Language of document : ECLI:EU:F:2008:51

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

30 ta’ April 2008

Kawża F-16/07

Adriana Dragoman

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla – Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal – Trattament ugwali bejn kandidati interni u esterni – Eliminazzjoni ta’ kandidat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Dragoman titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/34/05 intiża sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi lingwisti (interpreti tal-konferenzi – AD 5) għal-lingwa Rumena, tat-12 ta’ Diċembru 2006, u li hija ma tiġix inkluża fl-imsemmija lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11a)

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment tal-kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Ċaħda ta’ kandidatura – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Anness III, Artikolu 6)

1.      Il-prinċipju ta’ imparzjalità ta’ Bord tal-Għażla jammonta għal espressjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u jinsab fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja.

Madankollu, relazzjoni ta’ konoxxenza biss bejn membru tal-bord u kandidat mhux suffiċjenti, fiha nfisha, sabiex turi li l-imsemmi membru għandu “interess personali, […] partikolarment, l-interessi tal-familja jew finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, li b’hekk jista’ jpoġġi fid-dubju l-imparzjalità tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li membru tal-bord jaf personalment wieħed mill-kandidati ma jimplikax neċessarjament li l-imsemmi membru ser ikollu opinjoni favorevoli minn qabel fir-rigward tal-kapaċità ta’ dan il-kandidat. Barra minn hekk, peress li, minnu nnifsu, eżami orali ma jistax ikun anonimu, il-fatt li kandidat ikollu fuqu tessera tax-xogħol, u mhux tessera ta’ viżitatur, ma jista’ jagħti lill-bord l-ebda informazzjoni li dan mhux awtorizzat ikun jaf.

(ara l-punti 41, 44 u 46)

2.      Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesa’ fir-rigward tal-iffissar tal-metodi u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet orali, sakemm huwa josserva bir-reqqa r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet. B’hekk, billi jiġi deċiż li kandidat jiġi mistoqsi li jippreżenta ruħu fil-bidu tal-ewwel eżami ta’ interpretazzjoni, qabel l-eżami orali ġenerali, u dan sabiex iħossu komdu, il-bord ma eċċediex il-limiti ta’ din is-setgħa.

(ara l-punti 51 u 57)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Settembru 2002, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑92/01, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑859, punt 24; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑341, punt 38

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu bħala għan, minn naħa, li jagħti lill-parti kkonċernata l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni kinitx fondata jew le u, min-naħa l-oħra, sabiex ikun possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju. Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, dan l-obbligu għandu madankollu jkun rikonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-bord, skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Din is-segretezza ġiet stabbilita sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla u l-oġġettività tax-xogħlijiet tagħhom, billi tipproteġihom minn kull indħil u pressjoni esterna, kemm jekk ikunu ġejjin mill-amministrazzjoni Komunitarja stess, mill-kandidati kkonċernati kif ukoll jekk minn terzi. L-osservanza ta’ din is-segretezza konsegwentement tipprekludi kemm li tingħata informazzjoni dwar l-attitudnijiet meħuda mill-membri individwali tal-bordijiet kif ukoll li jiġi żvelat kwalunkwe element dwar l-evalwazzjoni tal-karattru personali jew komparattiv dwar il-kandidati.

Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jikkunsidra n-natura tax-xogħlijiet inkwistjoni li jinvolvu ġeneralment, għall-inqas żewġ stadji separati, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżami tal-kandidaturi, sabiex issir l-għażla tal-kandidati ammessi għall-kompetizzjoni u, it-tieni nett, l-eżami tal-kapaċitajiet tal-kandidati għall-impjieg disponibbli sabiex issir lista ta’ kandidati eleġibbli. It-tieni stadju tax-xogħlijiet ta’ Bord tal-Għażla huwa qabel kollox ta’ natura komparattiva u, b’hekk, kopert mis-segretezza inerenti f’dawn ix-xogħlijiet. Il-kriterji ta’ korrezzjoni adottati mill-bord li jkunu stabbiliti qabel l-eżamijiet, huma parti integrali mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li permezz tagħhom il-bord jiddeċiedi fuq il-merti rispettivi tal-kandidati. Dawn il-kriterji b’hekk jaqgħu taħt is-sigriet tax-xogħlijiet, bl-istess mod bħall-evalwazzjonijiet tal-bord. L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jagħmel il-bord huma riflessi fil-punti li dawn tal-aħħar jagħtu lill-kandidati. Meta wieħed jikkunsidra s-segretezza li għandu jkun hemm fix-xogħlijiet tal-bord, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fl-eżamijiet differenti tammonta għal motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-bord, peress li dan tal-aħħar mhux marbut jindika r-risposti tal-kandidati li ġew ikkunsidrati insuffiċjenti jew jispega għaliex dawn ir-risposti ġew ikkunsidrati insuffiċjenti.

(ara l-punt 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punti 23 sa 31; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, ĠabraSP p. I‑A‑105 u II‑541, punti 43 sa 52