Language of document : ECLI:EU:F:2008:25

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Marzu 2008

Kawża F-33/07

Alberto Toronjo Benitez

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Ex membri tal-persunal temporanju mħallsa mill-fondi allokati għar-riċerka – Tħassir tal-punti akkumulati – Trasferiment ta’ uffiċjal mit-Taqsima ‘Riċerka’ għat-Taqsima ‘Amministrazzjoni’ tal-baġit ġenerali – Illegalità tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2004 dwar il-proċedura ta’ promozzjoni tal-uffiċjali mħallsa mill-fondi ‘Riċerka’ tal-baġit ġenerali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Toronjo Benitez jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddikjara illegali l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ġunju 2004, emendata bid-deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2005, dwar il-modalitajiet relatati mal-proċedura ta’ promozzjoni tal-uffiċjali mħallsa mill-fondi “Riċerka” tal-baġit ġenerali u sabiex jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar l-44.5 punti li huwa kiseb bħala membru tal-persunal temporanju mill-punti akkumulati tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet relatati mal-proċedura ta’ promozzjoni tal-uffiċjali mħallsa mill-fondi “Riċerka” tal-baġit ġenerali, li jipprevedi restrizzjoni għall-mobbiltà tal-uffiċjali, ma huwiex kuntrarju għall-interess tas-servizz.

Din id-deċiżjoni, li tapplika għall-uffiċjali li qabel kienu membri tal-persunal temporanju u mħallsa mill-fondi “Riċerka”, tipprovdi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, bħala deroga mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li dawn l-uffiċjali li jaqgħu taħt it-Taqsima “Riċerka” tal-baġit ġenerali, wara kompetizzjoni, iżommu l-punti ta’ promozzjoni miksuba bħala membru tal-persunal temporanju. Skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni, dawn il-punti ta’ mertu u ta’ prijorità huma madankollu annullati jekk dawn huma ttrasferiti, fuq talba tagħhom, fuq impjieg li jaqa’ taħt it-taqsima funzjonali tal-baġit ġenerali, fis-sentejn li jsegwu d-data tal-ħatra tagħhom bħala uffiċjal bi prova.

Ir-restrizzjoni għall-mobbiltà tal-uffiċjali inkwistjoni hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet bbażati fuq il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni u għalhekk fl-interess tas-servizz. Jekk l-allokazzjoni tajba tar-riżorsi f’persunal u l-mobbiltà tal-uffiċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet jikkostitwixxu għanijiet konformi mal-interess tas-servizz, dan tal-aħħar ma huwiex imnaqqas. L-imsemmija deċiżjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-uffiċjali, li qabel kienu membri tal-persunal temporanju impjegati mill-fondi allokati għar-riċerka, sabiex jibqgħu jaħdmu għal perijodu minimu ta’ sentejn taħt it-Taqsima “Riċerka” tal-baġit ġenerali li għalihom huma ġew maħtura bħala uffiċjali u li għalihom huma għandhom il-kwalifiki meħtieġa.

Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni li l-Kummissjoni ma tinjorax l-interess tas-servizz relatat mal-mobbiltà tal-uffiċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet, u li hija tipprova, għall-kuntrarju, tirrikonċiljah mal-interessi l-oħra tas-servizz li hija għandha speċifikament fl-għan tagħha. B’hekk, ir-restrizzjoni miġjuba lill-mobbiltà tal-uffiċjali kkonċernati hija limitata fil-portata tagħha, sa fejn din tirrigwarda biss l-uffiċjali, ex membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt il-fondi allokati għar-riċerka u li ilhom sentejn li ġew maħtura bħala uffiċjali għal impjiegi li jaqgħu taħt l-istess baġit. B’mod partikolari, din hija limitata fit-tul tagħha għal perijodu ta’ sentejn li jibda mill-ħatra tal-uffiċjali kkonċernati bħala uffiċjal bi prova.

