Language of document : ECLI:EU:C:2018:983

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawżi magħquda C473/17 u C546/17

Repsol Butano SA (C-473/17)

DISA Gas SAU (C-546/17)

vs

Administración del Estado

partijiet magħquda:

Redexis Gas SL,

Repsol Butano SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Enerġija — Suq intern tal-gass naturali— Direttiva 2009/73/KE — Sentenza tal-20 ta’ April 2010, fil-Kawża Federutility et (C-265/08, EU:C:2010:205) — Miżura tal-Istat Membru li tiffissa prezz massimu tal-bejgħ ta’ ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat ‘LPG’ — Distribuzzjoni fid-djar obbligatorja — Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali — Il-prinċipju ta’ proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        F’dawn il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti gwida dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti miżuri ta’ Stati Membri li jirregolaw il-prezzijiet fis-settur tal-enerġija mad-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (2), kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari fis-sentenza storika tagħha Federutility et (3).

2.        Fis-sentenza fil-Kawża Federutility u fil-ġurisprudenza sussegwenti (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Federutility”) (4), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet qafas li bih il-qorti nazzjonali rilevanti tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ intervent Statali fil-prezzijiet fis-settur tal-gass naturali, u tat xi gwida dwar il-kriterji li fuqhom dik l-evalwazzjoni kellha tkun ibbażata (5).

3.        Id-domandi mqajma f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri ta’ Stat Membru li jiffissaw il-prezz massimu tal-bejgħ u li jitolbu distribuzzjoni fid-djar ta’ ċerti tipi ta’ ċilindri ta’ gass petroleum likwifikat ibbottiljat (iktar ’il quddiem “LPG”).

4.        L-LPG huwa prodott derivat minn proċessi tal-petroleum li huwa magħmul minn sustanzi minbarra gass naturali (tipikament il-propan u l-butan, kif ukoll minn kwantitajiet żgħar ta’ gassijiet oħra), u ġeneralment jinħażen f’forma likwida f’ċilindri u f’tankijiet (6). Meta jintuża l-LPG jinħareġ bil-mod mill-kontenitur permezz ta’ valv, u dak il-waqt jinbidel f’gass u b’hekk iservi bħala karburant li jista’ jintuża għat-tisjir, it-tisħin u l-ġenerazzjoni tal-enerġija (7). LPG ibbottiljat jindika LPG li l-provvista tiegħu ssir f’kontenitur jew f’ċilindru bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (8).

5.        Dawn il-kawżi, għalhekk, jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ewwel okkażjoni biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għas-settur tal-LPG.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 jgħid:

“Ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva għall-gass naturali, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), għandhom japplikaw ukoll b’mod mhux diskriminatorju għall-biogass u gass minn biomassi jew tipi oħrajn ta’ gass sa fejn dawn il-gassijiet jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati fi, u trasportati mis-sistema tal-gass naturali.”

B.      Id-dritt Spanjol

7.        Skont l-Artikolu 1(3) tal-Ley 34/1998, de 7 de octubre, del sector de hidrocarburos (il-Liġi 34/1998 tas-7 ta’ Ottubru dwar is-Settur tal-Idrokarburi, kif emendata, iktar ’il quddiem il-“Liġi 34/1998”) (9):

“L-attivitajiet għall-provvista ta’ idrokarburi likwidi u gassużi għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mal-prinċipji ta’ oġġettività, trasparenza u kompetizzjoni ħielsa.”

8.        L-Artikolu 37(1) tal-Liġi 34/1998 jipprovdi fil-parti rilevanti:

“L-attivitajiet ta’ rfinar ta’ żejt, trasport, ħżin, tqassim u bejgħ ta’ prodotti tal-petroleum, inkluż gass tal-petroleum likwifikat, għandhom isiru b’mod ħieles skont il-kundizzjonijiet ipprovduti f’din il-liġi. […]”

9.        L-Artikolu 38 tal-Liġi 34/1998 jgħid ulterjorment:

“Il-prezzijiet tal-prodotti mill-petroleum għandhom ikunu ffissati b’mod ħieles”.

10.      Madankollu, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 34/1998 tippermetti lill-Gvern Spanjol jistabbilixxi prezz massimu tal-bejgħ għall-pubbliku ta’ LPG ibbottiljat “sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti”. Din id-dispożizzjoni tindika li l-prezz massimu tal-bejgħ jinkludi l-ispejjeż għal distribuzzjoni fid-djar.

11.      L-Artikolu 5 tar-Real Decreto-ley 15/1999, de 1 octubre, pour el que se aprueban medidas de liberalización, reforma estructural e incremento de la competencia en el sector de hidrocarburos (id-Digriet-Liġi Rjali 15/1999 tal-1 ta’ Ottubru li jadotta miżuri ta’ liberalizzazzjoni, riforma strutturali u żieda fil-kompetizzjoni fis-settur tal-idrokarburi, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Rjali 15/1999”) (10) stabbilixxa sistema biex ikun iffissat il-prezz massimu tal-bejgħ ta’ LPG ibbottiljat b’kontenut ta’ 8 kilogrammi jew iktar “sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti”.

12.      Ir-Real Decreto-ley 8/2014, de 4 de julio, de aprobación de medidas urgentes para el crecimiento, la competividad y la eficiencia (id-Digriet-Liġi Rjali 8/2014 tal-4 ta’ Lulju li jadotta miżuri urġenti għat-tkabbir, kompetittività u effiċjenza, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Rjali 8/2014”) (11) ħassar ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 34/1998 u l-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Rjali 15/1999 (12), u daħħal it-tlieta u tletin dispożizzjoni addizzjonali fil-Liġi 34/1998 (13).

13.      It-tlieta u tletin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 34/1998 tipprovdi:

“1.      Utenti li jkollhom kuntratt għall-provvista ta’ gass tal-petroljum likwifikat ibbottiljat f’kontenituri b’piż ugwali għal jew iktar minn 8 kilogrammi u inqas minn 20 kilogramma, ħlief għal kontenituri użati għal taħlitiet tal-gass tal-petroleum likwifikat użati bħala karburant, ikollhom id-dritt għal distribuzzjoni fi djarhom.

Fuq il-livell peninsulari u f’kull wieħed mit-territorji insulari u extrapeninsulari l-operatur bl-ingrossa ta’ LPG bl-ikbar sehem tas-suq għall-bejgħ tiegħu fis-settur tal-gass tal-petroleum likwifikat, f’ċilindri b’piż ugwali għal jew iktar minn 8 kilogrammi u inqas minn 20 kilogramma, ħlief għal kontenituri użati għal taħlitiet tal-gass tal-petroleum likwifikat użati bħala karburant, ikun obbligat jagħmel distribuzzjoni fid-djar lil kull min jitlobha skont il-portata territorjali korrispondenti.

2      Il-lista ta’ operaturi bl-ingrossa ta’ LPG bl-istess obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar għandha tiġi stabbilita permezz ta’ riżoluzzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Politika tal-Enerġija u tal-Minjieri kull tliet snin. Din ir-riżoluzzjoni tiġi ppubblikata fil-“Gazzetta Uffiċjali tal-Istat [BOE]”.

Meta l-evoluzzjoni tas-suq u l-istruttura tan-negozju tas-settur ikunu jeħtiġuha u, f’kull każ, kull ħames snin, il-Gvern jirrevedi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-obbligu impost f’din id-dispożizzjoni jew jaqbel li jneħħihom.

3.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 ta’ din il-liġi, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti, il-Ministru għall-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu, wara qbil mal-Kummissjoni Delegata tal-Gvern għall-Affarijiet Ekonomiċi, għandu jiffissa l-prezzijiet massimi għall-bejgħ bl-imnut tal-gass tal-petroleum likwifikat għal kontenituri b’piż ugwali għal jew iktar minn 8 kilogrammi u inqas minn 20 kilogramma, li l-piż tara tagħhom ikun iktar minn 9 kilogrammi, bl-eċċezzjoni ta’ kontenituri użati għal taħlitiet ta’ gass tal-petroleum likwifikat użati bħala karburant, billi jistabbilixxi valuri speċifiċi tal-imsemmija prezzijiet jew sistema li tiffissahom u awtomatikament taġġornahom. Il-prezz massimu jkun jinkludi l-ispiża għal distribuzzjoni fid-djar.

