Language of document : ECLI:EU:F:2011:189

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU

(It-Tielet Awla)

tas-6 ta’ Diċembru 2011

Kawża F‑85/11

Lis Wendelboe

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Kwistjonijiet proċedurali — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Rifjut ta’ promozzjoni — Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni li matulha l-uffiċjal ġiet promossa fl-istituzzjoni tagħha ta’ oriġini — Ilment — Tardività — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat tal-KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Wendelboe titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihiex promozzjoni għall-grad AST 5 mill-1 ta’ Marzu 2009 skont l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2009.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li jiġi rtirat l-isem tal-persuna kkonċernata mil-lista tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Dekadenza — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid — Sentenza ta’ qorti tal-Unjoni — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Deċiżjoni li twassal għall-irtirar tal-isem tal-persuna kkonċernata mil-lista ta’ uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni minħabba t-trasferiment tagħha għal istituzzjoni oħra, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju peress li tipproduċi effetti legali obbligatorji tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tagħha, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-fatt, billi rtirat l-isem ta’ uffiċjal mil-lista ta’ uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni, l-istituzzjoni ħadet deċiżjoni li biha tostakola l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ promozzjoni ulterjuri, skont l-eżerċizzju inkwistjoni, peress illi uffiċjal ma jistax jiġi promoss jekk dan ma jkunx imniżżel minn qabel fil-lista ta’ uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni.

(ara l-punt 21)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Settembru 2011, AZ vs Il‑Kummissjoni, F‑26/10, punti 83 u 84

2.      It-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, stabbiliti sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet jew tal-qorti.

Sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi fatt ġdid li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ terminu ta’ ilment jew ta’ rikors fir-rigward biss, minn naħa, tal-partijiet fil-kawża, u min-naħa l-oħra, tal-persuni l-oħra direttament ikkonċernati mill-att annullat.

Il-konstatazzjoni permezz ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni, li deċiżjoni amministrattiva ta’ natura ġenerali tikser ir-Regolamenti ma tistax tikkostitwixxi, fir-rigward tal-uffiċjali li naqsu milli jużaw fi żmien utli l-possibbiltajiet ta’ rimedju mogħtija lilhom mir-Regolamenti, fatt ġdid li jiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet individwali li jikkonċernawhom adottati mill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 26 sa 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il‑Kummissjoni, 232/85, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Frar 2000, Gómez de la Cruz Talegón vs Il‑Kummissjoni, T‑165/97, punt 51; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, punt 4

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Soares vs Il‑Kummissjoni, F‑130/05, punt 52; 11 ta’ Ġunju 2009, Ketselidou vs Il‑Kummissjoni, F‑81/08, punti 46 u 47, u l-ġurisprudenza ċċitata; 28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il‑Parlament, F‑128/10