Language of document : ECLI:EU:C:2019:646

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2019 (1)

Kawża C-460/18 P

HK

vs

Il-Kunsill u Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz Pubbliku – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kunċett ta’ ‘konjuġi superstiti’ – Kundizzjoni ta’ anzjanità taż-żwieġ – Sħubijiet mhux matrimonjali – Koppji de facto – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Artikoli 20 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






1.        Permezz ta’ dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Mejju 2018, HK vs Il-Kummissjoni (T‑574/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:252), li ċaħdet ir-rikors tiegħu għal annullament, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjutalu, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti minħabba tul ta’ żwieġ ta’ inqas minn sena mal-uffiċjal li mietet u minħabba assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ konkubinaġġ preċedenti.

2.        Minbarra l-problema klassika tal-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fid-dawl, minn naħa, tas-sitwazzjoni tal-koppji konkubini u, min-naħa l-oħra, tal-koppji miżżewġa għal inqas minn sena fil-mument tal-mewt tal-konjuġi uffiċjal u dawk li jilħqu ż-żmien meħtieġ kieku kellu jitqies il-perijodu preċedenti ta’ ħajja flimkien.

3.        Din il-kwistjoni ta’ dimensjoni soċjali innegabbli hija evidentement ta’ interess kbir għall-membri tas-servizz pubbliku Ewropew.

I.      Il-kuntest ġuridiku

4.        Ir-Regolamenti tal-Persunal huma annessi għar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2). Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi, u b’mod partikolari fl-2004, permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom) tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (3).

5.        Skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża:

“1.      Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, sħubija mhux maritali għandha tkun ittrattata bħala żwieġ sakemm il-kondizzjonijiet kollha mniżżla fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII jitħarsu.

[…]

5.      Meta persuni koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jikkunsidraw li saret inġustizzja magħhom għax il-prinċipju tat-trattament indaqs kif ipreżentat hawn fuq ma kienx applikat magħhom, jistabbilixxu l-fatti li jista’ jkun presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun fuq l-istituzzjoni li tipprova li ma kienx hemm ksur fil-prinċipju tat-trattament indaqs. Din id-disposizzjoni ma tgħoddx fil-proċeduri dixxiplinarji.

6.      Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.”

6.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Is-sieħba li tibqa’ ħajja ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal għandha tkun intitolata, fil-mod ipprovdut fil-Kapitolu 4 ta’ l-Anness VIII, għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj [pensjoni tas-superstiti] daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar jew il-benefiċċju ta’ l-invalidità li kienet titħallas lill-mejjet, jew li, jkun xi jkun it-tul tas-servizz jew ta’ l-età, kieku kieket titħallas lilu li kieku kkwalifika għaliha meta miet.”

7.        L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness VII għar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu li:

“1.      Il-benefiċċju tal-familja għandu jkun stabbilit bħala ammont bażiku ta’ 170,52EUR,
bl-addizzjoni ta’ 2 % tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal.

2.      L-allowance tal-familja għand[ha] [t]ingħata lil:

(a)      uffiċjal miżżewweġ;

(b)      uffiċjal li huwa armel, iddivorzjat, separat legalment, jew mhux miżżewweġ u għandu tfal dipendenti wieħed jew aktar fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) jew (3) t’hawn taħt,

(ċ)       uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, sakemm:

(i)      il-koppja tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħal tali minn Stat Membru, jew kull awtorità kompetenti ta’ Stat Membri, li tirrikonoxxi l-istat[us] tagħhom bħala sħab [imsieħba] mhux miżżewġa;

(ii)      l-ebda sieħeb m’hu qiegħed f’relazzjoni maritali, jew f’xi relazzjoni oħra mhux maritali,

(iii)      l-imsieħba ma jiġux min[n] xulxin b’xi mod li ġej: ġenitur, iben/bint, nannu/nanna, neputi tan-nanniet, ħu, oħt, ziju, zij[a], neputi, neputija, ħaten, ħtint;

(iv)      il-koppja m’għandhiex aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru, il-koppja għandha titqies li għandha aċċess għal żwieġ legali għall-iskopijiet ta’ dan il-punt biss fejn il-membri tal-koppja jħarsu l-kondizzjonijiet kollha mniżżla mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li jippermetti ż-żwieġ tat-tali koppja;

(d)       b’deċiżjoni raġunata speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra bbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ, uffiċjal li, għalkemm ma jaqax taħt il-kondizzjonijiet imniżżel f’(a), (b) u (ċ), xorta waħda attwalment jassumi responsabbiltajiet tal-familja.”

8.        L-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi dan li ġej fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti għall-konjuġi superstiti:

“Meta uffiċjali imut waqt li jkollu wieħed mill-istatus amministrattivi mniżżla fl-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Persunal, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienu miżżewġin għall-anqas sena fil-ħin tal-mewt tiegħu u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1) u 22 [tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Persunal], għal pensjoni tas-sieħeb li għadu ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li l-uffiċjali ikun jiġi mħallas kieku kien kwalifikat, irrispettivament mid-dewmien tas-servizz jew l-età, għal tali pensjoni fil-ħin tal-mewt tiegħu.

Id-dewmien taż-żwieġ m’għandhux jittieħed in konsiderazzjoni jekk hemm wild wieħed jew aktar miż-żwieġ jew minn żwieġ ieħor ta’ l-uffiċjal sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew kien imantni dawk l-ulied, jew jekk il-mewt ta’ l-uffiċjal tirriżulta jew minn disabilta fiżika jew mard li ġie waqt it-twettiq tad-doveri tiegħu jew minn aċċident.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

9.        HK, l-appellant, u N bdew il-ħajja komuni tagħhom fis-sena 1994, f’Liège (il-Belġju).

10.      N kienet uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u ġiet assenjata liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) f’Sevilla (Spanja) mis-16 ta’ Mejju 2005.

11.      Peress li kien isofri minn dijabete tat-tip II, l-appellant ġie prekluż milli jaħdem jew milli jsegwi taħriġ, u N kienet tipprovdi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-bżonnijiet tal-koppja.

12.      L-appellant u N iżżewġu f’Liège fid-9 ta’ Mejju 2014.

13.      N mietet fil-11 ta’ April 2015.

14.      Fl-14 ta’ April 2015 il-Kummissjoni informat lill-appellant bil-fomm, li huwa ma kellux dritt għal pensjoni tas-superstiti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

15.      Fil-15 ta’ Ġunju 2015, huwa ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni ta’ tul insuffiċjenti taż-żwieġ, jiġifieri inqas minn sena, peress li, barra minn hekk, il-perijodu minn qabel ta’ konkubinaġġ ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintlaħaq it-tul meħtieġ.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar 2016, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u għall-kumpens għad-dannu morali mġarrab.

18.      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 (4), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li kienet tinsab fih fil-31 ta’ Awwissu 2016.

19.      Fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellant invoka eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII għar-Regolamenti tal-Persunal, sostnuta minn żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel nett, fuq in-natura “arbitrarja u inadegwata” tal-kriterju ta’ eliġibbiltà għall-pensjoni tas-superstiti u, it-tieni nett, fuq diskriminazzjoni bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (5).

20.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lil HK għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

IV.    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Fit-12 ta’ Lulju 2018, l-appellant ippreżenta appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tagħti deċiżjoni billi tilqa’ t-talbiet li huwa ressaq fl-ewwel istanza, inkluż il-kundanna għall-ispejjeż tal-konvenuta; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi, u f’dan il-każ l-ispejjeż tal-appell ikollhom jiġu mħallsa skont l-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22.      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha.

23.      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza, talab li tinżamm seduta abbażi tal-Artikolu 76(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, liema talba ntlaqgħet.

24.      Il-partijiet instemgħu fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2019.

V.      Analiżi ġuridika

25.      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, jidhirli neċessarju li ngħaddi, qabel kollox, għall-eżami tal-kritika tal-appellant fir-rigward tal-osservanza mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li jidhirli li hija fondata u twassal sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata fuq din il-bażi. Fir-rigward ta’ dan l-approċċ u tas-seħħ tal-kundizzjonijiet għall-finijiet ta’ evokazzjoni tal-kawża, sussegwentement, saret evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tar-rikors ippreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali u li abbażi tagħha qiegħed jiġi propost l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti lill-appellant.

