonali li tipprovdi għall-pagament ta’ akkont qabel l-approvazzjoni ta’ ftehim, jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

28      Skont il-Gvern Taljan, din id-domanda hija irrelevanti u għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inammissibbli. Fil-fatt huwa jsostni li l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tas-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala għajnuna mill-Istat ma tqumx, peress li dawn jirrigwardaw il-perijodu mill-1976 sal-1980, jiġifieri perijodu li matulu s-suq tal-kabotaġġ ma kienx għadu ġie lliberalizzat.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l‑interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għalihom jirreferu dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C‑429/05, Ġabra p. I‑8017, punti 23 u 24, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, MI.VER u Antonelli, C‑387/07, Ġabra p. I‑9597, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda tal-klassifikazzjoni tas-sussidji inkwistjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mas-suġġett tal-kawża bejn TDM u l‑Istat Taljan, u ma tqajjimx problema ipotetika, peress li, sabiex issolvi din il‑kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk Tirrenia bbenefikatx mill-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, id-domanda magħmula, kif ifformulata, hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda

31      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti jiġu sodisfatti. L‑ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffetwa l-kummerċ bejn l‑Istati Membri. It-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, għandu jkun ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni lill-kompetizzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25; Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punti 74 u 75; Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punti 121 u 122; Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64, kif ukoll UTECA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

32      F’dan il-każ, l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex is-suġġett tad-domanda magħmula u ma hijiex ikkontestata, peress li s-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħallsu skont il-Liġi Nru 684 u sostnuti, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 18 u 19 tagħha, mill-baġit tal-Istat.

33      Fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni preliminari, kif imfakkra fil-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi eżaminata l-ewwel nett it-tielet kundizzjoni u sussegwentement, it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet flimkien.

 Fuq il-vantaġġ mogħti lill-impriża benefiċjarja

34      L-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SFEI et, punt 60; Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 84; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 59, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 79).

35      Min-naħa l-oħra, meta intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabblin mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ferring, punti 23 u 25, u Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 87, mogħtija b’risposta għal domandi preliminari magħmula qabel is-sentenza tal- Corte suprema di cassazione tad-19 ta’ April 2000, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 60 u Essent Netwerk Noord et, punt 80).

36      Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ikun jista’ jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 88; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 61, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 81).

37      Fl-ewwel lok, l-impriża benefiċjarja ta’ tali kumpens għandha effettivament tiġi inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 89; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 62, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 82).

38      Fit-tieni lok, il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li huwa jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 90; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 64, u Essent Netwerk Noord et, punt 83).

39      Fit-tielet lok, il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex tiġi koperta t-totalità jew parti mill-ispejjeż inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 92, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 66 kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 84).

40      Fir-raba’ lok, huwa għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż inkorsi minn impriża ta’ daqs medju, amministrata tajjeb u li għandha l-mezzi neċesssarji xierqa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 93; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 67, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 85).

41      F’dan il-każ, mill-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 684 jirriżulta li s-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ konnessjoni mal-gżejjer il-kbar u ż-żgħar u kellhom jiggarantixxu li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti marbutin mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni kkonċernati u b’mod partikolari tal-Mezzogiorno. Il-ftehim iffirmati mal-impriżi benefiċjarji ta’ dawn is-sussidji kellhom jistabbilixxu obbligi li jikkonċernaw ir-rotot li għandhom jiġu żgurati, il-frekwenza ta’ dawn ir-rotot u t-tipi ta’ vapuri allokati għal kull rotta. Minn dan jirriżulta li l-impriżi benefiċjarji kienu inkarigati bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

42      L-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi barra minn hekk li s-sussidji għandhom jiggarantixxu l-ġestjoni tas-servizzi f’kundizzjonijiet ta’ ekwilibru ekonomiku u li dawn is-sussidji għandhom jiġu stabbiliti qabel kollox abbażi ta’ dħul nett, ta’ deprezzament ta’ investimenti, ta’ spejjeż ta’ operat, ta’ spejjeż ta’ funzjonament u ta’ piżijiet finanzjarji.

43      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fid-deċiżjoni tagħha, li kien biss bis-saħħa tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 501, tal-1 ta’ Ġunju 1979, li ġew identifikati l-elementi ekonomiċi u ta’ ġestjoni li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ftehim li kellhom jiġu konklużi skont il-Liġi Nru 684 u li kien biss f’Lulju 1991 li l-Istat Taljan u kull impriża tal-grupp Tirrenia kkonkludew l-imsemmija ftehim, għal perijodu ta’ 20 sena, bid-dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1989. Matul dan il-perijodu kollu kkonċernat fil-kawża prinċpali, jiġifieri mill-1976 sa 1980, u sal-approvazzjoni ta’ dawn il-ftehim, is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċpali tħallsu b’akkont skont l-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 684.