4.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, f’każ li l-operatur bl-ingrossa ta’ LPG b’obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar ma jkollux kontenituri b’piż ugwali għal jew iktar minn 8 kilogrammi u inqas minn 20 kilogramma, li piż tara tagħhom ikun iktar minn 9 kilogrammi, l-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar għall-prezz massimu msemmi fil-paragrafu 3 ikun jestendi fil-każ ta’ dak l-operatur għal kontenituri ta’ piż tara ta’ inqas minn 9 kilogrammi, fiż-żona territorjali korrispondenti.

5.      Operaturi bl-ingrossa ta’ LPG għandhom jagħtu lid-Direttorat Ġenerali tal-Politika tal-Enerġija u tal-Minjieri l-informazzjoni meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom, speċjalment għall-finijiet tal-applikazzjoni, l-analiżi u l-monitoraġġ, tal-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar, tal-provvisti magħmula ta’ gass tal-petroleum likwifikat u tal-prezzijiet massimi għall-pubbliku msemmija fil-paragrafi preċedenti.”

14.      L-Artikolu 58 tad-Digriet-Liġi Rjali 8/2014 stabbilixxa l-lista ta’ operaturi bl-ingrossa suġġetti għall-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar ta’ LPG ibbottiljat għal kull territorju kif ġej: Repsol Butano S.A. għall-Peniżola u l-Gżejjer Baleariċi, DISA Gas S.A. għall-Gżejjer Kanarji u Atlas S.A. Combustibles y Lubrificantes għal Ceuta u Melilla. Din il-lista nżammet għall-perjodu ta’ tliet snin li ġejjin (2017–2020) fir-Resolución de 28 de junio de 2017, de la Dirección General de Política Energética y Minas, por la que se establece el listado de operadores al por mayor de gases licuados del petróleo con obligación de suministro domiciliario (ir-Riżoluzzjoni tat-28 ta’ Ġunju 2017 tad-Direttur Ġenerali tal-Politika tal-Enerġija u tal-Minjieri) (14).

15.      Wara li kienu saru l-modifiki msemmija iktar ’il fuq għal-Liġi 34/1998 introdotti permezz tad-Digriet-Liġi Rjali 8/2014, ġie adottat Orden IET/389/2015, de 5 de marzo, por la que se actualiza el sistema de determinación automática de precios máximos de venta, antes de impuestos, de los gases licuados del petróleo envasados y se modifica el sistema de determinación automática de las tarifas de venta, antes de impuestos, de los gases licuados del petróleo por canalización (id-Digriet IET/389/2015 tal-5 ta’ Marzu li jaġġorna s-sistema li tiffissa awtomatikament il-prezz massimu tal-bejgħ, qabel it-taxxa, ta’ gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat, u li jemenda s-sistema li tiffissa awtomatikament it-tariffi tal-bejgħ, qabel it-taxxa, ta’ gass tal-petroleum likwifikat permezz ta’ pajpijiet, iktar ’il quddiem id-“Digriet IET/389/2015”) (15).

16.      Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet IET/389/2015, l-għan ta’ dak id-digriet kien li tkun aġġornata s-sistema għall-iffissar tal-prezz massimu tal-bejgħ ta’ LPG ibbottiljat. L-Artikolu 3 ta’ dak id-digriet jistabbilixxi l-formula biex ikunu ffissati tali prezzijiet, u jipprovdi, fil-paragrafu 5, li dawn il-prezzijiet għandhom ikunu rriveduti kull xahrejn.

III. Il-fatti, il-kawżi prinċipali u d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

17.      Repsol Butano S.A. (iktar ’il quddiem “Repsol Butano”) u DISA Gas S.A.U. (iktar ’il quddiem “DISA Gas”) huma kumpanniji Spanjoli involuti fin-negozju tal-LPG.

18.      Repsol Butano u DISA Gas fetħu kawżi separati kontra l-Istat Spanjol quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), fejn talbu l-annullament tad-Digriet IET/389/2015 (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”) li jaġġorna s-sistema għall-iffissar tal-prezz massimu tal-bejgħ ta’ LPG ibbottiljat (ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

19.      Skont id-digriet tar-rinviju d-digriet ikkontestat huwa bbażat fuq it-tlieta u tletin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 34/1998, kif imdaħħla bid-Digriet-Liġi Rjali 8/2014. Dik il-leġiżlazzjoni tipprovdi għal miżuri li jiffissaw il-prezz massimu tal-bejgħ, inklużi l-ispiża għal distribuzzjoni fid-djar, għal ċilindri ta’ LPG ibbottiljat ta’ bejn 8 u 20 kilogramma, ta’ piż tara ta’ iktar minn 9 kilogrammi, u titlob li l-operatur bl-ingrossa bl-ikbar sehem tas-suq f’territorju partikolari jwassal dawk iċ-ċilindri fid-djar ta’ konsumaturi meta jintalab “sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti”. Madankollu, meta l-operatur bl-ingrossa f’territorju partikolari ma jkollux ċilindri ta’ piż tara ta’ iktar minn 9 kilogrammi, l-obbligu b’rabta ma’ distribuzzjoni fid-djar għal prezz massimu jkun jestendi għal ċilindri ta’ piż tara ta’ inqas minn 9 kilogrammi (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

20.      Skont dik il-leġiżlazzjoni Repsol Butano hija indikata bħala l-operatur suġġett għal obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar fit-territorji tal-Peniżola Iberika u l-Gżejjer Baleariċi, bħalma hija DISA Gas għat-territorju tal-Gżejjer Kanarji (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

21.      Biex isostnu t-talbiet tagħhom Repsol Butano u DISA Gas jissottomettu li s-sentenza Federutility li interpretat id-Direttiva 2003/55/KE rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (16) għandha tiġi applikata b’analoġija, u li hemm kunflitt ċar bejn il-leġiżlazzjoni Spanjola u d-dritt tal-Unjoni, li b’riżultat ta’ dan dik il-leġiżlazzjoni ma għandhiex tkun applikata u d-digriet ikkontestat għandu jiġi annullat.

22.      L-Istat Spanjol jargumenta li d-Direttiva 2009/73, li ssostitwiet id-Direttiva 2003/55, u s-sentenza Federutility ma japplikawx għal LPG ibbottiljat, u anki jekk id-Direttiva 2009/73 tiġi applikata b’analoġija, id-digriet ikkontestat ikun iġġustifikat għar-raġunijiet li s-suq mhuwiex kompetittiv b’mod suffiċjenti.

23.      Konsegwentement il-qorti tar-rinviju għandha dubju, l-ewwel u qabel kollox, jekk minkejja l-fatt li s-sentenza Federutility kienet dwar l-interpretazzjoni ta’ direttiva relatata ma’ gass naturali, dik is-sentenza hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali li tirrigwarda LPG ibbottiljat.

24.      Dwar dan il-qorti tar-rinviju indikat fid-digriet tar-rinviju li fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012 (17), hija kienet annullat id-Digriet ITC/2608/2009 (18), li l-kontenut tiegħu jista’ jitqabbel ma’ dak tad-digriet ikkontestat, mingħajr ma ressqet talba għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dik is-sentenza l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li għalkemm is-sentenza Federutility tirrigwarda direttiva li tittratta s-suq tal-gass naturali, dik is-sentenza tat biżżejjed linji gwida interpretattivi għal applikazzjoni ta’ regolamentazzjoni pubblika ta’ setturi relatati, bħal-LPG, meta s-suq konċernat (f’dan il-każ, is-suq Spanjol kollu) ikollu “dimensjoni Komunitarja”, u minkejja l-fatt li ma kienx hemm direttiva applikabbli speċifikament għal-LPG.