A.      Fuq l-appell

26.      L-appellant iqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII għar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll motivazzjoni ekwivoka, inkoerenti u kontradittorja tas-sentenza appellata, u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata.

27.      Jidher li, billi għamel hekk, l-appellant għaqqad, fiż-żewġ aggravji tiegħu għal annullament, kritika dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali, minn naħa, u dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, min-naħa l-oħra, kwistjonijiet distinti li jeħtieġu eżami separat.

28.      Rigward l-obbligu ta’ motivazzjoni, ta’ min ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha turi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (6).

29.      Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (7). Barra minn hekk, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jrid jiġi mqajjem mill-qorti tal-Unjoni (8).

30.      L-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata timplika qabelxejn li jitfakkar is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri talba prinċipali għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża bbażata fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sostnuta minn żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel nett, fuq in-natura “arbitrarja u inadegwata” tal-kriterju ta’ eliġibbiltà għall-pensjoni tas-superstiti u, it-tieni nett, fuq diskriminazzjoni bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

31.      Dawn iż-żewġ ilmenti formalment distinti jaqgħu fil-verità taħt kritika waħda li tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (9), li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (10).

32.      Differenzjazzjoni ta’ żewġ kategoriji ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata minn kull għan leġittimu, sakemm il-miżura inkwistjoni tkun xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan, fatt li huwa kkontestat preċiżament mill-appellant billi jargumenta dwar in-natura “arbitrarja u inadegwata” tal-kundizzjoni li biha l-konjuġi superstiti għandu jkun ilu konjuġi minn tal-inqas sena, fil-mument tal-mewt tal-uffiċjal, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti.

33.      Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat suċċessivament iż-żewġ ilmenti mingħajr ma wettqet xi kwalifika, li fil-fehma tiegħi huwa l-oriġini ta’ motivazzjoni li ma turix b’mod ċar ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

34.      F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija “ekwivoka, inkoerenti u kontradittorja”. Huwa jindika, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali tinterpreta l-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens li jirreferi esklużivament għall-istatus ta’ żwieġ f’ċerti punti waqt li tqiegħed fuq l-istess livell il-kunċetti ta’ “konjuġi” u ta’ “sħubija mhux maritali” f’punti oħra tas-sentenza.

35.      Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel ilment imqajjem mill-appellant, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi superstiti” sabiex tikkonstata, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma ċari u preċiżi, u jesponu, mingħajr ambigwità, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, jiġifieri “kienu miżżewġin għall-anqas sena fil-ħin tal-mewt tiegħu”.

36.      B’hekk, il-Qorti Ġenerali tagħmel assimilazzjoni esklużiva bejn il-kunċett ta’ “konjuġi” u l-istatus maritali li hija tirrepeti fil-punti 25 u 30 (11), b’riferiment għas-sens ordinarju ta’ dan il-kunċett, u fil-punti 27 sa 29, fir-rigward tal-universalità tal-kunċett ta’ “żwieġ” bħala forma ta’ unjoni ċivili rrikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, li toħloq obbligi ġuridiċi speċifiċi, b’kuntrast mas-sħubija mhux maritali jew mal-konkubinaġġ.

37.      Huwa, għalhekk, tal-inqas sorprendenti li wieħed jaqra fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li jikkostitwixxi wkoll punt konklużiv, li, billi jillimita l-għoti tal-imsemmija pensjoni lill-persuni miżżewġa ċivilment “kif ukoll lill-imsieħba rreġistrati u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma aġixxiex b’mod arbitrarju.

38.      Jirriżulta b’mod ċar minn dan il-punt li l-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti ma huwiex għalhekk irriżervat għall-konjuġi superstiti mifhum fis-sens esklużivament maritali, b’mod kuntrarju għal dak li ġie indikat sa dak iż-żmien, mingħajr ma tingħata ebda spjegazzjoni mill-Qorti Ġenerali li tippermetti li din l-indikazzjoni tinftiehem bħala ftuħ tad-dritt għal pensjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, f’sitwazzjoni ta’ sħubija mhux maritali.

39.      Fil-punt 28 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ċertament issottomettiet, iżda f’formula evażiva, li “ż-żwieġ ma [kienx] fil-prinċipju paragunabbli mal-konkubinaġġ jew ma’ sitwazzjonijiet oħra ta’ fatt”, fejn l-użu tal-espressjoni “fil-prinċipju” jagħti x’jifhem li jista’ jkun mod ieħor b’eċċezzjoni, mingħajr iktar preċiżjoni.

40.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tieni lment imqajjem mill-appellant ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali tafferma mill-ġdid, fil-punti 48, 51 u 53 tas-sentenza appellata, ir-rabta esklużiva bejn il-konjuġi superstiti u l-istatus maritali, peress li t-test ta’ paragunabbiltà sar bejn is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal mejjet li għex f’unjoni libera u dik ta’ uffiċjal “li kien miżżewweġ”.

41.      Madankollu, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li l-kundizzjoni ta’ għoti tal-pensjoni tas-superstiti hija kkostitwita min-natura ġuridika tar-rabtiet bejn l-uffiċjal mejjet “u l-konjuġi jew is-sieħeb superstiti”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, għal darba oħra, dwar is-sħubija u l-portata eżatta ta’ dan il-kunċett, li jista’ jkopri s-sitwazzjoni ta’ koppja legali bi sħubija mhux maritali uffiċjalment irreġistrata, li hija inkwistjoni fil-punt 32 tas-sentenza appellata, jew ta’ koppja ta’ fatt bħal dik f’konkubinaġġ bħalma kienu l-appellant u l-uffiċjal li mietet qabel ma żżewġu.

42.      Il-Kummissjoni ssostni li l-punt 47 għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-użu tal-konġunzjoni “jew” li timplika evalwazzjoni distintiva ta’ kull sitwazzjoni msemmija, bl-ewwel waħda biss, bl-eżistenza ta’ żwieġ, tippermetti l-eliġibbiltà għall-pensjoni tas-superstiti.

43.      Din l-interpretazzjoni hija madankollu kontradetta mill-punt 32 tas-sentenza appellata mfakkar iktar ’il fuq.

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma turix b’mod ċar u li jinftiehem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-benefiċjarji tal-pensjoni tas-superstiti, sitwazzjoni li, fil-fehma tiegħi, oriġinat minn analiżi mhux kompluta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-għoti tal-imsemmija pensjoni.

45.      Il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkwotat l-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li naqset milli tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal iżda wkoll, u fuq kollox, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

46.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jestendi l-vantaġġi u d-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus mogħti lill-uffiċjali miżżewġin lill-imsieħba mhux miżżewġa kollha iżda, skont ir-riferiment għall-Artikolu 1(2)(c) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, biss għal dawk li s-sħubija maritali tagħhom hija uffiċjalment irreġistrata u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ (12).

47.      L-Artikolu 1(2)(c) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jestendi għaldaqstant id-dritt għall-pensjoni tas-superstiti għall-koppji involuti f’unjoni uffiċjalment irreġistrata u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ f’ċertu numru ta’ Stati Membri, fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni tkun dik ta’ koppji tal-istess sess.

48.      B’hekk jidher li l-kunċett ta’ “konjuġi superstiti” ma jistax jiġi assimilat esklużivament mal-istatus maritali.

49.      Dan il-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti jista’ jispjega kif huwa fformulat il-punt 32 tas-sentenza appellata li jgħid li l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti huwa limitat għal persuni miżżewġin ċivilment “kif ukoll għall-imsieħba rreġistrati u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ”, iżda s-sentenza ma ssemmihomx.

