Language of document : ECLI:EU:C:2015:841

Kawżi magħquda C‑250/14 u C‑289/14

Air France‑KLM

u

Hop!-Brit Air SAS

vs

Ministère des Finances et des Comptes publics

(talbiet għal deċiżjoni preliminari

mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Taxxa fuq il-valur miżjud – Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà – Trasport bl-ajru – Biljett mixtri iżda mhux użat – Eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport – Ħruġ tal-biljett – Mument tal-ħlas tat-taxxa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kunċett – Trasport bl-ajru ta’ passiġġieri – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Biljetti maħruġa mill-kumpannija tal-ajru li ma ntużawx mill-passiġġieri u li ma jistgħu jiġu rrimborsati – Assenza ta’ effett – Ħruġ ta’ biljetti suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59 u bid-Direttiva 2001/115, Artikoli 2(1) u 10(2))

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà tat-taxxa – Xiri ta’ biljett tal-ajru minn passiġġier – Biljett sussegwentement mhux użat – Eżiġibbiltà tat-taxxa fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett – Riċezzjoni tal-ħlas mill-kumpannija tal-ajru, minn terz li jaġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu jew minn terz li jaġixxi f’ismu stess – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59 u bid-Direttiva 2001/115, Artikolu 2(1) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10(2))

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kunċett – Trasport bl-ajru ta’ passiġġieri – Inklużjoni – Kummerċjalizzazzjoni minn terz tal-biljetti ta’ kumpannija tal-ajru fl-interess ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni – Somma b’rata fissa mħallsa mit-terz lill-kumpannija tal-ajru, għall-biljetti maħruġa u skaduti, ikkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti – Somma taxxabbli bħala korrispettiv għall-imsemmija biljetti

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59 u bid-Direttiva 2001/115, Artikoli 2(1) u 10(2))

1.        L-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ ta’ biljetti minn kumpannija tal-ajru huwa suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta l-biljetti maħruġa ma jkunux intużaw mill-passiġġieri u meta dawn tal-aħħar ma jistgħux jiksbu r-rimbors tagħhom.

Fil-fatt, provvista ta’ servizzi, bħat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud meta, minn naħa, is-somma mħallsa minn passiġġier lil kumpannija tal-ajru, fil-kuntest tar-relazzjoni ġuridika li sseħħ permezz tal-kuntratt ta’ trasport, tkun marbuta direttament ma’ servizz identifikabbli li hija tikkostitwixxi r-remunerazzjoni għalih u, min-naħa l-oħra, meta jitwettaq l-imsemmi servizz.

Madankollu, it-twettiq tas-servizzi li l-provvista tagħhom tikkorrispondi għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni huwa possibbli biss bil-kundizzjoni li l-passiġġier tal-kumpannija tal-ajru jippreżenta ruħu fid-data u fil-post tal-imbark previsti, fejn l-imsemmija kumpannija tirriżervalu d-dritt li jibbenefika minn dawn is-servizzi sal-ħin tal-imbark fiċ-ċirkustanzi speċifikati mill-kuntratt ta’ trasport konkluż max-xiri tal-biljett.

Għalhekk, il-valur ekwivalenti tal-prezz imħallas max-xiri tal-biljett jikkonsisti fid-dritt li jislet minnu l-passiġġier li jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ trasport, indipendentement minn jekk il-passiġġier jimplementax dan id-dritt, billi l-kumpannija tal-ajru twettaq is-servizz meta tqiegħed lill-passiġġier f’pożizzjoni li jibbenefika minn dawn is-servizzi.

(ara l-punti 25‑28, 35, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 2(1) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fil-mument tax-xiri tal-biljett tal-ajru mill-passiġġier li ma jkunx uża l-biljett tiegħu ssir dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett, kemm jekk mill-kumpannija tal-ajru nfisha, kemm jekk minn terz li jaġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, kif ukoll jekk minn terz li jaġixxi f’ismu stess iżda fl-interess tal-kumpannija tal-ajru.

(ara l-punt 43 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li terz jikkummerċjalizza l-biljetti ta’ kumpannija tal-ajru fl-interess ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni u jħallasha, għall-biljetti maħruġa u skaduti, somma b’rata fissa kkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti, din is-somma tikkostitwixxi somma taxxabbli bħala korrispettiv għall-imsemmija biljetti.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 21(1)(a) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fuq il-prezz tal-biljett mibjugħ hija l-kumpannija tal-ajru li twettaq is-servizz ta’ trasport.

Jekk terz jaġixxi f’isem u fl-interess tal-kumpannija tal-ajru fil-kummerċjalizzazzjoni tal-biljetti, hija din tal-aħħar li għandha tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-biljetti.

Is-somma b’rata fissa mħallsa mit-terz lill-kumpannija tal-ajru għall-biljetti mibjugħa li jkunu skadew ma tistax titqies li tikkorrispondi għal kumpens imħallas mit-terz għal dannu mġarrab mill-kumpannija tal-ajru li jirriżulta mill-fatt li l-passiġġier li ma jitfaċċax ma jippreżentax ruħu għall-imbark. Dan il-passiġġier iħallas il-prezz tas-servizz ta’ trasport fil-mument tax-xiri tal-biljett. Il-kumpannija tal-ajru twettaq is-servizz li għalih hija tiġi inkarigata bis-sempliċi fatt li l-passiġġier ikollu d-dritt li jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni.

Minn dan isegwi li l-prezz tal-biljett miżmum mill-kumpannija jikkostitwixxi r-remunerazzjoni għas-servizz ta’ trasport li l-kumpannija toffri lill-klijent, u dan anki jekk dan tal-aħħar ma jużax is-servizz.

F’dawn iċ-ċirkusstanzi, is-somma b’rata fissa hija r-remunerazzjoni li rċeviet il-kumpannija tal-ajru bħala korrispettiv għal biljetti li nħarġu mit-terz fl-interess tal-imsemmija kumpannija, iżda li ma ntużawx mix-xerrejja. Għalhekk teżisti rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u r-remunerazzjoni rċevuta għal din il-provvista.

(ara l-punti 45, 47‑52, u d-dispożittiv 3)