Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Frar 2020 – Hengstenberg GmbH & Co. KG vs Spreewaldverein e.V.

(Kawża C-53/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Hengstenberg GmbH & Co. KG

Appellata: Spreewaldverein e.V.

Domandi preliminari

Fil-kuntest ta’ proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li tinvolvi emendi li ma humiex minuri, kwalunkwe impatt ekonomiku fuq persuna fiżika jew ġuridika, reali jew potenzjali, li madankollu ma jmurx lil hinn minn kull probabbiltà, huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-interess leġittimu għall-finijiet ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda jew sabiex jitressaq appell mid-deċiżjoni favorevoli mogħtija fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 1 ?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Fil-kuntest ta’ proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li tinvolvi emendi li ma humiex minuri, il-kunċett ta’ interess leġittimu, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2), moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom tali interess leġittimu biss l-operaturi li jipproduċu prodotti jew oġġetti tal-ikel paragunabbli ma’ dawk li huma prodotti mill-operaturi li għall-benefiċċju tagħhom tkun irreġistrata indikazzjoni ġeografika protetta?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda:

(a)    Fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-interess leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikoli 49 sa 52 ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u l-proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 53 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra?

(b)    Konsegwentement, fil-kuntest ta’ proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li tinvolvi emendi li ma humiex minuri, il-kunċett ta’ interess leġittimu, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2), moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom tali interess leġittimu biss il-produtturi li jipproduċu jew li jipprevedu b’mod konkret li jipproduċu prodotti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fiż-żona ġeografika kkonċernata, b’mod li huwa mill-bidu nett eskluż li l-produtturi li ma humiex stabbiliti fl-imsemmija żona ġeografika jistgħu jinvokaw tali interess leġittimu?

____________

1     Regolament Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).