Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fil-25 ta’ Settembru 2019 – Von Aschenbach & Voss GmbH vs Hauptzollamt Duisburg

(Kawża C-708/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Von Aschenbach & Voss GmbH

Konvenut: Hauptzollamt Duisburg

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 tas-16 ta’ Frar 2017 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata 1 huwa invalidu, minħabba li jikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea 2 , sa fejn estenda d-dazju antidumping stabbilit għal fuljetti tal-aluminju tad-dar wkoll għall-fuljetti tal-aluminju konvertituri, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 3 u jipprevedi eżenzjoni tal-fuljetti tal-aluminju konvertituri mid-dazju antidumping unikament taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271?

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271 huwa invalidu, peress li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-adozzjoni ta’ dan ir–regolament, peress li l-ipoteżi tagħha li 80 % tal-prodotti eżaminati kienu prodotti ftit modifikati ma hijiex suffiċjentement motivata?

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271 huwa invalidu, peress li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-adozzjoni ta’ dan ir–regolament, peress li ma vverifikatx fl-Unjoni l-użu finali tal-fuljetti tal-aluminju importati?

____________

1 ĠU 2017, L 40, p. 51

2 ĠU 2016, L 176, p. 21.

3 ĠU 2015, L 332, p. 63.