25.      Billi fehmet li s-sentenza Federutility hija applikabbli għas-settur tal-LPG ibbottiljat, il-qorti tar-rinviju mbagħad tindika li mhijiex ċerta jekk il-miżuri li jiffissaw il-prezz massimu tal-bejgħ u li jitolbu distribuzzjoni fid-djar għal ċerti tipi ta’ ċilindri ta’ LPG ibbottiljat humiex konformi mal-kriterji stabbiliti fl-imsemmija sentenza, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma hemmx dubju li dawk il-miżuri jikkwalifikaw bħala dawk meħuda għall-protezzjoni ta’ utenti soċjalment vulnerabbli u ta’ dawk li jgħixu f’żoni mbiegħda li jissodisfaw l-interess ekonomiku ġenerali ta’ żamma ta’ prezzijiet għall-provvista ta’ LPG ibbottiljat għal konsumaturi finali f’livell raġonevoli.

27.      Madankollu l-qorti tar-rinviju tqis li jinqalgħu inċertezzi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawk il-miżuri mad-dritt tal-Unjoni minħabba tliet ċirkustanzi. L-ewwel, huma miżuri ġenerali li japplikaw għall-konsumaturi kollha, tkun xi tkun is-sitwazzjoni ekonomika jew soċjali tagħhom. It-tieni, dawn ilhom hemm għal iktar minn 18-il sena mill-adozzjoni tal-Liġi 34/1998, minkejja li kienu bbażati fuq dispożizzjoni espliċitament temporanja. It-tielet, huma għandhom effetti potenzjali fuq il-kompetizzjoni fis-suq, peress li jistgħu jikkostitwixxu ostakolu effettiv għad-dħul ta’ operaturi ġodda u jikkontribwixxu għall-iffriżar tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni limitata.

28.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), fil-Kawża C‑473/17, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.      Miżura li tistabbilixxi prezz massimu għaċ-ċilindri tal-gass likwifikat ibbottiljat, bħala miżura ta’ protezzjoni tal-utenti li huma soċjalment vulnerabbli, hija kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Federutility jew tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-każ fejn ikun hemm, alternattivament jew simultanjament, iċ-ċirkustanzi li ġejjin?

—      [i]l-miżura tiġi adottata b’mod ġenerali għall-konsumaturi kollha u għal perijodu indefinit ‘sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti’,

—      il-miżura [tkun] ilha fis-seħħ għal iktar minn [1]8 il-sena,

—      il-miżura tista’ tikkontribwixxi għall-iffriżar tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni dgħajfa billi tostakola d-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda.

2.      Miżura li timponi d-distribuzzjoni fid-djar tal-gass likwifikat ibbottiljat, bħala miżura ta’ protezzjoni tal-utenti li huma soċjalment vulnerabbli jew li jgħixu f’żoni li l-aċċess għalihom huwa diffiċli, hija kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Federutility iċċitata iktar ’il fuq jew tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ikun hemm, alternattivament jew simultanjament, iċ-ċirkustanzi elenkati fid-domanda preċedenti?”

29.      Kien daqstant ieħor f’dawk iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), fil-Kawża C‑546/17, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, li huma fformulati f’termini kważi identiċi:

“1.      L-istabbiliment ta’ prezz massimu għal ċilindru gass illikwidifikat u bbottiljat bħala miżura ta’ protezzjoni tal-utenti soċjalment vulnerabbli huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Federutility [sentenza tal-20 ta’ April 2010, C-265/08] u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk jimmaterjalizzaw, b’mod alternattiv jew b’mod konġunt, is-segwenti ċirkustanzi?

—      il-miżura tiġi adottata bħala miżura ġenerali għall-konsumaturi kollha u għal żmien indeterminat ‘meta l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti’,

—      il-miżura [tkun] ilha fis-seħħ għal iktar minn [1]8-il sena,

—      il-miżura tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi ffriżata s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni dgħajfa billi tostakola d-dħul ta’ operaturi ġodda.

2.      L-impożizzjoni fuq l-operatur dominanti ta’ żona territorjali partikolari tal-obbligu li jwassal fid-djar il-gass illikwidifikat u bbottiljat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-utenti soċjalment vulnerabbli jew li jgħixu f’żoni li huma diffiċilment aċċessibbli hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Federutility [sentenza tal-20 ta’ April 2010, C-265/08] u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jimmaterjalizzaw, b’mod alternattiv jew b’mod konġunt, iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda preċedenti?”

IV.    Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn Repsol Butano, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni fil-Kawża C 473/17, u minn DISA Gas, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni fil-Kawża C 546/17.

31.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ kawżi tgħaqqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

32.      Repsol Butano, DISA Gas, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fis-seduta li saret fit-2 ta’ Marzu 2017.

V.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet

33.      Repsol Butano u DISA Gas jissottomettu li d-Direttiva 2009/73, kif interpretata fil-ġurisprudenza Federutility tapplika għas-suq ta’ LPG ibbottiljat.

34.      B’mod partikolari Repsol Butano u DISA Gas jaffermaw li s-suq intern tal-enerġija huwa kompetenza maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri; u l-fatt li l-Unjoni għadha ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha f’settur tal-LPG ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mingħajr ma jqisu l-kriterji komuni stabbiliti mill-Unjoni fir-rigward tat-twaqqif ta’ suq tal-enerġija ħieles u kompetittiv kif sar fid-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar il-gass naturali u l-elettriku, u ma hemmx raġuni legali li ma jkunux applikati dawk il-kriterji komuni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għas-suq ta’ prodott tal-enerġija ieħor, bħal-LPG.

35.      Repsol Butano u DISA Gas jirrilevaw ukoll li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “tipi oħrajn ta’ gass” — bħalma huwa l-LPG — “sa fejn dawn il-gassijiet jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati fi, u trasportati mis-sistema tal-gass naturali”. Fil-fehma tagħhom il-ġurisprudenza Federutility tapplika għal swieq għal prodotti oħra tal-enerġija użati b’mod alternattiv għal jew kumulattiv ma’ gass naturali, bħas-suq ta’ LPG ibbottiljat.

36.      Barra minn hekk Repsol Butano u DISA Gas issottomettew fis-seduta li tapplika l-ġurisprudenza Federutility minħabba x-xebh li hemm bejn is-swieq tal-gass naturali u l-LPG fl-Unjoni Ewropea, u minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati, u b’mod partikolari dawk relatati mal-libertajiet fundamentali - l-Artikoli 34 u 106(2) TFUE - japplikaw għas-suq tal-LPG ibbottiljat. Dwar dan Repsol Butano u DISA Gas enfasizzaw fis-seduta li għalkemm, skont l-Artikolu 14 TFUE, l-Istati Membri jistgħu jafdaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali lil impriżi, huma għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati; u l-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Federutility huma rilevanti hawnhekk.

37.      Fuq dik il-bażi Repsol Butano u DISA Gas jissottomettu li l-miżuri kkontestati ma humiex konformi mal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Federutility li għandhom jitħarsu biex il-miżuri tal-Istati Membri jitħallew jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriżi.

38.      B’mod partikolari Repsol Butano u DISA Gas isostnu li l-iffissar ta’ prezz massimu ta’ bejgħ huwa sproporzjonat minħabba li jieħu fit-tul, in-natura ġeneralizzata u l-effetti antikompetittivi tiegħu. L-ewwel nett, pjuttost milli kellu jkun temporanju jew limitat fiż-żmien, huwa sar permanenti wara tnejn u tletin sena mill-adeżjoni ta’ Spanja mal-Unjoni Ewropea u wara kważi għoxrin sena mill-introduzzjoni tas-sistema ta’ liberalizzazzjoni permezz tal-Liġi 34/1998. It-tieni nett, minkejja li għandu l-għan li jipproteġi utenti vulnerabbli u lil dawk li joqogħdu f’żoni mbiegħda, huwa ta’ natura indiskriminata minħabba li japplika għall-konsumaturi kollha u mhuwiex limitat għall-grupp maħsub. It-tielet nett, huwa jikkostitwixxi ostakolu għal suq kompetittiv tal-LPG u jxekkel operaturi ekonomiċi ġodda milli jidħlu f’dak is-suq. B’mod partikolari huma josservaw li Spanja hija bħalissa l-uniku Stat Membru b’sistema ta’ prezzijiet massimi għal-LPG ibbottiljat li timponi l-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar fuq l-operatur li jkollu l-ikbar sehem tas-suq, u li l-prezz massimu huwa b’mod sinjifikattiv inqas mill-prezzijiet fis-swieq ta’ Stati Membri oħra, billi semmew lill-Belġju, Franza, il-Portugall u r-Renju Unit bħala eżempji.