50.      Issa, il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tas-suġġetti tad-dritt tiegħu hija strettament marbuta ma’ dik tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet meqjusa sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

51.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tivverifika jekk is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal mejjet li għex f’unjoni libera, stabbli u ta’ tul ta’ żmien twil u li jkun ta benefiċċju lis-sieħeb tiegħu mid-dħul tiegħu hijiex paragunabbli għal dik ta’ uffiċjal mejjet li kien miżżewweġ, bla ma jissemma l-każ tal-imsieħba rreġistrati li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ (13), iżda msemmi fil-punt 32 tas-sentenza, minkejja li l-appellant kien invoka, b’mod partikolari, il-paragunabbiltà tal-koppji legali u tal-koppji de facto sabiex isostni l-allegazzjoni tiegħu ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

52.      Din il-kategorizzazzjoni u paragun uniċi tas-sitwazzjonijiet ukoll jagħmlu diffiċli l-fehim tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ilment dwar in-natura “arbitrarja u inadegwata” tal-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ sena taż-żwieġ, meta wieħed jiftakar li l-appellant kien tabilħaqq miżżewweġ mal-uffiċjal mejta u ġie rrifjutat milli jingħata l-pensjoni tas-superstiti minħabba li kienu ilhom miżżewġin inqas minn sena u, barra minn hekk, minħabba r-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ konkubinaġġ preċedenti.

53.      Il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha li tikkonstata, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ sena ta’ żwieġ “sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi ma hijiex inadegwata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (14), li jirrifletti neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għan leġittimu ta’ differenzjazzjoni ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli u l-implimentazzjoni ta’ stħarriġ ta’ proporzjonalità, iżda mingħajr ma huwa possibbli li wieħed jifhem kif il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni biss mill-paragun tas-sitwazzjonijiet u li wassalha għall-affermazzjoni tan-natura mhux paragunabbli tagħhom.

54.      Il-qari tal-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata juri wkoll ir-raġunament ekwivoku tal-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar fl-ewwel punt tikkonstata n-natura xierqa tal-kundizzjoni ta’ tul ta’ sena għat-twettiq tal-“għan tal-ġlieda kontra l-frodi” qabel ma tikkonkludi fit-tieni punt li l-kriterju doppju ta’ żwieġ ċivili ta’ tul ta’ iktar minn sena ma huwiex “b’hekk” la arbitrarju u lanqas inadegwat fir-rigward tal-“għan imfittex mill-pensjoni tas-superstiti”.

55.      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ssemmi żewġ kunċetti distinti, jiġifieri l-għan leġittimu li jiġġustifika d-differenza ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli u l-għan tal-pensjoni tas-superstiti li fir-rigward tiegħu għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-persuni kkonċernati hijiex paragunabbli, mingħajr ma tispjega r-relazzjoni kawżali bejn iż-żewġ punti u b’hekk toħloq konfużjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti.

56.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ din l-analiżi, hemm lok li jiġi kkonstatat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-motivi ekwivoċi tas-sentenza appellata ma jippermettux lill-appellant jifhem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li fuqu hija bbażata l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari maċ-ċaħda tar-rikors tiegħu, u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq dan il-punt.

57.      Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ kompletezza, ninnota li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni talbet l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament billi invokat in-nuqqas ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors, peress li l-ewwel dokument ma kienx jinkludi l-allegazzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

58.      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument baqa’ mingħajr risposta fis-sentenza appellata li lanqas biss irreferiet għalih.

59.      Ta’ min ifakkar li, fil-kuntest tal-appell, l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, b’mod partikolari, li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mill-appellant (15).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza kien jikkostitwixxi, essenzjalment, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (16), filwaqt li jitfakkar li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ tali obbligu jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti tal-Unjoni kif dan ġie ppreċiżat iktar ’il fuq.

61.      Is-sentenza appellata b’hekk fiha nuqqas ta’ motivazzjoni manifest fir-rigward tal-ilment ta’ inammissibbiltà tar-rikors.

62.      Konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ nuqqasijiet fl-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi fuq il-mertu invokati mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu, fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

63.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha din.

64.      F’dan il-każ, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’sitwazzjoni li tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal imqajma mill-appellant matul il-proċedura fl-ewwel istanza, sa fejn, minn naħa waħda, l-espożizzjoni tal-fatti neċessarji għad-deċiżjoni tidher kompleta, suffiċjenti u ma hija s-suġġett ta’ ebda diskussjoni bejn il-partijiet, u, min-naħa l-oħra, l-elementi tal-kawża kienu b’mod kontradittorju ġew diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-interess tal-appellant li jikseb deċiżjoni definittiva malajr għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, billi huwa mfakkar li t-talba tiegħu għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti tmur lura għax-xahar ta’ April 2015.

B.      Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

65.      L-evokazzjoni għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwima kif ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji, u lanqas fuq l-inammissibbiltà tal-ewwel wieħed minn dawk l-aggravji mqajma mill-Kunsill matul is-seduta tas-sottomissjonijiet orali.

66.      Fl-ewwel istanza, l-appellant talab għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, “jekk ikun meħtieġ”, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, meta din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontra tiegħu jkun imressaq l-ilment (17). Peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment f’dan il-każ hija nieqsa minn kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

67.      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni talbet l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament billi invokat in-nuqqas ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors, peress li l-ewwel dokument ma kienx jinkludi l-allegazzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

68.      F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li r-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u r-rikors sussegwenti tirrikjedi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li tkun taf b’mod preċiż biżżejjed il-kritika li l-parti kkonċernata ser tagħmel kontra d-deċiżjoni kontenzjuża (18).

69.      Minn dan jirriżulta li, fir-rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jinkludu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li huma bbażati fuqha l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, waqt li huwa ppreċiżat li dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, billi jiġu ppreżentati motivi u argumenti li ma humiex neċessarjament fl-ilment, iżda li huma relatati mill-qrib magħhom (19).

70.      Madankollu, ġie speċifikat, minn naħa, li, peress li l-proċedura prekontenzjuża kellha natura informali u li b’mod ġenerali l-persuni interessati aġixxew f’dan l-istadju mingħajr l-użu ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma kellhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda kellha, kuntrarjament, teżaminahom b’mod wiesa’ u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kellux l-għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, peress li r-rikors kontenzjuż la jemenda r-raġuni u lanqas is-suġġett tal-ilment (20).

71.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ilment ġie redatt mill-appellant biss mingħajr ma jagħmel riferiment għal eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u huwa osservat li r-redazzjoni tiegħu ssegwi sempliċi komunikazzjoni orali ta’ rifjut tal-għoti tal-pensjoni tas-superstiti għal tul ta’ żwieġ insuffiċjenti. F’dan l-ilment, l-appellant ikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni billi afferma l-unjoni tul il-ħajja tiegħu mal-uffiċjal li mietet għal iktar minn għoxrin sena fil-kuntest ta’ konkubinaġġ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha titqies li hija marbuta suffiċjentement mill-qrib mal-ilment.

72.      Fi kwalunkwe każ, ġie deċiż li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba fir-rikors għandha tiġi ddikjarata ammissibbli, b’deroga għar-regola ta’ konkordanza (21).

2.      Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti

73.      Huwa paċifiku li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat esklużivament fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li ma hemmx dubju dwar l-ammissibbiltà tiegħu, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża hija essenzjalment ibbażata fuq din id-dispożizzjoni.

74.      Kif dan ġie indikat iktar ’il fuq, l-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddeterminaw is-sistema legali tal-pensjoni tas-superstiti.

75.      L-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, għall-konjuġi superstiti tal-uffiċjal, id-dritt li jirċievi tali pensjoni u l-ammont tagħha suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu 4 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludi l-Artikolu 17 li jirrikjedi li l-konjuġi superstiti jkun ilu tali għal mill-anqas sena.

76.      Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li s-sħubijiet mhux maritali huma ttrattati bl-istess mod bħaż-żwieġ sakemm il-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu ssodisfatti, li jkopri, għal tnejn minnhom, sħubija uffiċjalment irreġistrata u assenza ta’ aċċess għaż-żwieġ ċivili għall-koppja kkonċernata.

77.      Meta applikat dawn id-dispożizzjonijiet għall-evalwazzjoni tat-talba tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti mill-appellant, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għalkemm il-persuna interessata kellha l-istatus ta’ konjuġi superstiti fid-dawl taż-żwieġ tagħha mal-uffiċjal mejjet, il-kundizzjoni marbuta mat-tul ta’ dan iż-żwieġ ma kinitx issodisfatta. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ħajja komuni ta’ iktar minn 20 sena fil-kuntest ta’ konkubinaġġ ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-kundizzjoni ta’ assimilazzjoni ta’ sħubija mhux maritali maż-żwieġ, prevista fl-Artikolu 1(2)(c)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u relatata mal-assenza ta’ aċċess għaż-żwieġ ċivili fi Stat Membru ma kinitx issodisfatta.