Barra dan, id-deċiżjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-uffiċjali. L-Artikolu 2(3) tal-imsemmija deċiżjoni tipprevedi li, b’eċċezzjoni għall-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, tliet kategoriji ta’ uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 iżommu l-punti msemmija li huma kisbu bħala membri tal-persunal temporanju, anki jekk huma ttrasferiti f’impjieg li jaqa’ taħt it-taqsima tal-funzjonament tal-baġit ġenerali, fis-sentejn li jiġu wara d-data tal-ħatra tagħhom bħala uffiċjali bi prova. L-uffiċjali “li huma ttrasferiti fl-interess tas-servizz mill-Awtorità tal-Ħatra skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal” jifformaw wieħed minn dawn il-kategoriji. Jirriżulta mill-finalitajiet tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni li l-istituzzjoni tixtieq tindika b’dan il-mod lill-uffiċjali ttrasferiti fl-interess biss tas-servizz u mingħajr kunsiderazzjoni tax-xewqat tagħhom ta’ mobbiltà, bħalma d-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-esklużjoni ta’ dawn tat-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu, jippermettu lill-istituzzjonijiet. Jekk it-trasferimenti għandhom dejjem jiġu deċiżi fl-interess tas-servizz, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali ttrasferiti hija sostanzjalment differenti, skont jekk l-amministrazzjoni ħaditx inkunsiderazzjoni jew le tax-xewqat ta’ mobbiltà tagħhom.

Kategorija oħra ta’ uffiċjali prevista fl-Artikolu 2(3) tal-imsemmija deċiżjoni hija dik tal-uffiċjali ttrasferiti fuq it-talba tagħhom u li jokkupaw impjieg ikkunsidrat bħala sensittiv sa mill-inqas sentejn. F’dan ir-rigward, trattament differenti bejn l-uffiċjali ttrasferiti fuq it-talba tagħhom f’impjieg li jaqa’ taħt it-taqsima funzjonali tal-baġit ġenerali fis-sentejn li jiġu wara l-ħatra tagħhom bħala uffiċjali bi prova, skont jekk huma okkupawx jew le sa mill-inqas sentejn impjieg ikkunsidrat bħala sensittiv, huwa ġġustifikat. Anki jekk l-uffiċjal maħtur f’impjieg sensittiv huwa ġeneralment ittrasferit wara ħames snin biss, il-konklużjoni li l-imsemmi uffiċjal ma jinsabx f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ uffiċjali oħra ħlief wara ħames snin u mhux wara sentejn ma hijiex eżatta. L-obbligu akkumulat ta’ mobbiltà li jwieżen fuq l-uffiċjali li huma mqiegħda f’impjiegi sensittivi jirriżulta mill-fatt li n-natura tal-funzjonijiet tagħhom jesponihom għal riskju iktar sinjifikattiv ta’ irregolaritajiet finanzjarji jew ta’ kunflitti ta’ interess. Għaldaqstant, l-uffiċjali li ġew ttrasferiti f’impjiegi sensittivi jitqiegħdu, sakemm idumu fl-impjieg u mhux biss sa ħames snin, f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ uffiċjali oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx raġun li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni, għal dawn l-uffiċjali, ta’ regoli derogatorji fir-rigward ta’ mobbiltà tkun iġġustifikata biss wara ħames snin. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-interess tas-servizz li għandu jiffaċilita l-mobbiltà tal-uffiċjali mqiegħda f’impjiegi sensittivi, bl-għan li jiġu limitati r-riskji li huma esposti għalihom, jidher raġonevoli li l-imsemmija uffiċjali jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tikkostitwixxi inkoraġġiment ikbar għal stabbilita matul sentejn addizzjonali mill-ħatra tagħhom bħala uffiċjal bi prova. B’hekk, l-eċċezzjoni prevista mill-paragrafu 3 favur l-imsemmija uffiċjali ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex.

(ara l-punti 32, 67 sa 73, u 90 sa 96)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Ġunju 1997, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament, T‑237/95, Ġabra p. I‑A‑141 u II‑429, punt 99