39.      Bl-istess mod Repsol Butano u DISA Gas jissottomettu li l-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar huwa sproporzjonat minħabba n-natura ġenerali u permanenti tiegħu u l-effetti antikompetittivi tiegħu u, barra minn hekk, hemm disponibbli miżuri alternattivi, bħall-impożizzjoni ta’ skont rregolat għal ċerti konsumaturi vulnerabbli (l-hekk imsejjaħ “bono soċjali”) li teżisti f’setturi oħra tal-enerġija. Huma jaffermaw ukoll, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Federutility, li l-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar huwa diskriminatorju peress li japplika biss għall-operatur bl-akbar sehem tas-suq f’territorju partikolari, u b’hekk jeskludi operaturi attivi oħra f’kull territorju, u ma jiggarantixxix aċċess ugwali ta’ kumpanniji tal-Unjoni għal konsumaturi Spanjoli.

40.      Il-Gvern Spanjol jissottometti li d-Direttiva 2009/73 ma tirregolax is-suq ta’ LPG ibbottiljat, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għal gass naturali u gassijiet oħra bl-użu tas-sistema ta’ pajpijiet ta’ gass naturali (19). Huwa jissottometti wkoll li d-Direttiva 2009/73 u l-ġurisprudenza Federutility ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija għas-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali peress li ma hemmx lakuni fid-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, u s-settur tal-LPG jikkostitwixxi settur differenti minn dak ta’ gass naturali li għalih ma kinux stabbiliti regoli ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tas-suq intern.

41.      Għalhekk il-Gvern Spanjol jikkunsidra li d-domandi magħmula huma inammissibbli minħabba li huwa impossibbli li l-portata ta’ standard tal-Unjoni adottat għal sitwazzjoni fattwali differenti tkun estiża lil hinn mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni u tal-leġiżlaturi tal-Istati Membri.

42.      Madankollu l-Gvern Spanjol jissottometti li biex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformula d-domandi mill-perspettiva tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, flimkien mal-Protokoll (Nru 26) dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 26”) (20), li għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

43.      Il-Gvern Spanjol jisħaq, b’mod partikolari, dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom biex jipprovdu għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif irrikonoxxut fl-Artikolu 14 TFUE u fil-Protokoll Nru 26, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 106(2) TFUE. Huwa tal-fehma li l-Artikolu 106 TFUE huwa ssodisfatt minħabba l-interess ekonomiku ġenerali segwit u l-proporzjonalità tal-miżuri kkontestati.

44.      Fis-seduta l-Gvern Spanjol enfasizza li l-qafas regolatur għal dawn il-kawżi huwa bbażat fuq normi tad-dritt primarju tal-Unjoni, inklużi l-libertajiet fundamentali, l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Protokoll Nru 26 u l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li tiggarantixxi d-dritt fundamentali ta’ aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fir-rigward tal-libertajiet fundamentali l-Gvern Spanjol iddikjara fis-seduta li filwaqt li l-miżuri kkontestati setgħu jitqiesu li kienu jikkostitwixxi restrizzjoni skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, huma f’kull każ, iġġustifikati u proporzjonati. F’dan ir-rigward it-test ta’ proporzjonalità li għandu jiġi applikat mhuwiex dak stabbilit fil-ġurisprudenza Federutility iżda, dak ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 36 tal-Karta.

45.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità l-Gvern Spanjol jenfasizza, inter alia, li l-miżuri mhumiex intiżi għall-utenti kollha jew għall-kategoriji kollha ta’ ċilindri, iżda minflok huma mmirati primarjament għall-konsum domestiku u għal konsumaturi vulnerabbli, u huma suġġetti għal reviżjoni kull tant żmien mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol jikkontendi li hemm ċirkustanzi partikolari fis-suq Spanjol ta’ LPG ibbottiljat li jsostnu ż-żamma ta’ prezz massimu tal-bejgħ (21), u li kienu tqiesu diversi miżuri alternattivi, inkluża l-possibbiltà tal-“bono soċjali”, iżda li ma kinux ġew aċċettati għax kienu inqas proporzjonati mill-miżuri kkontestati.

46.      Il-Kummissjoni tissottometti li d-Direttiva 2009/73 ma tapplikax għal LPG ibbottiljat minħabba li ma jissemmiex fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/73, u lanqas ma jista’ “teknikament u b’mod sikur jiġi [injettat fi, u ttrasportat] mis-sistema tal-gass naturali” skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni.

47.      Madankollu l-Kummissjoni tikkontendi li l-libertajiet fundamentali u l-Artikolu 106(2) TFUE huma rilevanti għas-settur ta’ LPG ibbottiljat. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula fis-sens li hija l-qorti tar-rinviju li tivverifika l-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali għal dan is-settur, jekk il-miżuri kkontestati jikkostitwixxux restrizzjoni ta’ dawn il-libertajiet, u jekk iva, jekk humiex iġġustifikati u proporzjonati. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Federutility dwar il-proporzjonalità jistgħu jintużaw bħala riferiment f’dan ir-rigward.

48.      B’mod partikolari l-Kummissjoni tqis li ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri kkontestati x’aktarx jostakolaw, għalkemm indirettament jew potenzjalment, l-importazzjonijiet għal Spanja ta’ LPG minn Stati Membri oħra, u b’hekk jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Il-Kummissjoni sostniet ulterjorment fis-seduta li l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq Spanjol ta’ LPG ibbottiljat, kif ippreżentati fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, huma l-ewwel kawżi għan-nuqqas ta’ dħul ta’ operaturi ġodda f’dan is-suq, u li l-miżuri kkontestati ma humiex diskriminatorji u huma proporzjonati peress li ma jeskludux a priori kull impriża li topera fis-suq u l-Gvern Spanjol kien jirrispetta l-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu biex jiddetermina l-istrument l-iktar adegwat u proporzjonat biex jilħaq l-objettivi tiegħu ta’ servizz pubbliku.

VI.    Analiżi

49.      Permezz tad-domandi tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ċerti miżuri ta’ Stati Membri, li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriżi bbażati fuq l-interess ekonomiku ġenerali fis-suq ta’ LPG ibbottiljat humiex kompatibbli mal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Federutility meqjus partikolarment il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-miżuri inkwistjoni ta’ Stat Membru huma magħmula minn: l-ewwel nett, l-iffissar ta’ prezz massimu tal-bejgħ, inkluża l-ispiża ta’ distribuzzjoni fid-djar, għal ċilindri ta’ LPG ibbottiljat ta’ bejn 8 u 20 kilogramma, ta’ piż tara ta’ iktar minn 9 kilogrammi, u, it-tieni nett, l-impożizzjoni fuq l- operatur bl-ingrossa bl-ikbar sehem mis-suq f’kull territorju tal-obbligu ta’ konsenja ta’ dawk iċ-ċilindri fid-dar tal-konsumatur meta jitlobha (22).

50.      Jien wasalt għall-konklużjoni li LPG ibbottiljat mhuwiex tal-portata tad-Direttiva 2009/73, u li d-Direttiva 2009/73 u l-ġurisprudenza Federutility ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija mas-settur ta’ LPG ibbottiljat. Għalhekk inqis li d-Direttiva 2009/73, kif interpretata fil-ġurisprudenza Federutility, ma tipprekludix miżuri ta’ Stat Membru bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

51.      Jien wkoll tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirriformula d-domandi magħmula b’rabta ma’ jekk japplikawx regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni.

52.      Ir-raġunijiet tiegħi jinsabu dettaljati iktar ’il quddiem, iżda l-ewwel ser nindirizza l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula.

A.      Fuq l-ammissibbiltà

53.      Il-Gvern Spanjol jissottometti fil-mertu li d-domandi magħmula huma inammissibbli minħabba li s-suġġett tat-tilwima fil-kawżi prinċipali mhuwiex tal-portata tad-Direttiva 2009/73 (ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Filwaqt li l-Gvern Spanjol jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti risposta għad-domandi magħmula, kif irriformulati, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, flimkien mal-Protokoll Nru 26, l-oġġezzjoni tiegħu, madankollu, għandha tiġi indirizzata.