78.      Għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appellant ma jikkritikax lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ. Huwa jsostni biss li d-deċiżjoni individwali negattiva tal-Kummissjoni hija irregolari billi hija bbażata fuq regola li hija stess hija illegali.

79.      Permezz ta’ żewġ ilmenti formalment distinti, l-appellant jitlob, essenzjalment, l-illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni, fejn ir-rikors jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 21 tal-Karta u għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

80.      L-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa fformulat bil-mod li ġej: “Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

81.      L-appellant ma ppreċiżax il-kawża tad-diskriminazzjoni kkonċernata f’dan il-każ iżda huwa dedott mill-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li din tal-aħħar hija kkostitwita min-natura legali tar-rabta li tgħaqqad lill-membri ta’ koppja, kunċett li ma jinsabx fil-lista msemmija iktar ’il fuq, li ma hijiex eżawrjenti, kif jikkonferma l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari”.

82.      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-iżviluppi tar-rikors, kif ukoll mill-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, jirriżulta li l-appellant jikkontesta b’mod ċar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal mal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament. Il-Kummissjoni u l-Kunsill ukoll inkludew id-difiża tagħhom fil-kuntest iktar ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament.

83.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li n-natura fundamentali tiegħu hija stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali bħat-Trattati. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma b’mod partikolari indirizzati lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma, konsegwentement, marbuta josservaw id-drittijiet stabbiliti minnha (22).

84.      F’dan il-każ, l-appellant jeċċepixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, fuq bażi doppja.

a)      Fuq id-differenza fit-trattament tal-koppji konkubini

85.      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u l-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (23).

86.      Is-suġġett u l-għan tal-pensjoni tas-superstiti prevista, b’mod partikolari, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jagħti lill-konjuġi superstiti dħul ta’ sostituzzjoni intiż sabiex jikkumpensa parzjalment it-telf tad-dħul tal-konjuġi li miet (24).

87.      L-appellant isostni li koppja li tkun ilha f’relazzjoni ta’ konkubinaġġ stabbli u għal żmien twil, b’assistenza finanzjarja ta’ wieħed mill-konkubini lill-ieħor, u dik miżżewġa jew li tkun ikkonkludiet sħubija mhux maritali huma f’sitwazzjonijiet paragunabbli, biċ-ċaħda tal-pensjoni tas-superstiti għall-konkubin superstiti tikkaratterizza l-ksur ta’ dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

88.      Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, approċċ tal-għan tal-pensjoni tas-superstiti bbażat fuq analiżi ex post tal-koppja, u mhux ex ante kif din hija żviluppata mill-partijiet l-oħra, li tippermetti li jiġi kkonstatat li, fil-jum tal-mewt ta’ wieħed mill-konkubini, il-konkubin superstiti jinsab f’sitwazzjoni strettament identika għal dik ta’ konjuġi superstiti, jiġifieri dik ta’ persuna li tkun ibbenefikat għal ammont ta’ snin mid-dħul tal-konkubin tagħha u li f’daqqa waħda ġiet imċaħħda minnu.

89.      Din l-interpretazzjoni riduċenti tal-għan tal-pensjoni tas-superstiti, deliberatament iffokata fuq approċċ esklużivament materjali tas-sitwazzjoni evalwata biss fil-ġurnata tal-mewt tal-uffiċjal, ma tirriflettix eżatt ir-ratio legis tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

90.      Minn dan it-test, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi u/jew ta’ patrimonju li għandhom jikkaratterizzaw l-inkapaċità tal-konjuġi superstiti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u li juru għalhekk id-dipendenza finanzjarja preċedenti tiegħu fuq il-mejjet.

91.      Il-benefiċċju tal-imsemmija pensjoni jikkumpensa t-telf ta’ responsabbiltà in solidum li tirriżulta minn obbligi legali li jkollhom il-membri ta’ koppja sa mill-konklużjoni tal-unjoni tagħhom u li jkomplu fiż-żmien. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 26 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, meta l-konjuġi superstiti jerġa’ jiżżewweġ, huwa ma jibqax ikollu dritt għall-pensjoni tas-superstiti tiegħu, li ma jkunx il-każ jekk dak il-konjuġi jkollu relazzjoni ta’ konkubinaġġ (jew sħubija rreġistrata), irrispettivament mit-tul u l-istabbiltà tagħha.

92.      Din ir-responsabbiltà in solidum teżisti evidentement fil-kuntest taż-żwieġ, l-unika forma ta’ relazzjoni ċivili li hija komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni (25) u li tippreżenta ċerta universalità fir-rigward tal-kontenut tagħha (26), fejn iż-żwieġ għandu prinċipalment bħala għan li jorganizza l-obbligi personali, materjali u patrimonjali tal-konjuġi matul il-perijodu tal-unjoni tagħhom. Għal dan il-għan, huwa jagħti lill-konjuġi drittijiet u obbligi reċiproċi, li jkunu riflessi b’mod partikolari fl-eżistenza ta’ dmir ta’ għajnuna u/jew ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż taż-żwieġ, u li jimponu wkoll responsabbiltà in solidum finanzjarja fir-rigward ta’ terzi għad-djun domestiċi. Barra minn hekk, iż-żwieġ huwa suġġett għal reġistrazzjoni formali rigoruża.

93.      Għalkemm ir-rikonoxximent tas-sħubija mhux maritali rreġistrata huwa kkaratterizzat minn eteroġeneità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, huwa possibbli li jiġi affermat li l-imsemmija sħubija tikkorrispondi wkoll għal sistema legali tal-ħajja ta’ koppja, suġġetta għal formaliżmu reali, li tinkludi drittijiet u obbligi għall-imsieħba, fatt li mingħajr dubju jqarribha għall-istatus maritali.

94.      Min-naħa l-oħra, l-unjoni ta’ fatt jew l-unjoni libera, li jifforma parti minnha l-konkubinaġġ (27), ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ kull kuntest legali vinkolanti għal dawk li għażlu din il-forma ta’ unjoni ċivili u ma twassalx għalhekk għal konsegwenzi legali u patrimonjali fir-relazzjonijiet bejn il-konkubini. Id-determinazzjoni tan-natura tagħhom, li tista’, jekk ikun il-każ, tirrifletti responsabbiltà in solidum de facto bejn il-konkubini, tiddependi mis-sempliċi rieda u mill-għażla tal-membri ta’ unjoni li ma għandha ebda formaliżmu.

95.      L-appellant jirreferi għad-duttrina u għal deċiżjonijiet ta’ qrati Belġjani li jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ obbligi naturali bejn il-konkubini li jistgħu jsiru obbligi ċivili. Minbarra l-fatt li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-persuni kkonċernati, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kunċetti prevalenti fl-Unjoni kollha u mhux fi Stat Membru wieħed (28), l-eżempju ta’ ġurisprudenza pprovdut mill-appellant juri b’mod ċar li t-trasformazzjoni tal-obbligu naturali, vinkolanti fil-kuxjenza biss, f’obbligu ċivili u fid-dritt, tiddependi biss mill-impenn unilaterali tar-rieda ta’ wieħed mill-konkubini.

96.      Lanqas ma jidhirli li hija rilevanti l-evokazzjoni tas-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, EU:C:2008:179), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 fid-dawl tad-dritt Ġermaniż li jagħti pensjoni ta’ armel lill-koppji li jkunu kkonkludew sħubija mhux maritali rreġistrata għal ammont inqas minn dak tal-pensjoni mogħtija lill-koppji miżżewġa. Il-paragun kien jikkonċerna, minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ żewġ persuni tal-istess sess li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ u uniti fil-kuntest ta’ sħubija mhux maritali rreġistrata, u, min-naħa l-oħra, dik ta’ koppja miżżewġa, filwaqt li, f’dan il-każ, qegħdin jiġu pparagunati s-sitwazzjoni ta’ żewġ persuni f’sitwazzjoni ta’ unjoni libera u dik ta’ koppja miżżewġa jew li ma għandhiex aċċess għaż-żwieġ iżda li tkun ikkonkludiet sħubija rreġistrata uffiċjalment.

97.      Għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 75 tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni (C-485/08 P, EU:C:2010:188), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, għalkemm f’ċerti aspetti, il-koppji de facto u l-koppji legali, bħaż-żwieġ, setgħu jkollhom dan ix-xebh, dan ma jistax iwassal neċessarjament għal assimilazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ koppji.

