Language of document : ECLI:EU:F:2013:58

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

8 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑87/12

Geoffroy Alsteens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Tiġdid ta’ kuntratt — Annullament parzjali — Bidla”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Alsteens jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni [Ewropea] tat-18 ta’ Novembru 2011, sa fejn tillimita ż-żmien tal-estensjoni tal-kuntratt [tiegħu] ta’ membru tal-persunal temporanju […] għall-31 ta’ Marzu 2012”.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. G. Alsteens għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Motivi — Rikors kontra deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Motiv ibbażat fuq ir-rifjut impliċitu li l-kuntratt jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 8 u 46)

2.      Rikors tal-uffiċjali — Suġġett — Annullament parzjali — Kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Natura mhux separabbli tad-dispożizzjoni dwar it-tul tal-impjieg — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Membru tal-persunal temporanju jista’ jitlob l-annullament tal-kuntratt tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni, fit-termini u fit-tmiem tal-proċedura tal-ilment amministrattiv li jitressaq qabel, b’mod partikolari jekk iqis li l-klassifikazzjoni tal-kuntratt hija żbaljata. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 91(1) tar-Regoli tal-Persunal applikabbli għall-persunal temporanju skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li l-kontenzjuż tas-servizz pubbliku huwa kontenzjuż tal-legalità. F’dan l-ambitu, hija l-qorti li tikkonstata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata li għandha tippronunzja l-annullament tagħha.

Dan japplika għall-każ ta’ deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat, sa fejn din tirrifletti r-rifjut tal-istituzzjoni kkonċernata li toffri lill-persuna involuta kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat jew tal-inqas għal żmien itwal minn dak mogħti u sa fejn din il-persuna ssostni, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li hija setgħet tibbenefika minn kuntratt iktar vantaġġuż.

(ara l-punti 10 sa 12)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Lulju 1987, Castagnoli vs Il-Kummissjoni, 329/85, punti 10 sa 12; 23 ta’ Marzu 1988, Giubilini vs Il-Kummissjoni, 289/87, punti 8 sa 12

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 2001, Dubigh u Zaur-Gora vs Il-Kummissjoni, T-375/00, punt 24

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Ġunju 2012, Davids vs Il-Kummissjoni, F-105/11, punt 56

2.      L-annullament parzjali ta’ att legali tal-Unjoni huwa possibbli biss sakemm l-elementi li dwarhom jintalab l-annullament ikunu jistgħu jinfirdu mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfat meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tal-att.

F’dan ir-rigward, it-tul ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju huwa preċiżament parti integrali mill-kuntratt innifsu peress li dan jiddetermina l-klassifikazzjoni tiegħu u jiffissa l-perijodu li matulu l-partijiet kontraenti jkunu marbuta b’obbligi reċiproċi. Għalhekk, l-annullament ta’ parti mid-deċiżjoni tal-istituzzjoni dwar il-perijodu tal-impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju ibiddel il-klassifikazzjoni tal-kuntratt u għalhekk is-sustanza stess ta’ din id-deċiżjoni. B’dan il-mod, tali talbiet għal annullament huma fil-fatt intiżi sabiex jibdlu lil din tal-aħħar u huma, għaldaqstant, manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C-441/11 P, punt 38; 31 ta Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, punti 256 sa 258; 24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-244/03, punti 12 sa 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T-68/89, T-77/89 u T-78/89, punt 320