54.      Fl-ewwel lok, sa fejn din l-oġġezzjoni tinftiehem fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li għandha rilevanza għad-domandi magħmula, ma hemm xejn xi jsostni l-pretensjoni li d-domandi magħmula ma għandhomx rabta mal-fatti attwali tal-kawżi prinċipali jew li huma relatati ma’ problema ipotetika jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-materjal dwar fatti u liġi meħtieġ biex tagħti risposta utli għad-domandi li sarulha, biex tirribatti l-preżunzjoni ta’ rilevanza tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari (23).

55.      Barra minn hekk, il-kwistjoni jekk id-Direttiva 2009/73 kif interpretata fil-ġurisprudenza Federutility tapplikax għas-settur ta’ LPG ibbottiljat hija marbuta mal-mertu, u mhux, mal-ammissibbiltà tad-domandi magħmula (24).

56.      L-oġġezzjoni għall-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

1.      L-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73 u tal-ġurisprudenza Federutility għall-kawżi prinċipali

a)      Il-portata tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għad jonqosha tindirizza l-kwistjoni tal-portata tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 fir-rigward tal-LPG (25).

58.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-għan u mill-iskema nnifishom tad-Direttiva 2009/73 li l-mira tagħha hija li tkun segwita l-kisba ta’ suq intern tal-gass naturali li jkun miftuħ kompletament u b’mod effettiv u kompetittiv u li fih il-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles il-fornituri tagħhom u l-fornituri kollha jkunu jistgħu jipprovdu l-prodotti tagħhom b’mod ħieles lill-klijenti tagħhom (26).

59.      Għal dak l-għan l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/73 jistabbilixxi r-regoli dwar is-suġġett u l-portata tagħha. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi li din id-direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali.

60.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 jgħid li r-regoli stabbiliti minn dik id-direttiva għall-gass naturali, inkluż l-LNG [gass naturali likwifikat], “japplikaw ukoll b’mod mhux diskriminatorju għall-biogass u gass minn biomassi jew tipi oħrajn ta’ gass sa fejn dawn il-gassijiet [ikunu] jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati fi, u trasportati mis-sistema tal-gass naturali” (27).

61.      La l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 u ebda dispożizzjoni oħra ta’ dik id-direttiva ma jsemmu l-LPG.

62.      Isegwi mill-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73, li l-fatt li l-LPG jista’ jitqies li jikkostitwixxi “tip ieħor ta’ gass” (28) jew alternattiva għal jew li jikkomplementa gass naturali (29) mhuwiex fih innifsu deċiżiv jew suffiċjenti għall-għanijiet li tiġi ddelineata l-portata tad-Direttiva 2009/73. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 jistipula li, biex ikun tal-portata tad-Direttiva 2009/73, “it-tip l-ieħor ta’ gass” inkwistjoni għandu jkun jista’ teknikament u b’mod sikur jiġi injettat fi, u ttrasportat mis-sistema tal-gass naturali.

63.      Kif indikat mill-Kummissjoni u mill-Gvern Spanjol, l-LPG ma jistax teknikament u b’mod sikur jiġi injettat fi, u ttrasportat mis-sistema tal-gass naturali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju li dan huwa hekk, jista’ jiġi konkluż li LPG ibbottiljat mhuwiex tal-portata tad-Direttiva 2009/73.

64.      Din il-konstatazzjoni, jista’ jkun utli wieħed jinnota, tidher li hija konformi mat-travaux préparatoires għad-Direttiva 2009/73.

65.      Id-Direttiva 2009/73 hija parti mill-hekk imsejjaħ It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija li jinkludi sett ta’ miżuri tal-Unjoni Ewropea fis-setturi tal-gass naturali u tal-elettriku (30). Sussegwentement għall-pakketti preċedenti, li għal gass naturali kienu jirrigwardaw, fl-ewwel lok id-Direttiva 98/30 (31) u, fit-tieni lok id-Direttiva 2003/55, id-Direttiva 2009/73 għandha l-għan li tinkiseb b’mod sħiħ il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-gass naturali, biex b’hekk jitneħħew għalkollox l-ostakli li għad fadal għall-provvista ta’ gass naturali fl-Unjoni Ewropea kollha (32).

66.      Oriġinarjament, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/30, l-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva għamel riferiment biss “[għ]as-settur tal-gass naturali, inkluż gass naturali likwifikat (LNG)”. Permezz ta’ emendi introdotti mill-Parlament Ewropew (33), l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/55 kellu kliem simili (34) għal dak li issa għandu (b’xi emendi) l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 (35). Meta kienu qed isiru dawn l-emendi, ma jidhirx li l-LPG kien tqies.

67.      Dan jidher ukoll li huwa l-każ fil-kuntest tal-proposta reċenti tal-Kummissjoni biex tiġi emenda d-Direttiva 2009/73 bil-ħsieb li jiġu indirizzati lakuni li jidher li kien hemm fil-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropea għal pajpijiet tal-gass naturali għal u minn pajjiżi terzi (36). B’mod partikolari, għalkemm bħalissa l-Parlament Ewropew għadu ma temmx l-ewwel qari tiegħu tal-proposta, id-dokumenti preparatorji maħruġa mill-Parlament għandhom emenda proposta għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 biex tiġi inkluża “enerġija rinnovabbli tal-idroġenu ekoloġiku u metan sintetiku” fil-portata ta’ dik id-direttiva (37). Madankollu, l-LPG ma jissemma mkien.

68.      Fid-dawl tal-fatt li l-idroġenu ekoloġiku u l-metan sintetiku (imsejjaħ ukoll gass naturali sostitut) huma karburanti gassużi li jistgħu jiġu injettati f’pajpijiet ta’ gass naturali (38), jista’ jiġi dedott minn din l-emenda proposta, flimkien mal-emendi preċedenti relatati mad-Direttiva 2009/73, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija li tiġi ristretta l-portata ta’ dik id-direttiva għal gass naturali u għal tipi oħra ta’ gassijiet li jistgħu jużaw is-sistema ta’ pajpijiet ta’ gass naturali.

69.      Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-LPG mill-portata tad-Direttiva 2009/73 hija konsistenti ma’ xi miżuri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija li jiddistingwu l-LPG u l-gass naturali bħala prodotti ta’ enerġija differenti. Pereżempju r-Regolament Nru [1999]/2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija ġeneralment jikklassifika l-LPG fil-kategorija ta’ prodotti taż-żejt u tal-petroleum separata mill-kategorija ta’ gass naturali (39). Id-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi telenka wkoll il-gass naturali u l-LPG f’kategoriji separati fid-definizzjoni ta’ “karburanti alternattivi” għall-finijiet ta’ dik id-direttiva (40).

b)      L-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73  u l-ġurisprudenza  Federutility b’analoġija

70.      M’iniex persważ li, kif issottomettew Repsol Butano u DISA Gas, id-Direttiva 2009/73 u l-ġurisprudenza Federutility jistgħu jiġu applikati b’mod analogu mas-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali għar-raġunijiet li ġejjin.

71.      L-ewwel nett, il-kundizzjonijiet għal applikazzjoni analoga tad-Direttiva 2009/73 għall-kawżi prinċipali huma nieqsa.

72.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu ta’ applikazzjoni b’analoġija tippresupponi, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ xi lakuna aċċidentali f’dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jinstabilha rimedju bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati ma’ każijiet simili, u, fit-tieni lok, li l-interessi involuti fis-sitwazzjoni eżaminata jkunu jistgħu jitqabblu ma’ dawk inkwistjoni fis-sitwazzjoni li għaliha tkun abbozzata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (41).

73.      Barra minn hekk, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari, tas-sentenza tal-istess Qorti fil-Kawża Kernkraftwerke Lippe-Ems (42), sottomissjoni biex tkun applikata dispożizzjoni ta’ direttiva b’analoġija għandha tiġi rrifjutata meta tkun testendi l-portata tal-applikazzjoni ta’ dik id-direttiva bi ksur ta’ dispożizzjonijiet espliċiti tagħha.