98.      Barra minn hekk, fis-sentenza tal-Qorti EDB tat-3 ta’ April 2012, Van der Heidjen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2012:0403JUD004285705, punt 69), ġie indikat li “[i]ż-żwieġ jagħti status partikolari lil dawk li jimpenjaw ruħhom f’dan ir-rigward. L-eżerċizzju tad-dritt taż-żwieġ huwa protett mill-Artikolu 12 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] u jġib miegħu konsegwenzi soċjali, personali u legali (ara, mutatis mutandis, is-sentenzi [tal-]Qorti EDB [tad-]29 ta’ April 2008, Burden vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0429JUD001337805, punt 63, u [tat-]2 ta’ Novembru 2010, Şerife Yiğit vs It-Turkija, CE:ECHR:2010:1102JUD000397605, punt 72). Bl-istess mod, il-konsegwenzi legali tas-sħubija rreġistrata jiddistingwu dan it-tip ta’ relazzjoni mill-forom l-oħra ta’ ħajja flimkien. Iktar milli t-tul jew in-natura ta’ assistenza reċiproka tar-relazzjoni, l-element determinanti huwa l-eżistenza ta’ impenn pubbliku, li jmur id f’id ma’ għadd ta’ drittijiet u obbligi ta’ natura kuntrattwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

99.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-finalità tal-pensjoni tas-superstiti kif imfakkra u ppreċiżata iktar ’il fuq, jidhirli li s-sitwazzjonijiet ipparagunati mill-appellant ma humiex paragunabbli, peress li l-koppji de facto u l-koppji legali, kemm jekk dawn ikunu miżżewġin jew fi sħubija mhux maritali rreġistrata, jippreżentaw differenza ta’ natura legali insuperabbli. Għaldaqstant, differenza fit-trattament ma tistax twassal għall-konklużjoni ta’ ksur tal-ugwaljanza fit-trattament.

100. Din il-konklużjoni ma tagħlaqx, madankollu, id-dibattitu dwar l-aggravju bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

b)      Fuq id-differenza fit-trattament tal-koppji li ż-żwieġ tagħhom ikun ilu inqas minn sena

101. L-appellant ifformula, fir-rikors tiegħu, kritika li tikkonċerna l-kundizzjoni tat-tul tar-relazzjoni personali meħtieġa għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti u dan billi sostna li l-kriterju taż-żwieġ jew tas-sħubija mhux maritali ta’ tul ta’ iktar minn sena kien “arbitrarju u inadegwat”.

102. Din l-argumentazzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest fattwali u legali tal-kawża, jiġifieri li l-appellant kien ilu miżżewweġ għal iktar minn 11-il xahar mal-uffiċjal mejta, u li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba ta’ għoti tal-pensjoni tas-superstiti kienet motivata minn tul insuffiċjenti taż-żwieġ, jiġifieri inqas minn sena, u mir-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu preċedenti ta’ konkubinaġġ.

103. F’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ koppja miżżewġa għal iktar minn sena u dik ta’ koppja miżżewġa għal inqas minn sena, kemm jekk kienet preċeduta jew le minn ħajja komuni f’konkubinaġġ, jistgħu jitqiesu paragunabbli fir-rigward tal-għan tal-pensjoni tas-superstiti, filwaqt li jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati jkunu identiċi (29).

104. Fiż-żewġ każijiet, dawn huma koppji li assumew impenn pubbliku li jagħti lil kull wieħed mill-konjuġi, fl-istess jum tal-konklużjoni taż-żwieġ, numru ta’ drittijiet u obbligi speċifiċi lejn xulxin u lejn terzi, li huma l-oriġini ta’ responsabbiltà in solidum, fatt li jikkaratterizza xebh suffiċjenti bejn is-sitwazzjonijiet fir-rigward tal-benefiċċju inkwistjoni.

105. Distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli tista’ tiġi ġġustifikata oġġettivament?

106. Ta’ min ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi li l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti minnha jista’ jiġi limitat, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, ikunu jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet, u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

107. Minn dan l-artikolu jirriżulta li, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal ugwaljanza għandha, fi kwalunkwe każ, tissodisfa tliet kundizzjonijiet (30), jiġifieri li l-limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi, ikollha għan ta’ interess ġenerali u ma tkunx eċċessiva, fis-sens li għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan imfittex u li l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza, tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma għandhiex tiġi ppreġudikata.

1)      Bażi legali

108. Il-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali (31), u dan, fil-każ preżenti, ma jagħti lok għal ebda diffikultà, peress li l-kundizzjoni ta’ għoti tal-pensjoni tas-superstiti relattiva għall-fatt li l-konjuġi superstiti kien tali għal sena fil-mument tal-mewt tal-uffiċjal hija prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, dan it-test jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiddeterminaw l-aġir tagħhom b’għarfien tal-kawża (32).

2)      Għan ta’ interess ġenerali

109. Ta’ min ifakkar li, f’każ ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqa bħala ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament u li għandu jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minn din tal-eżistenza tal-kriterji msemmija (33).

110. Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti tal-Persunal, bħala tali, ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni jew indikazzjoni dwar l-għan sottostanti tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tiegħu. B’mod ġenerali, l-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, “[w]aqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal” (34).

111. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma teskludix li tali għan jista’ jiġi mislut mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha u fir-rigward tan-natura adatta u neċessarja tal-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan (35).

112. Fin-noti tagħhom u matul is-seduta, il-Kummissjoni u l-Kunsill irreferew, fuq dan il-punt, għall-ħtieġa li tiġi evitata l-frodi kkaratterizzata minn żwiġijiet ta’ konvenjenza, li jinżamm il-bilanċ tas-sistema tal-pensjonijiet, li jiġu evitati spejjeż eċċessivi għall-amministrazzjoni fl-ipproċessar tal-fajls li jmorru kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fir-rigward b’mod partikolari tal-evalwazzjoni ta’ provi fattwali, u li permezz ta’ dan tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali.

113. Dawn id-diversi aspirazzjonijiet jistgħu jitqiesu li huma għanijiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri leġittimi, irrikonoxxuti mill-Unjoni u għandhom għalhekk ikunu suġġetti għal stħarriġ tal-proporzjonalità mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif previst fl-Artikolu 52 tal-Karta.

3)      Stħarriġ tal-proporzjonalità

114. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan jeżiġi li l-miżuri jkunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (36), filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (37).

i)      In-natura xierqa

115. Għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni kontenzjuża hijiex adatta sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali identifikati preċedentement.

116. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill jindikaw li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-qasam tal-iżvilupp tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-uffiċjali tal-Unjoni, il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa (38). Ir-rikonoxximent ta’ tali setgħa jimplika n-neċessità li jiġi vverifikat jekk il-motiv magħżul għall-finijiet tat-twettiq tal-għan segwit ikunx manifestament inadegwat jew mhux raġonevoli (39).

117. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dan il-marġni diskrezzjonali ma jistax ikollu bħala effett li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jiġi mċaħħad mis-sustanza tiegħu (40), li neċessarjament japplika għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija qieset ukoll li leġiżlazzjoni setgħet titqies bħala adegwata biss sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk hija verament kienet tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (41).

118. F’dan ir-rigward, jistgħu jitqajmu dubji f’din il-kawża, jekk wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-mewt mhux mistennija, wara b’mod partikolari inċident, ta’ wieħed mill-konjuġi ta’ koppja miżżewġa għal 11-il xahar u 29 jum u li l-konjuġi superstiti tiegħu jkun ġie mċaħħad mill-pensjoni tas-superstiti filwaqt li min-naħa l-oħra s-sieħeb li jiżżewweġ uffiċjal li jkun marid serjament, li finalment imut tnax-il xahar wara l-unjoni ċivili jkun jibbenefika minn din il-pensjoni.

119. Din l-approssimazzjoni ta’ sitwazzjonijiet turi d-dgħufija ta’ dispożizzjoni li hija bbażata esklużivament fuq kriterju ratione temporis bl-applikazzjoni ta’ data limitu li tiffunzjona b’mod awtomatiku u għami.

