Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta Diċembru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-808/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Condou-Durande, A. Tokár u J. Tomkin, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li:

billi stabbilixxiet li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata fiżikament mill-persuna quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żoni ta’ tranżitu, li fihom hija tawtorizza d-dħul biss ta’ numru żgħir ta’ persuni,

billi applikat proċedura partikolari bħala regola ġenerali, li matulha ma ġewx osservati l-garanziji stabbiliti fid-Direttiva 2013/32 1 ,

billi ddeċidiet li jeħtieġ li tiġi applikata għall-applikanti kollha għal ażil (bl-eċċezzjoni ta’ minuri ta’ inqas minn 14-il sena) proċedura li r-riżultat tagħha huwa li dawn għandhom jibqgħu f’detenzjoni matul il-perijodu kollu tal-proċedura tal-ażil fl-installazzjonijiet ta’ żoni ta’ tranżitu li jistgħu joħorġu minnhom biss fid-direzzjoni tas-Serbja, u billi ma akkumpanjatx din id-detenzjoni bil-garanziji previsti mid-Direttiva 2013/33 2 ,

billi spostjat lejn in-naħa l-oħra tal-għeluq tal-fruntiera liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju mingħajr ma osservat il-proċeduri u l-garanziji ddefiniti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 3 ,

billi ma ttrasponietx fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 u billi addottat dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-regola ġenerali tal-effett awtomatiku ta’ sospensjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 46(6) ta’ din l-istess direttiva, l-Ungerija naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 2(h), u l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li billi stabbilixxiet li l-applikazzjoni għal ażil għandha tiġi ppreżentata fiżikament mill-persuna quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żoni ta’ tranżitu, li fihom hija tawtorizza d-dħul biss ta’ numru żgħir ta’ persuni, l-Ungerija tikser l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32. Effettivament, permezz ta’ dan, l-Ungerija ma tiżgurax l-aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil lill-applikanti għal protezzjoni intenazzjonali.

Il-Kummissjoni tqis li mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-ażil li tistabbilixxi li l-applikanti għal ażil għandhom jirrisjedu f’żona ta’ tranżitu matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jirriżulta li l-applikanti għal ażil huma sistematikament detenuti fl-Ungerija, fatt li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/33.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li billi spostjat lejn in-naħa l-oħra tal-għeluq tal-fruntiera liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju Ungeriż mingħajr ma osservat il-proċeduri u l-garanziji ddefiniti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Ungerija ma osservatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115.

Il-Kummissjoni tqis li, sa fejn, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ applikazzjonijiet miċħuda bħala infondati, il-liġi dwar id-dritt tal-ażil ħassret id-dispożizzjoni li tipprovdi għall-effett awtomatiku ta’ sospensjoni tar-rikors, l-Ungerija ma ttrasponietx fid-dritt nazzjojnali r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32.

Il-Kummissjoni iżżomm il-pożizzjoni tagħha li l-Ungerija qiegħda tikser l-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, peress li fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali miċħuda, il-liġi dwar id-dritt għal ażil ma tipprovdix espliċitament għall-possibbiltà ta’ effett ta’ sospensjoni tar-rikors. Konsegwentment, id-dritt tal-applikanti għal ażil li jibqgħu fit-territorju Ungeriż fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ma huwiex iggarantit, peress li deċiżjoni negattiva hija eżiġibbli indipendentement mill-preżentata ta’ rikors.

____________

1     Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2     Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

3     Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).