74.      Kif iddiskutejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Cristal Union (43), fil-Kawża Kernkraftwerke Lippe-Ems id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet jekk l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (44) tapplikax għal karburant nukleari, minħabba li, kif mitlub minn dik id-dispożizzjoni, huwa “[użat biex jipproduċi] elettriku”, iżda li mhuwiex elenkat fost il-“prodotti ta’ enerġija” li għalihom, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, tapplika dik id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li karburant nukleari jaqa’ ’l barra mill-portata ta’ dik id-direttiva, u ma laqgħetx l-argument li dik id-direttiva għandha tkun applikata b’analoġija għal karburant nukleari użat għall-produzzjoni tal-elettriku. Ma hemmx dubju li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja applikat dik l-eżenzjoni għal karburant nukleari użat għall-produzzjoni tal-elettriku, hija kienet tkun estendiet il-portata tad-Direttiva 2003/96 bi ksur tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-direttiva (45).

75.      F’dawn il-kawżi l-fatt li LPG ibbottiljat ma jaqax fil-portata tad-Direttiva 2009/73 ma huwiex lakuna iżda, pjuttost, jidher li jirrappreżenta l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jkoprix l-LPG ibbottiljat f’dik id-direttiva. Li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika b’analoġija r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2009/73 għall-LPG ibbottiljat tkun qiegħda testendi l-portata ta’ dik id-direttiva lil hinn mit-termini espliċiti tal-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva.

76.      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-applikazzjoni analoga tal-ġurisprudenza Federutility għas-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali, peress li dik il-ġurisprudenza tinterpreta d-Direttiva 2009/73.

77.      F’dik il-ġurisprudenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm intervent mill-Istat fl-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-gass naturali jikkostitwixxi ostakolu biex jinkiseb suq operazzjonali tal-gass naturali, dak l-intervent jista’, madankollu, ikun aċċettat fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73 (46), u b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva (47), li jippermetti jkunu imposti fuq impriżi obbligi tas-servizz pubbliku fl-interess ekonomiku ġenerali, jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: L-ewwel, il-miżura għandha ssegwi għan ta’ interess ekonomiku ġenerali; it-tieni, il-miżura għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet, il-miżura għandha tistabbilixxi obbligi ta’ servizz pubbliku li jkollhom definizzjoni ċara, ikunu trasparenti, ma jkunux diskriminatorji u jkunu verifikabbli u li jiggarantixxu aċċess ugwali ta’ impriżi tal-gass tal-Unjoni lil konsumaturi (48).

78.      F’dik il-ġurisprudenza l-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet ukoll l-indikazzjonijiet li ġejjin lill-qorti nazzjonali rilevanti fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar il-proporzjonalità, biex ikun żgurat li l-obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jippermetti li jkunu imposti fuq impriżi jkunu jistgħu, mill-1 ta’ Lulju 2007, jikkompromettu l-libertà li jkun iddeterminat il-prezz tal-provvista ta’ gass naturali biss sa fejn ikun neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali segwit u konsegwentement, għal perijodu li huwa neċessarjament limitat fiż-żmien: l-ewwel nett, il-miżura għandha tkun adatta biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali li hija ssegwi; it-tieni nett, i-tul ta’ żmien ta’ intervent tal-istat fil-prezzijiet għandha tkun limitata għal dak li jkun strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha; it-tielet nett, il-metodu ta’ intervent użat ma għandux imur lil hinn minn dak li jkun neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali segwit; u r-raba’, ir-rekwiżit ta’ neċessità għandu jkun evalwat fir-rigward tal-portata ratione personae tiegħu u b’mod partikolari tal-benefiċjarji tiegħu (49).

79.      Għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza Federutility tinsab fil-kuntest armonizzat stabbilit mid-Direttiva 2009/73 li jibbilanċja, minn naħa, l-għan primarju ta’ din id-direttiva biex ikun żgurat suq intern kompletament miftuħ u kompetittiv tal-gass naturali f’perijodu ta’ żmien speċifiku u, min-naħa l-oħra, li jitħalla jkun hemm ċertu intervent mill-Istat fir-regolamentazzjoni ta’ prezzijiet fl-għamla ta’ obbligi tas-servizz pubbliku fl-interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-direttiva, sakemm ikun hemm konformità mal-parametri stretti stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni u żviluppati fil-ġurisprudenza Federutility li tinterpreta dik id-dispożizzjoni (50). Abbażi ta’ dan ma naħsibx li l-kriterji tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliti f’dik il-ġurisprudenza huma fformulati b’mod ġenerali u li jistgħu jitqiesu li japplikaw barra minn dan il-kuntest armonizzat f’settur li mhuwiex is-suġġett ta’ direttiva tal-Unjoni dwar liberalizzazzjoni settorjali.

80.      Konformi mar-rimarki tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Kernkraftwerke Lippe-Ems (51), jiena tal-fehma li l-estensjoni tal-kriterji fil-ġurisprudenza Federutility għas-settur tal-LPG ibbottiljat tinvadi l-portata tad-Direttiva 2009/73 u l-kompetenzi tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli barra mill-kuntest armonizzat kopert mid-Direttiva 2009/73.

81.      Għaldaqstant, inqis li l-LPG ma huwiex tal-portata tad-Direttiva 2009/73 u li d-Direttiva 2009/73 u l-ġurisprudenza Federutility ma japplikawx b’analoġija għas-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali.

82.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula f’dawn il-kawżi li d-Direttiva 2009/73, kif interpretata fil-ġurisprudenza Federutility, ma tipprekludix miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

2.      L-applikabbiltà  ta’ regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni għall-kawżi prinċipali

83.      Nosserva li d-domandi magħmula, kif ifformulati, jistaqsu dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni tal-Istat Membru mal-ġurisprudenza Federutility “jew mal-prinċipju ta’ proporzjonalità” (ara l-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalhekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-Direttiva 2009/73 u l-ġurisprudenza Federutility ma humiex applikabbli għall-kawżi prinċipali, ikun jista’ jitqies li d-domandi magħmula jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ dawk il-miżuri vis-a-vis il-proporzjonalità barra mill-kuntest ta’ dik il-ġurisprudenza.

84.      Madankollu, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ma teżistix f’vakwu (52). Tabilħaqq, kif indikat fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet jipproponu tliet approċċi differenti biex tkun eżaminata l-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi Repsol Butano u DISA Gas jistrieħu fuq il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Federutility li tinterpreta d-Direttiva 2009/73, il-Gvern Spanjol jistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, inklużi l-Artikoli 14 u 106 TFUE, flimkien mal-Protokoll Nru 26 u l-Artikolu 36 tal-Karta. Il-Gvern Spanjol ukoll jidher li jingħaqad mal-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija, f’dawn il-kawżi.

85.      Nirrikonoxxi li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-fatt li l-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għaliha biex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, u għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti gwida bbażata fuq, inter alia, l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li kienu ġew ippreżentati lilha (53). Barra minn hekk, biex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirriformula d-domandi magħmula u tqis dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għalihom fid-domandi tagħha (54).

86.      Minkejja dan, inqis li ma jkunx sewwa fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-proċeduri li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula d-domandi magħmula skont il-linji tal-approċċi proposti mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

87.      L-ewwel nett, filwaqt li l-Artikoli 14 u 106 TFUE jesprimu l-importanza ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (55) fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux bażi minnhom innifishom għall-evalwazzjoni skont il-dritt tal-Unjoni tal-miżuri kkontestati u, b’mod partikolari, ta’ dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi (56).

88.      L-Artikolu 14 TFUE flimkien mal-Protokoll Nru 26 jistipula l-post okkupat minn servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri kondiviżi tal-Unjoni. (57)L-Artikolu 14 (58) huwa “dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali” għall-politiki diversi tal-Unjoni, u attivitajiet li jistabbilixxu, fost l-oħrajn, li servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom joperaw f’kundizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 TUE u l-Artikoli 93, 106 u 107 TFUE u taħt ir-responsabbiltà tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-kompetenzi rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattati Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet fil-ġurisprudenza Federutility, il-Protokoll Nru 26 jirrikonoxxi b’mod espliċitu r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-provvista, fl-eżekuzzjoni u fl-organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (59).