120. Barra minn hekk, jistgħu jitqajmu dubji wkoll fir-rigward ta’ analiżi in concreto tal-għanijiet ta’ distinzjoni mressqa u b’mod partikolari tal-ewwel wieħed fosthom, dwar il-ġlieda kontra l-frodi, li miegħu t-tlieta l-oħra huma strettament marbuta, jew saħansitra riżultat tiegħu.

121. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi limitat il-kunċett ta’ “frodi” msemmi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, li jużaw l-espressjonijiet “ftehimiet fuq suċċessjoni futuri”, kunċett li jirrigwarda biss a priori lir-regoli ta’ trasferiment causa mortis jew, b’mod iktar konnotat, ta’ “żwieġ ta’ konvenjenza”. L-idea mressqa hija li jiġi prekluż it-tul ta’ żmien li fih ikun hemm ir-riskju li dan tal-aħħar isir iktar bil-għan li jittieħed vantaġġ minn benefiċċji finanzjarji milli bi “pjan ta’ ħajja flimkien”.

122. Huwa possibbli li wieħed jiddubita dwar is-sitwazzjoni konkreta kif prevista mill-Kummissjoni u mill-Kunsill. L-espressjoni “żwieġ ta’ konvenjenza” tirreferi għal dik ta’ “żwieġ falz” użata regolarment sabiex tiġi indikata unjoni fittizja, motivata biss mill-possibbiltà għal konjuġi li jikseb, permezz ta’ dan il-motiv, in-nazzjonalità mixtieqa tal-konjuġi l-ieħor. Din l-assoċjazzjoni speċifika tal-interessi ta’ żewġ individwi, mingħajr rabta affettiva reali, ma tistax tiġi applikata għall-każ li għandi quddiemi.

123. L-unika sitwazzjoni prattikament konċepibbli hija dik ta’ koppja, li kkonkludiet jew ma kkonkludietx ftehim matrimonjali, li ħadet id-deċiżjoni li tikkuntratta żwieġ wara deterjorament sinjifikattiv tal-istat tas-saħħa tas-sieħeb uffiċjal.

124. L-idea li wieħed jista’ jikkwalifika tali unjoni bħala żwieġ ta’ konvenjenza jidhirli li hija ferm dubjuża u b’xi mod mhux f’lokha, peress li tiċħad l-essenza stess taż-żwieġ. Dan huwa l-każ, f’din l-ipoteżi, ta’ żewġ persuni li ilhom f’relazzjoni ta’ koppja li jagħżlu li jsaħħu l-impenn tagħhom permezz tal-istatus maritali, u b’hekk ma jagħmlu xejn ħlief jissodisfaw l-inċentiv qawwi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li b’mod ċar jiffavorixxu l-istatus maritali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-biża’ ta’ żwieġ li ma huwiex verament motivat minn “pjan ta’ ħajja komuni” hija infondata, peress li l-ħajja komuni kienet teżisti qabel l-unjoni ċivili.

125. L-għażla tal-istatus maritali tinkludi neċessarjament u f’kull ċirkustanza dimensjoni patrimonjali, u tirriżulta minn rieda ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni massima tal-imsieħeb matul l-unjoni u fi tmiemha. Il-fatt li din l-għażla tista’ sseħħ wara informazzjoni inkwetanti fuq l-istat ta’ saħħa tas-sieħeb ma jikkaratterizza l-ebda frodi iżda jikkonferma s-saħħa ta’ rabta li tgħaqqad żewġ persuni li ser jagħmlu impenn li d-data ta’ skadenza tiegħu qatt ma tista’ tkun magħrufa minn qabel b’ċertezza, irrispettivament mill-gravità tal-marda li taffettwa lis-sieħeb li sar konjuġi. Fl-opinjoni tiegħi, hemmhekk ma hemm ebda użu ħażin taż-żwieġ kif allegat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

126. Barra minn hekk, “l-effett tardiv” li jikkostitwixxi b’xi mod ir-rekwiżit ta’ tul ta’ żwieġ ta’ sena għall-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti huwa radikalment inkompatibbli man-natura legali taż-żwieġ li tipproduċi l-effetti tagħha fl-istess ħin li jsir l-impenn. Il-Kummissjoni u l-Kunsill enfasizzaw b’mod ċar li d-differenza fit-trattament magħmula mir-Regolamenti tal-Persunal bejn il-persuni miżżewġin u l-konkubini hi bbażata fuq “differenza fis-sitwazzjoni tal-familja li tirriżulta minn għażla deliberata ta’ persuni kkonċernati”, peress li l-istatus maritali bl-obbligi legali u finanzjarji tiegħu fuq il-konjuġi huwa neċessarjament distint minn sempliċi unjoni libera fir-rigward tal-għan tal-pensjoni tas-superstiti.

127. Għandu jiġi kkonstatat li l-appellant u N għamlu l-għażla ta’ dan l-istatus maritali fid-9 ta’ Mejju 2014 u ġġeneraw instantanjament il-kuntest legali invokat minn dawn l-istituzzjonijiet bħala element ta’ differenzjazzjoni oġġettiva. Li kieku ma kienx hemm f’dan it-tip ta’ kawża realtà umana ta’ diqa, kif turi b’mod ċar is-sitwazzjoni tal-appellant, wieħed jista’ jitħajjar jikkonċentra fuq l-ironija ta’ sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni u l-Kunsill jinħbew wara l-kunċett ta’ “żwieġ ta’ konvenjenza” sabiex jiċħdu t-talba għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti wara li jkunu oġġezzjonaw lill-appellant in-nuqqas tiegħu li jagħżel l-istatus maritali fil-kuntest tat-test ta’ paragunabbiltà fid-dawl tal-għan tal-imsemmija pensjoni.

128. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura inkwistjoni jidhirli li hija manifestament mhux xierqa għall-finijiet tat-twettiq ta’ għan ibbażat fuq il-ġlieda kontra l-frodi, u l-istess konklużjoni hija meħtieġa għall-motivi l-oħra li huma biss il-korollarji tagħha.

129. Anki jekk jitqies li r-raġuni ta’ leġittimità bbażata fuq is-salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni distinta, għandu jiġi kkonstatat li r-riskju ta’ preġudizzju għal tali bilanċ fl-assenza tad-differenza fit-trattament implikata bl-ebda mod ma ġie stabbilit u lanqas spjegat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, purament finanzjarji, ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu li jista’ jiġġustifika deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni (42).

ii)    In-neċessità

130. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis bħala manifestament xierqa l-kundizzjoni ta’ sena ta’ żwieġ, ikun xieraq li wieħed jistaqsi jekk dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Miżura hija meħtieġa meta l-għan leġittimu segwit ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura daqstant xierqa iżda inqas restrittiva (43). F’dan il-każ għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux soluzzjonijiet inqas radikali sabiex jiġu evitati riskji ta’ frodi, sabiex jiġi ppreżervat, b’dan il-mod, il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet, jiġu evitati spejjeż eċċessivi lill-amministrazzjoni fl-ipproċessar tal-fajls li jmorru kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tiġi ggarantita, b’dan l-istess mod, l-ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali.

131. Għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, is-soluzzjoni adottata hija minn tal-inqas radikali, peress li kull mewt ta’ uffiċjal li sseħħ fit-tnax‑il xahar ta’ wara ż-żwieġ tiġi assimilata ma’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ frodi u għandha tippriva lill-konjuġi li jibqa’ ħaj mill-pensjoni tas-superstiti.

132. L-inqas vinkolanti għall-persuni kkonċernati huwa li jingħataw il-possibbiltà li jipprovaw li ma kienx hemm żwieġ ta’ konvenjenza billi jipprovdu d-dokumenti li juru r-realtà ta’ ħajja komuni preċedenti li t-tul tagħha jippermetti li jilħqu l-limitu fatidiku ta’ tnax-il xahar. Għandu jiġi enfasizzat li tali soluzzjoni bl-ebda mod ma tmur kontra l-approċċ adottat fid-determinazzjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet imwieżna ta’ koppji legali, minn naħa, u koppji de facto, min-naħa l-oħra, sa fejn hija ma tikkontestax ir-rabta bejn iż-żwieġ u l-pensjoni tas-superstiti.