44      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas tal-imsemmija ftehim, is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħallsu matul il-perijodu kollu msemmi iktar ’il fuq mingħajr ma kienu ddefiniti b’mod ċar l-obbligi ta’ servizzi pubbliċi imposti fuq l-impriżi benefiċjarji, mingħajr ma kienu stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens u mingħajr ma jiggarantixxu li dan il-kumpens ma jeċċedix dak li kien neċessarju sabiex ikopri l‑ispejjeż ikkawżati mit-twettiq tal-imsemmija obbligi. Peress li lanqas ir-raba’ kundizzjoni msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ma ġiet sodisfatta, l‑imsemmija ftehim ma jissodisfawx għaldaqstant l-ebda kundizzjoni sabiex il‑kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku jiġi eskluż, minħabba n-nuqqas ta’ vantaġġ mogħti lill-impriża kkonċernata, mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

45      Il-fatt li s-sussidji tħallsu b’akkont, sakemm jiġu approvati l-ftehim li, barra minn hekk, ġew konklużi u daħlu fis-seħħ biss ħafna snin wara, huwa indifferenti f’dan ir-rigward. Infatti, tali fatt ma jeliminax il-vantaġġ mogħti lill-impriża benefiċjarja u lanqas l-effetti li tali effett jista’ jkollu fuq il-kompetizzjoni peress li l-kundizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq ma ġewx sodisfatti.

46      Bl-istess mod, il-fatt li tariffi kienu ġew imposti fuq l-impriża benefiċjarja tas-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-awtorità amministrattiva huwa indifferenti. Fil-fatt, għalkemm, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ tali tariffi hija ta’ importanza għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż ikkawżati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti magħhom, din hija min-naħa l-oħra irrilevanti fuq l-eżistenza tal-vantaġġ mogħti lill-impriża benefiċjarja peress li dawn il‑kundizzjoni kollha ma ġewx sodisfatti.

 L-effett ħażin fuq il-kummerċ bejn l-Istati Memri u r-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

47      Kif ġie espost fil-punti 16 u 18 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li d‑domanda dwar l-effett ħażin fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u dwar id‑distorsjoni tal-kompetizzjoni tqum fil-kawża prinċipali.

48      Il-Gvern Taljan għandu opinjoni kuntrarja, billi jsostni li, fiż-żmien ikkonċernat, is-suq tal-kabotaġġ ma kienx illiberalizzat, peress li dan is-suq ġie liberalizzat biss wara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10), u, iktar speċifikament, għal dak li jikkonċerna l‑kabotaġġ mal-gżejjer tal-Mediterran, mill-1 ta’ Jannar 1999. Matul is-seduta, huwa ddikjara li l-ebda operatur ta’ Stat Membru ieħor ma opera fuq ir-rotot interni fejn Tirrenia kienet preżenti matul is-snin 1976 sa 1980, filwaqt li TDM irreferiet għall-preżenza fuq dawn ir-rotot ta’ kumpannija fformata bil-merger ta’ kumpannija Taljana u ta’ kumpannija Spanjola.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri saret wara l-perijodu kkonċernat fil-kawża prinċipali ma jeskludix neċessarjament il-possibbiltà li s-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jaffettwaw il‑kummerċ bejn l-Istati Membri u li kienu ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

50      Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jiġi eskluż li Tirrenia kienet, kif issostni TDM, f’kompetizzjoni ma’ impriżi ta’ Stati Membri oħrajn fuq ir-rotot interni kkonċernati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, lanqas jista’ jiġi eskluż li hija kienet f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ tali impriżi fuq ir-rotot internazzjonali u li, fin-nuqqas ta’ kontabbiltà separata għall-attivitajiet differenti tagħha, kien hemm riskju ta’ sussidji trażversali, jiġifieri, riskju li d-dħul mill-attività tagħha ta’ kabotaġġ li bbenefikat mis-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu użati għall-benefiċċju ta’ attivitajiet eżerċitati minnha fuq l-imsemmija rotot internazzjonali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

51      Fi kwalunkwe każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn l‑indikazzjonijiet u fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, jekk is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk kinux ta’ distorsjoni jew theddiha ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li sussidji mħallsa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-pagament ta’ akkont qabel l‑approvazzjoni ta’ ftehim, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jekk dawn is‑sussidji jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkunu ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li sussidji mħallsa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-pagament ta’ akkont qabel l-approvazzjoni ta’ ftehim, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jekk dawn is-sussidji jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkunu ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.