89.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll fil-ġurisprudenza Federutility, l-Artikolu 106(2) TFUE (60) ifittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (61). F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jkunu intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom (62). Madankollu, skont l-osservazzjonijiet tiegħu (63), il-Gvern Spanjol ma jistrieħx fuq l-Artikolu 106(2) TFUE b’deroga mill-applikazzjoni ta’ regoli partikolari tat-Trattat (64).

90.      Barra minn hekk, minkejja li l-libertajiet fundamentali ssemmew fl-osservazzjonijiet tal-partijiet, ma nqisx li hemmhekk hemm informazzjoni biżżejjed fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jiġi ddeterminat liema libertà fundamentali hija applikabbli b’rabta mal-miżuri kkontestati li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawk il-miżuri mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, meta kienet mistoqsija dwar dan il-punt fis-seduta, il-Kummissjoni ssottomettiet li ma kienx hemm elementi biżżejjed biex jiġi ddeterminat b’mod ċar liema libertajiet fundamentali huma applikabbli, u filwaqt li l-moviment liberu tal-merkanzija huwa użat bħala riferiment, ma jistgħux jiġu esklużi l-libertajiet fundamentali l-oħra u d-Direttiva dwar is-Servizzi (65)

91.      Għalhekk filwaqt li jista’ jkun il-każ li regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħal-libertajiet fundamentali jew id-dritt tal-kompetizzjoni, ikunu jistgħu japplikaw għas-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx mill-qorti tar-rinviju tinterpreta regoli bħal dawn, u ma għandhiex elementi ta’ fatt u ta’ dritt biżżejjed biex tagħmel evalwazzjoni bħal din (66). Għall-Qorti tal-Ġustizzja li tibdel il-mertu tar-rinviju f’dan ir-rigward ikun inkompatibbli mal-obbligu tagħha li tiżgura li l-Istati Membri u l-partijiet konċernati jingħataw opportunità jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut, minħabba li d-digriet tar-rinviju biss jiġi nnotifikat lill-partijiet interessati skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni (67).

92.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirriformula d-domandi tar-rinviju, iżda pjuttost, tista’ tindika, fir-risposta tagħha, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina l-applikabbiltà tar-regoli tat-Trattati, u b’mod partikolari l-libertajiet fundamentali, b’rabta mal-miżuri kkontestati. Ovvjament dik il-qorti tista’ tagħmel talba ulterjuri għal sentenza preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

VII. Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kif ġej:

“1.      Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, kif interpretata mis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, fil-Kawża Federutility et (C-265/08, EU:C:2010:205) u l-ġurisprudenza sussegwenti, ma tipprekludix miżura li tistabbilixxi prezz massimu għal ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat sa fejn din tkun miżura għall-protezzjoni ta’ utenti soċjalment vulnerabbli, jekk ikun hemm, alternattivament jew simultanjament, xi waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

–        —      il-miżura tiġi adottata b’mod ġenerali għall-konsumaturi kollha u għal perijodu indefinit ‘sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti’,

–        —      il-miżura tkun ilha fis-seħħ għal iktar minn [1]8-il sena,

–        —      il-miżura tkun tista’ tikkontribwixxi għall-iffriżar tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni dgħajfa billi tostakola d-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda.

2.      Id-Direttiva 2009/73, kif interpretata mill-ġurisprudenza Federutility ma jipprekludix miżura għal distribuzzjoni obbligatorja fid-djar ta’ gass tal-potroleum likwifikat, sa fejn din tkun miżura għall-protezzjoni ta’ utenti soċjalment vulnerabbli jew ta’ residenti f’żoni li l-aċċess għalihom ikun diffiċli, jekk ikun hemm, alternattivament jew simultanjament, iċ-ċirkustanzi elenkati fid-domanda preċedenti.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-l3 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009 L 211, p. 94).


3      Sentenza tal-20 ta’ April 2010 (C-265/08, EU:C:2010:205).


4      Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, ENEL Produzione  (C‑242/10, EU:C:2011:861) (dwar is-settur tal-elettriku); tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570) u tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15. EU:C:2016:637).


5      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C-121/15, EU:C:2016:637, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara l-punti 77 u 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Għal definizzjoni ta’ LPG, ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU 2008 L 304, p. 1, kif emendat l-iktar reċenti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2010 tad-9 ta’ Novembru 2017 (ĠU 2017 L 292, p. 3), Anness A, punt 3.4.10. Ta’ min jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-karatteristiċi tal-LPG fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu fit-Tariffa Doganali Komuni fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Mejju 2016, Latvijas propāna gāze (C‑286/15, EU:C:2016:363).


7      L-LPG ma għandux wieħed iħawdu ma’ gass naturali kkompressat (“CNG”) jew gass naturali likwifikat (“LNG”) li huma forom ta’ gass naturali. Għal definizzjoni ta’ gass naturali, ara, pereżempju, ir-Regolament Nru 1099/2008, nota ta’ qiegħ il-paġna 6, Anness A, punt 3.2.1.


8      Jista’ jkun hemm ukoll, pereżempju, provvista ta’ LPG bl-ingrossa jew permezz ta’ pajplajn. F’dawn il-kawżi ma hemmx kwistjoni dwar dawn il-forom ta’ LPG, u mhux ser jitqiesu ulterjorment.


9      BOE Nru 241, 8 ta’ Ottubru 1998, p. 33517.


10      BOE Nru 263, 2 ta’ Ottubru 1999, p. 35442.


11      BOE Nru 163, 5 ta’ Lulju 2014, p. 52544 (mibdul bil-Ley 18/2014, de 15 de octubre, de aprobación de medidas urgentes para el crecimiento, la competitividad y la eficiencia (il-Liġi 18/2014 tal-15 ta’ Ottubru li tapprova miżuri urġenti għat-tkabbir, il-kompetittività u effiċjenza, BOE No 252, tas-17 ta’ Ottubru 2014, p. 83921)).


12      Digriet-Liġi Rjali 8/2014, dispożizzjoni derogatorja, paragrafu 2(f) u (g).


13      Digriet-Liġi Rjali 8/2014, Artikolu 57.


14      BOE Nru 166, 13 ta’ Lulju 2017, p. 61346.


15      BOE Nru 58, 9 ta’ Marzu 2015, p. 20850.


16      Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 12, Vol. 2, p. 230).


17      Sentencia del Tribunal Supremo, Sala 3a, de lo Contencioso-Administrativo de 19 de junio de 2012, ES:TS:2012:4248 (Sentenza tal-Qorti Suprema, Awla 3a, Kontenzjuż amministrattiv tad-19 ta’ Ġunju 2012, ES:TS:2012:4248).


18      Orden ITC/2608/2009, de 28 de septiembre, por la que se modifica la Orden ITC/1858/2008, de 26 de junio, por la que se actualiza el sistema de determinación automática de precios máximos de venta, antes de impuestos, de los gases licuados del petróleo envasados (Digriet ITC/2608/2009 tat-28 ta’ Settembru li jaġġorna s-sistema għad-determinazzjoni awtomatika tal-prezz tal-bejgħ massimu, qabel it-taxxa, ta’ gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat BOE Nru 236, 30 ta’ Settembru 2009, p. 82309).


19      Il-Gvern Spanjol jindika fl-osservazzjonijiet tiegħu li l-leġiżlatura Spanjola ma kinitx estendiet il-portata tad-Direttiva 2009/73 meta kienet trasposta.


20      Protokoll (Nru 26) dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, bħala anness għat-TUE u għat-TFUE (ĠU 2016 C 202, p. 307).


21      Fl-osservazzjonijiet tiegħu l-Gvern Spanjol jindika li dawn iċ-ċirkustanzi huma relatati ma’: l-ewwel nett, il-grad għoli ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi fis-suq; it-tieni nett, is-suq jinsab f’reċessjoni; u t-tielet nett, is-suq għandu karattru soċjali li għandu x’jaqsam prinċipalment ma’ konsumaturi b’mezzi modesti, li f’parti kbira tat-territorju Spanjol ma għandhomx l-għażla ta’ fornitur.