133. Dan l-approċċ inqas restrittiv xorta waħda ma huwiex adattat.

134. Fir-rigward tal-għan li jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv, għandu jiġi rrilevat li din l-allegazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill bl-ebda mod ma hija sostnuta minn ċifri rilevanti. Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Kunsill isemmi servizz pubbliku Ewropew li jinkludi iktar minn 58 000 uffiċjal u aġent u iktar minn 20 000 benefiċjarju tal-iskema ta’ pensjoni. Din id-data hija manifestament insuffiċjenti fir-rigward tal-kwistjoni mqajma minn din il-kawża li tirrigwarda biss iż-żwiġijiet ta’ tul ta’ inqas minn sena li wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li jirrappreżentaw biss volum żgħir ta’ fajls li għandhom jiġu pproċessati, filwaqt li għandu jiġi osservat li l-proċedura li għandi quddiemi hija, sa fejn naf jien, l-ewwel waħda relatata ma’ din il-problema speċifika.

135. Barra minn hekk, ma hijiex kwistjoni li titlob lill-amministrazzjoni twettaq kwalunkwe investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-koppja kkonċernata bl-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet legali relatati mal-istat ċivili tal-persuni kkonċernati, peress li l-unika verifika li tista’ ssir tirrigwarda t-tul ta’ ħajja komuni preċedenti għaż-żwieġ, ipprovata faċilment f’każ ta’ sħubija mhux maritali rreġistrata, u toħloq ftit diffikultà fl-ipoteżi ta’ konkubinaġġ kif turi din il-kawża. Din l-evalwazzjoni ta’ natura purament materjali ma hijiex ta’ natura li twassal għal trattament mhux ugwali tal-uffiċjali.

136. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm il-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal ipproċeda b’mod ċar permezz tal-kategorizzazzjoni, huwa ma eskludiex l-evalwazzjoni individwali in concreto kif jixhed l-Artikolu 1(2)(d) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedi li uffiċjal li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-benefiċċju tal-familja jista’, fuq “deċiżjoni raġunata speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra bbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ”, jibbenefika minnu meta madankollu jassumi effettivament spejjeż tal-familja.

137. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-istima msemmija iktar ’il fuq ta’ kwantità iktar milli raġonevoli ta’ fajls li jirrigwardaw iż-żwiġijiet ta’ tul ta’ inqas minn sena, is-soluzzjoni inqas restrittiva proposta bl-ebda mod ma jidhirli li hija ta’ natura li tippreġudika l-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ pensjonijiet li dwaru l-Kummissjoni u l-Kunsill ma pprovdew ebda informazzjoni preċiża, għajr l-eżistenza ta’ numru ferm ogħla ta’ kontributuri minn dak ta’ benefiċjarji.

138. Għandu jitfakkar li l-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirregola l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal li miet waqt is-servizz. Ma huwiex irraġonevoli li wieħed jaħseb li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati huma fil-parti l-kbira dawk, kif juri l-eżempju tal-appellant, li fihom il-mewt tal-uffiċjal isseħħ wara diversi snin ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali, u għalhekk ta’ kontribuzzjonijiet għas-sistema tal-pensjoni, li ma humiex ser jagħtu lok għall-ħlas ta’ pensjoni tal-irtirar. L-għoti, f’din l-ipoteżi, lill-konjuġi superstiti li jkun wera l-eżistenza ta’ ħajja komuni preċedenti għaż-żwieġ twila biżżejjed li tippermetti li jintlaħqu t-tnax‑il xahar meħtieġa ta’ pensjoni tas-superstiti ugwali għal 60 % tal-pensjoni tal-irtirar li l-konjuġi uffiċjal kien jieħu ma huwiex, a priori, ta’ natura li jhedded il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet.

139. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tul minimu meħtieġ ta’ tnax-il xahar ta’ żwieġ huwa kejl li, anki meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u l-ħtiġijiet prattiċi fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-pensjoni, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal.

iii) Ksur eċċessiv tad-drittijiet tal-uffiċjali

140. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-limitu minimu meħtieġ ta’ tnax‑il xahar żwieġ jikkostitwixxi miżura xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, ikun jonqos li tiġi evalwata l-proporzjonalità tagħha stricto sensu. Bħala tali, anki jekk tkun xierqa u neċessarja biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu, miżura ma għandhiex tikkawża inkonvenjenzi li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa. Fi kliem ieħor, għandu jiġi żgurat li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni ma timplikax preġudizzju eċċessiv għall-pretensjonijiet leġittimi tal-ħaddiema (44). Finalment, hija kwistjoni li jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi opposti tal-uffiċjali u tal-konjuġi superstiti tagħhom, bħall-appellant, u dawk tal-Unjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tas-sistema tal-pensjoni.

141. Huwa ċertament paċifiku li kull benefiċċju addizzjonali mħallas skont l-imsemmija sistema iżid l-ammont globali tal-ispejjeż u b’hekk il-piż ta’ dik is-sistema fil-baġit tal-Unjoni. Madankollu, din l-asserzjoni għandha tiġi kkwalifikata serjament mill-osservazzjonijiet ifformulati f’dawn il-konklużjonijiet rigward l-iskop tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal li jmut matul is-servizz u għalhekk mingħajr ma jitħallas pensjoni tal-irtirar li għaliha dan tal-aħħar ikun regolarment ħallas kontribuzzjonijiet.

142. Il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ żwieġ ta’ sena għandha bħala konsegwenza l-esklużjoni awtomatika ta’ grupp sħiħ ta’ konjuġi superstiti mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk dawn setgħu għexu għal diversi deċennji mal-uffiċjal mejjet, kif juri l-eżempju tal-appellant, sinonimu ta’ parteċipazzjoni, indiretta iżda effettiva, fl-isforz kontributorju għas-sistema ta’ pensjoni. Dan il-ksur daqstant serju tal-interessi ta’ grupp sħiħ huwa għalkollox sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex mil-limitu minimu ta’ żwieġ, li suppost huwa prinċipalment il-prevenzjoni ta’ aġir abbużiv minn membri individwali fir-rigward tal-benefiċċji soċjali, li hija sitwazzjoni evidentement marġinali.

143. Għalhekk hemm preġudizzju eċċessiv għall-interessi leġittimi tal-uffiċjali u tal-konjuġi superstiti tagħhom li jwasslu għall-konklużjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

144. Peress li, fil-fehma tiegħi, il-limitazzjoni kkonċernata la hija neċessarja u lanqas proporzjonali għall-għanijiet imfittxija, ma hemmx lok li wieħed jistaqsi jekk il-“kontenut essenzjali”, jiġifieri s-sustanza, tad-dritt inkwistjoni huwiex milħuq.

145. Minn dan isegwi li l-kundizzjoni dwar il-fatt li l-konjuġi superstiti kien tali għal sena fil-mument tal-mewt tal-uffiċjal, li għaliha l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti, għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli f’dan il-każ.

146. Peress li l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fondat fis-sens indikat iktar ’il fuq, hemm lok li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata.

147. Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.      Fuq it-talba għal kumpens

148. Skont il-ġurisprudenza, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni jippreżumi li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat, bil-prova tal-issodisfar ta’ dawn il-kundizzjonijiet taqa’ fuq l-appellant (45).

149. F’dan il-każ, l-appellant jitlob l-allokazzjoni ta’ somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa sofra wara d-deċiżjoni illegali, bħala li hija diskriminatorja, peress li tirrifjutalu l-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti f’kuntest ta’ diqa kbira. L-appellant iressaq għalhekk l-istess illegalità sabiex jiġġustifika t-talba tiegħu għad-danni bħal dik imressqa sabiex jiġġustifika t-talba tiegħu għal annullament.

150. Sa fejn ġiet konkluża n-natura fondata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, huwa propost li tintlaqa’ t-talba għad-danni billi jiġi ddikjarat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkostitwixxi kumpens adegwat għal kull dannu morali li l-appellant seta’ ġarrab f’dan il-każ.

VI.    Spejjeż

151. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

152. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

153. F’dan il-każ, l-appellant talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tressqet il-kawża, li tilqa’ t-talbiet tiegħu mressqa fl-ewwel istanza, inkluża l-kundanna għall-ispejjeż tal-konvenuta, f’dan il-każ il-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa ma talabx li l-Kunsill jew il-Kummissjoni jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż sostnuti minnu fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

154. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha relatati maż-żewġ istanzi, dawk sostnuti mill-appellant u relatati, skont it-talbiet tiegħu, mal-proċedura tal-ewwel istanza, filwaqt li l-appellant għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura tal-appell. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż kollha tiegħu.

