Language of document : ECLI:EU:F:2009:106

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2009

Kawża F-9/08

Eckehard Rosenbaum

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ħatra – Klassifikazzjoni fi grad – Talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali – Reklutaġġ fil-grad tal-kompetizzjoni – Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Moviment liberu tal-ħaddiema”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih E. Rosenbaum jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Frar 2007, li kklassifikatu fil-grad AD 6, skala 2.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali –Rikors – Ordni lill-amministrazzjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet tranżitorji lejn struttura ġdida ta’ karrieri

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 12(2) u 13

3.      Rikors għal annullament – Motivi – Motiv ineffettiv – Kunċett

1.      Ma huwiex il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li joħroġ ordnijiet lil istituzzjoni Komunitarja jew li jagħmel dikjarazzjonijiet jew konstatazzjonijiet ta’ prinċipju, indipendentement mill-obbligu ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 233 KE, għall-istituzzjoni li minnha joriġina att annullat, li tieħu l-miżuri neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddeċiedi l-annullament.

(ara l-punt 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Ottubru 2004, Meister vs UASI, T‑76/03, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1477, punt 38;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Mejju 2006, Voigt vs Il-Kummissjoni, F‑55/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑15 u II‑A‑1‑51, punti 23 u 25

2.      Ebda dispożizzjoni tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprovdi li li dawn tal-aħħar, kollha kemm huma, ma jibqgħux applikabbli wara t-30 ta’ April 2006. Fil-fatt, hija biss l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan l-anness li hija limitata għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-3 ta’ April 2006. Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjoni f’dan is-sens fir-rigward tal-Artikolu 13 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li dan l-artikolu jaqa’ taħt dan il-grupp ta’ dispożizzjonijiet u japplika biss matul dan il-perijodu, u dan anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 12(2) ta’ dan l-anness.

(ara l-punti 31 u 32)

3.      Jekk motiv ma huwiex adatt, fil-każ li huwa fondat, li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv.

(ara l-punt 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il-Kunsill, C-46/98 P, Ġabra p. I-7079, punti 37 u 38