Language of document : ECLI:EU:F:2007:157

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Settembru 2007

Kawża F-12/07

Elizabeth O’Connor

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Kuntratti suċċessivi ta’ membru tal-persunal temporanju, awżiljarju u bil-kuntratt – Perijodu massimu għall-għoti tal-benefiċċju tal-qgħad – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu O’Connor titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ April 2006, li tistabbilixxi 11-il xahar u 25 jum bħala l-perijodu massimu għall-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad tagħha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha, inklużi dawk li r-rikorrenti setgħet ħallset fil-kuntest tat-talba tagħha għal għajnuna legali.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju u membri tal-persunal bil-kuntratt – Benefiċċju tal-qgħad – Perijodu massimu ta’ ħlas

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli  28a(4), 70 u 96(4))

2.      Proċedura – Spejjeż – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3) u Artikolu 94(3))

1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28a(4) u ta’ l-Artikolu 96(4) tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li jipprovdu għall-perijodu massimu li matulu, rispettivament, ex-membru tal-persunal temporanju u ex-membru tal-persunal bil-kuntratt jistgħu jiksbu l-ħlas ta’ benefiċċju tal-qgħad mill-Komunitajiet, ma japplikawx għal ex-membru tal-persunal awżiljarju, li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 70 ta’ l-istess kundizzjonijiet, ikun membru, permezz ta’ l-istituzzjoni li timpjegah, f’sistema nazzjonali obbligatorja ta’ sigurtà soċjali u għalhekk ikun jista’ jikseb il-ħlas ta’ benefiċċju tal-qgħad biss minn din is-sistema. Għalhekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28a(4) u ta’ l-Artikolu 96(4) tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej ma jimponux fuq l-istituzzjoni l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-iffissar tat-tul ta’ żmien massimu tal-perijodu ta’ ħlas ta’ benefiċċju tal-qgħad tal-Komunitajiet, il-perijodi li matulhom l-ħaddiem ikun ġie impjegat bħala membru tal-persunal awżiljarju.

(ara l-punt 20)

2.      F’każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ċaħdet talba għal għajnuna legali, kif kienet marbuta li tagħmel skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 94(3) tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li l-azzjoni kienet tidher manifestament inammissibbli u manifestament infondata, madankollu hemm lok, fil-kuntest tal-proċedura fil-mertu, li ssir applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regolamenti tal-Proċedura u, b’mod eċċezzjonali, apparti l-ispejjeż tagħha, l-istituzzjoni tiġi ordnata tbati wkoll l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti, inklużi dawk li setgħet inkorriet fil-kuntest tat-talba tagħha għal għajnuna legali, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti u l-fatt li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet tikkontradixxi, mingħajr spjegazzjonijiet, l-informazzjoni pprovduta preċedentement mis-servizz kompetenti.

(ara l-punti 32 u 33)