VII. Konklużjoni

155. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Mejju 2018, HK vs Il-Kummissjoni, (T‑574/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:252);

2)      tiddikjara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea mhux validu, sa fejn jipprovdi li l-konjuġi superstiti għandu jkun ilu miżżewweġ għal minn tal-inqas sena sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti, bi ksur tal-ugwaljanza tad-drittijiet stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

3)      tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta li tagħti lill-appellant il-pensjoni tas-superstiti;

4)      tikkundanna lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta maż-żewġ istanzi, dawk sostnuti mill-appellant u relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, filwaqt li l-appellant għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura tal-appell, u tgħid li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż kollha tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 1962, 45, p. 1385.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130.


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137).


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il-Kummissjoni (C‑100/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:382, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il-Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 24).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 45), u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Planet vs Il-Kummissjoni (C‑314/11 P, EU:C:2012:823, punt 63).


8      Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 30).


9      L-ilment ibbażat fuq in-natura “arbitrarja u inadegwata” huwa r-riproduzzjoni parzjali tal-punt 72 tas-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni (C‑485/08 P, EU:C:2010:188), imsemmi fil-punt 19 tar-rikors, li jagħti risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-eżami ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din l-analiżi tal-argument tal-appellant hija kondiviża mill-Kunsill (punt 6 tan-nota ta’ intervent) u l-Kummissjoni (punt 2 tal-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2008, Wood (C‑164/07, EU:C:2008:321, punt 13), u tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48).


11      Fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod espliċitu li l-kunċett ta’ “konjuġi” ikopri “esklużivament” relazzjoni bbażata fuq iż-żwieġ ċivili fis-sens tradizzjonali tat-terminu.


12      L-Artikolu 1(2)(c) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi wkoll li ebda wieħed mill-imsieħba ma għandu jkun miżżewweġ u lanqas ikun f’relazzjoni oħra mhux maritali u li l-imsieħba ma għandhomx ikunu jiġu minn xulxin b’ċerti rabtiet ta’ parentela.


13      Din l-osservazzjoni hija indipendenti minn kwalunkwe identità possibbli fir-rigward tar-riżultat tat-test ta’ paragunabbiltà wara l-inklużjoni ta’ din it-tieni kategorija ta’ persuni.


14      Minbarra n-natura intrinsikament espliċita tal-ilment dwar in-natura “arbitrarja u inadegwata” tal-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ sena taż-żwieġ, l-appellant żviluppa, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, argument kritiku tal-għan ta’ differenzjar fil-punti 14 sa 16 tal-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent tal-Kunsill.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128); tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni (C‑359/01 P, EU:C:2004:255, punt 47); u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244).


16      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C-583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29), u d-digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, EMC Development vs Il-Kummissjoni (C-367/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:203, punt 46).


17      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament (293/87, EU:C:1989:8, punt 8).


18      Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki (T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71), u tal-4 ta’ Lulju 2014, Kimman vs Il‑Kummissjoni (T‑644/11 P, EU:T:2014:613, punt 43).


19      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2014, Kimman vs Il-Kummissjoni (T‑644/11 P, EU:T:2014:613, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki (T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli (T‑787/14 P, EU:T:2016:633).


22      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 39). Għandu jingħad ukoll li r-riferiment li għamel l-appellant għad-Direttiva 2000/78, li hija l-espressjoni, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa irrilevanti fil-każ preżenti, peress li dan huwa kontenzjuż li jirrigwarda l-legalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.


23      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, EU:C:2011:100, punt 29).


24      Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers-Jørgensen vs Il-Kummissjoni (F‑74/08, EU:F:2009:142, punt 53), u tal-1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament (F‑45/07, EU:F:2010:72, punt 88).


25      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2014, Forget vs Il-Kummissjoni (F‑153/12, EU:F:2014:61, punt 29).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen (T‑58/08 P, EU:T:2009:385, punt 75).


27      L-Artikolu 515‑8 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż jipprovdi li l-konkubinaġġ huwa unjoni de facto, ikkaratterizzata minn ħajja komuni stabbli u kontinwa, bejn żewġ persuni, ta’ sess differenti jew tal-istess sess, li jgħixu bħala koppja.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Isvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C-125/99 P, EU:C:2001:304, punt 49).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C-147/08, EU:C:2011:286, punt 42).


30      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 56 sa 72).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 91), u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 35).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C-465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 77); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255, punti 93 sa 100); u tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:401, punt 43).


33      Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47), u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 78).


34      Huwa possibbli li tiġi ċċitata l-premessa 31 tar-Regolament Nru 723/2004 li skont it-termini mill-inqas evażivi tagħha, “[i]l-kondizzjonijiet fil-bażi tad-diposizzjonijiet kurrenti tal-pensjonijiet ta’ invalidità u pensjonijiet ta’ l-għajxien, inbidlu minn meta kienu adottati l-ewwel darba u għalhekk għandhom iku[n]u aġġornati u ssimplifikati”. Filwaqt li ntenni din il-premessa, nirrileva li l-premessa 7 tipprovdi li “[i]l-konformità għandha titħares mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kif miġbura fit-Trattat tal-KE, li b’hekk jeħtieġ aktar żvilupp tal-politika tal-persunal tal-politika tal-persunal li tiżgura opportunitajiet indaqs għal kulħadd, ikunu xi jkunu s-sess, il-kapaċità fisika, iż-żmien, l-identità razzjali jew etnika, l-orjentazzjoni sesswali, u l-istat maritali”, kunsiderazzjonijiet ippreċiżati mill-premessa 8 skont liema “[l]-uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli, li m’għandhomx aċċess legali għaż-żwieġ għandhom jigħataw l-istess medda ta’ benefiċċji bħall-koppji miżżewġa”.


35      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C-411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57); tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, EU:C:2010:4, punt 49); u tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-286/12, EU:C:2012:687, punt 58).


36      Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 15); tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-84/94, EU:C:1996:431, punt 57); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punt 122); tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 46); kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 67).


37      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder Hs Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21); tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, EU:C:2001:420, punt 81); kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C-379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 91).


38      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni (T‑135/05, EU:T:2006:366, punt 72). Barra minn hekk, meta interpretat l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 fl-okkażjoni ta’ rinviji preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-mezzi li jistgħu jilħqu l-għanijiet tal-politika soċjali tagħhom.


39      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 58), u tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni (C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 72). F’kuntest fattwali simili li jirrigwarda diskriminazzjoni b’rabta mal-ħlas ta’ benefiċċju soċjali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċertament irrilevat, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2002, Willis vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2002:0611JUD003604297), li l-Istati kontraenti jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk u sa fejn differenzi bejn sitwazzjonijiet f’aspetti oħra analogi jiġġustifikawx distinzjonijiet ta’ trattament, iżda hija vverifikat sewwa jekk, fil-każ sottomess, id-differenza fit-trattament kinitx nieqsa minn “ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli” jiġifieri jekk hija kellhiex “skop leġittimu” jew jekk kienx hemm “relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imsemmi”.


40      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C-388/07, EU:C:2009:128, punt 51).


41      Ara, ukoll, fir-rigward tar-rekwiżit tal-koerenza, is-sentenzi ta’ prinċipju tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, EU:C:2009:141, punt 55), u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C-293/14, EU:C:2015:843, punt 65). Ara, speċjalment f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/78, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, EU:C:2010:4, punt 53), u tas-26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 67).


42      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑41/12, EU:C:2014:2005, punt 77), u tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 41); ara, fl-istess sens, f’dak li jirrigwarda l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1998, Hill u Stapleton (C‑243/95, EU:C:1998:298, punt 40); tas-6 ta’ April 2000, Jørgensen (C‑226/98, EU:C:2000:191, punt 39); tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 85); u tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 74).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 69).


44      Ara, f’dan is-sens, rigward kawża ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 73), u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 47); ara, barra minn hekk, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 123), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik il-kawża (EU:C:2015:170, punt 131) u fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 117), li t-tnejn li huma jirrigwardaw id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


45      Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42), u tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q (T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 42).