22      Bla ħsara għaċ-ċirkustanzi fejn l-operatur bl-ingrossa ma jkollux disponibbli ċilindri ta’ piż tara ta’ 9 kilogrammi: ara l-punti 13 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C-304/08, EU:C:2010:12, punti 21 sa 34), u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C-484/08, EU:C:2010:309, punti 17 sa 23).


24      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, EU:C:2010:620, punti 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Lanqas ma jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja kien għad kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar id-distinzjoni bejn LPG u gass naturali f’kuntesti oħra. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Saras Energía (C-561/16, EU:C:2018:633, punti 21, 38 sa 42). Ara wkoll it-Tmintax-il rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarja (2000), COM (2001) 309 finali, punt 2.12.3., p. 101–102: il-Kummissjoni ippreżentat proċeduri kontra Spanja għall-ksur tad-Direttiva tal-VAT fis-seħħ dak iż-żmien, għax applikat ir-rata mnaqqsa fuq provvisti tal-gass għal LPG ibbottiljat, u mhux għal gass naturali. Madankollu, l-azzjoni kienet irtirata b’digriet tal-President tas-7 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-143/01, mhux ippubblikata, EU:C:2002:357).


26      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C-121/15, EU:C:2016:637, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Enfasi tiegħi. Ara wkoll id-Direttiva 2009/73, premessa 41.


28      Ara, pereżempju, Komunikazzjoni dwar aspetti esterni ta’ gass naturali, COM (1979) 23 finali, p. 10.


29      Ara, pereżempju, Komunikazzjoni Aġġornata dwar “Azzjoni Komunitarja fis-settur tal-provvista ta’ gass naturali”, COM (1980) 731 finali, p. 7.


30      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punti 27 sa 29) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:248, punt 4).


31      Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28). Ara l-premessa 4 ta’ dik id-direttiva għal miżuri preċedenti adottati fil-qasam.


32      Ara, pereżempju, il-premessi 4 u 5, 54 sa 58 u 60 tad-Direttiva 2009/73. Ara wkoll il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/55/KE rigward regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, COM (2007) 529 finali, tad-19 ta’ Settembru 2007, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 2 sa 4..


33      Ara l-Proposta Emendata, għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 96/92/KE u 98/30/KE dwar ir-regoli għas-swieq interni tal-elettriku u l-gass naturali (ippreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat tal-KE), COM (2002) 304 finali, tas-7 ta’ Ġunju 2002, p. 4; ara wkoll il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill KE Nru 6/2003, tat-3 ta’ Frar 2003, bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva 2003/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’... dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU 2003 C 50 E, p. 36), p. 58 (Emenda 118).


34      Ara wkoll id-Direttiva 2003/55, premessa 24.


35      Il-kliem “b’mod mhux diskriminatorju” żdiet fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/73 (ara l-punti 6 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


36      Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, COM (2017) 660 finali, 8 ta’ Novembru 2017.


37      Rapport tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ April 2018, dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (A8-0143/2018), pp. 7 u 8 (Emenda 6, kif ukoll Emendi 4 u 5 dwar premessi li hemm magħha).


38      Ara, pereżempju l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija” (ĠU 2015 C 383, p. 19), punti 4.3 u 4.4.


39      Regolament Nru 1099/2008, nota ta’ qiegħ il-paġna 6, Anness A, punt 3; Anness B, punti 2 u 4; Anness C, punti 3 u 4; Anness D, punti 1 u 3.


40      Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014 L 307, p. 1), Artikolu 2(1).


41      Ara, pereżempju, l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-Kawża K.V.S. International (C-301/98, EU:C:2000:52, punt 50) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz-Villalón fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-399/12, EU:C:2014:289, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015 (C‑5/14, EU:C:2015:354).


43      C‑31/17, EU:C:2018:92, punt 64.


44      Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).


45      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems (C-5/14, EU:C:2015:354, punti 47 u 48, 50 sa 53).


46      Għalkemm is-sentenza Federutility kienet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/55, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tagħha hija valida għad-Direttiva 2009/73: ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi: “Tenut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-kumpaniji tal-gass tal-Kommunita’ għall-konsumaturi nazzjonali […]”


48      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punti 27 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C-121/15, EU:C:2016:637, punti 53 sa 55, 60 sa 64, 66 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara, pereżempju, s-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 18 sa 24 u 32. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Federutility et (C-265/08, EU:C:2009:640, punti 41 sa 48); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża ANODE (C-121/15, EU:C:2016:248, punti 1, 53 sa 55).


51      C‑5/14, EU:C:2015:51, punti 45 sa 48.


52      Għal ħarsa ġenerali reċenti dwar il-funzjonijiet tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dritt tal-Unjoni, ara, pereżempju, Takis Tridimas, “The Principle of Proportionality”, ta’ Robert Schütze u Takis Tridimas (edituri), Oxford Principles of European Union Law — 1 The European Union Legal Ordser (OUP 2018), p. 243–264.


53      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, EU:C:2011:813, punt 19) u tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen (C-544/11, EU:C:2011:124, punt 24).


55      Għal diskussjoni dwar dan il-kunċett ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punti 53 sa 55). Għal diskussjoni usa’ dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-qafas ta’ wara t-Trattat ta’ Lisbona, ara pereżempju Caroline Wehlander Services of General Economic Interest as a Constitutional Concept of EU Law (Asser Press 2016), pp. 67-111.


56      Fir-rigward tal-Artikolu 36 tal-Karta, ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU 2007 C 303, p. 27) li jgħidu fil-parti rilevanti li dan l-Artikolu “sempliċiment jistabbilixxi l-prinċipju ta’ rispett, mill-Unjoni għall-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, meta dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli mal-liġi ta’ l-Unjoni.” Enfasi tiegħi.


57      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26.


58      L-Artikolu 14 TFEU jistabbilixxi: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 [TEU] tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 [TFEU], ta’ dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri skond it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi”.


59      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 41).


60      L-Artikolu 106(2) TFEU jipprovdi: “Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it- twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi ta’ l-Unjoni.”


61      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni (C-66/16 P sa C-69/16 P, EU:C:2017:999, punt 69).


63      Fl-osservazzjonijiet tiegħu l-Gvern Spanjol jindika li ma hemmx dubju li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat tkun possibbli u li l-impriżi mqabbda jagħtu s-servizz ta’ interess ekonomika ġenerali inkwistjoni ma jkollhomx drittijiet speċjali jew esklużivi għall-finijiet tal-Artikolu 106 TFUE.


64      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:2017:178, punti 29 sa 31); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni  (C‑66/16 P sa C‑69/16 P, C‑70/16 P u C‑81/16 P, EU:C:2017:654, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 106(2) tat-TFUE huwa obbligat jipprova li l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni huma sodisfatti: ara pereżempju sentenza tad29 ta’ April 2010 C 160/08, UE: 2010: 230, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


66      Pereżempju, ninnota fil-qosor li, kif indikat mill-Gvern Spanjol, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, prezz massimu applikabbli mingħajr distinzjoni għal prodotti nazzjonali u importati fih innifsu ma jikkostitwixxix miżura li jkollha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 34 TFUE, iżda jkun jista’ jitqies li jkollu effett bħal dak meta jkun iffissat f’livell tali li l-bejgħ ta’ prodotti importati jsir iktar diffiċli minn dak ta’ prodotti domestiċi. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1976, Tasca (C-65/75, EU:C:1976:30, punt 13). Kif il-Gvern Spanjol argumenta fil-kuntest tal-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar, l-applikazzjoni possibbli tal-hekk imsejħa ġurisprudenza Keck dwar arranġamenti ta’ bejgħ ukoll jistħoqqilha analiżi. Għal iktar diskussjoni, ara, per eżempju, Catherine Barnard, The Substantive Law of the EU: The Four Freedoms, 5th edition (OUP 2016), p. 87-88.


67      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, AGS Assedic Pas-de-Calais (C‑235/95, EU:C:1998:365, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).