Language of document : ECLI:EU:F:2013:75

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

12 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑5/12

Slawomir Bogusz

vs

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruniteri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Persunal tal-Frontex — Tibdil tal-kundizzjonijiet tat-tħaddim tal-perijodu ta’ prova previsti fl-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Iffissar tal-għanijiet — Motiv imqajjem għall-ewwel darba fis-seduta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li bih S. Bogusz jitlob l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2011 li tirrevoka d-drittijiet tiegħu ta’ aċċess bħala amministratur għan-netwerk tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruniteri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) kif ukoll l-aċċess fiżiku tiegħu għas-servers tal-kompjuter u għal xi kmamar tekniċi tad-Dipartiment tat-Teknoloġiji tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni ta’ Frontex u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 li tittermina l-kuntratt tiegħu fi tmiem il-perijodu ta’ prova.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati kwart tal-ispejjeż sostnuti minn S. Bogusz. S. Bogusz għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Skop — Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment — Tibdil ta’ dawn il-kundizzjonijiet matul il-perijodu ta’ prova — Obbligu għall-evalwatur li jieħu inkunsiderazzjoni dan it-tibdil — Assenza f’każ ta’ tibdil marbut mal-aġir tal-membru tal-persunal (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 14)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Motivazzjoni — Rekwiżiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 14)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Stabbiliment tar-Rapport dwar il-perijodu ta’ prova qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova — Ammissibbiltà

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 14(3)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Stabbiliment tal-objettivi li għandhom jintlaħqu — Tibdil tal-lista tal-objettivi fl-istadju tat-tfassil tar-rapport fit-tmiem il-perijodu ta’ prova — Inammissibbiltà

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 14(3))

1.      Għalkemm perijodu ta’ prova huwa intiż li jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ membru tal-persunal għandu jinżamm fid-dawl tal-prestazzjonijiet tiegħu, huwa xorta waħda imperattiv li, matul dan il-perijodu, il-membru tal-persunal bi prova jkun f’pożizzjoni li juri l-kapaċitajiet tiegħu, liema jfisser, fil-prattika, li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal bi prova għandu jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali adegwati sabiex iwettaq il-kompiti li ngħatawlu.

Meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tbiddel il-kundizzjonijiet tat-tħaddim ta’ perijodu ta’ prova għar-raġunijiet li huma estranji għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal ikkonċernat, evalwatur għandu jieħu dan inkunsiderazzjoni sabiex jiddetermina sa fejn l-imsemmi uffiċjal jew membru tal-persuna laħaq l-objettivi tiegħu u, konsegwentement, biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, meta dan it-tibdil huwa l-konsegwenza tal-aġir tal-persuna kkonċernata, din tal-aħħar ma tistax tieħu bħala pretest l-imsemmi tibdil biex issostni li ma tqegħidx f’pożizzjoni li twettaq il-kompiti li ngħatawlha u, għaldaqstant, sabiex tiġġustifika li ma laħqetx l-objettivi li kienu ġew stabbiliti għaliha. Fil-fatt, uffiċjal jew membru tal-persunal ma jistax jislet argument minn fatt rispettiv tiegħu biex jeżenta lilu nnifsu mill-obbligi professjonali tiegħu.

(ara l-punti 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, punt 95

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Marzu 2009, Patsarika vs Cedefop, F‑63/07, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Meta deċiżjoni li tittermina l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fi tmiem il-perijodu ta’ prova hija bbażata fuq diversi raġunijiet, huwa suffiċjenti li ċerti raġunijiet huma validi u li jkun manifest li, fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet biss, l-amministrazzjoni għandha tasal għal konklużjoni identika sabiex l-imsemmija deċiżjoni tkun legali.

B’hekk huwa b’mod speċjali li deċiżjoni li tittermina l-kuntratt fi tmiem il-perijodu ta’ prova tiddistingwi ruħha bin-natura mit-“tkeċċija” ta’ membru tal-persunal wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ prova. Fil-fatt, filwaqt li, f’dan l-aħħar każ, hemm obbligu ta’ eżami fid-dettall tar-raġunijiet li jiġġustifikaw li tintemm relazzjoni ta’ impjieg speċifiku, fl-ewwel każ, l-eżami, għandha tkun globali u għandha tikkonċerna l-eżistenza, jew le, ta’ numru ta’ elementi pożittivi kkonstatati matul il-perijodu ta’ prova li juru li l-konferma tal-ħatra tal-membru tal-persunal hija fl-interess tas-servizz.

(ara l-punt 75)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Lulju 2009, Notarnicola vs Il‑Qorti tal-Awdituri, F‑85/08, punti 70 et seq; 28 ta’ Marzu 2012, BD vs Il‑Kummissjoni, F‑36/11, punt 83

3.      L-amministrazzjoni ma għandhiex tistenna l-fluss tal-perijodu ta’ prova biex tevalwa jekk l-objettivi ġewx stabbiliti għat-tul tal-perijodu ta’ prova ntlaħqux jew le. Fil-fatt, l-Artikolu 14(3) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej jipprevedi li jekk l-awtorità awtorizzata li tittermina l-kuntratti ta’ impjieg tista’ tkeċċi għal inkapaċità manifesta membru tal-persunal fuq il-bażi tar-rapport dwar il-perijodu ta’ prova, din it-tkeċċija għandha tintervjeni qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova, li jimplika għaldaqstant li r-rapport ikun stabbilit qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova. Iċ-ċirkustanza li r-rapport dwar il-perijodu ta’ prova huwa stabbilit qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ma jipprekludix li l-kapaċità tal-membru tal-persunal ikkonċernat li jwettaq l-objettivi tiegħu għat-tmiem tal-perijodu ta’ prova huwa evalwat bis-sħiħ.

(ara l-punti 78 u 79)

4.      Evalwatur ma jistax, fil-prinċipju, ibiddel il-lista tal-objettivi assenjati lil uffiċjal jew membru tal-persunal fl-istadju tat-tfassil tar-rapport fit-tmiem il-perijodu ta’ prova, billi din tfisser li jiġi kkritikat li ma laħaqx l-objettivi li ma kellux konoxxenza tagħhom fil-bidu tal-perijodu ta’ prova. Ċertament, peress li, fil-fatti, uffiċjal jew membru tal-persunal ġie assenjat objettivi oħra minn dawk inizjalment miftehma fil-bidu tal-perijodu ta’ prova tiegħu, l-evalwatur jista’ jeskludi minn dawn tal-aħħar u jitlob l-istat ta’ objettivi oħra fir-rapport dwar il-perijodu ta’ prova, iżda f’dan il-każ, hija l-amministrazzjoni li għandha tistabbilixxi li dawn l-objettivi l-ġodda kinux ġew assenjati tajjeb lill-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ prova. Jekk jiġu assenjati lilu objettivi ġodda matul il-perijodu ta’ prova, ir-rapport dwar il-perijodu ta’ prova għandu jagħmel referenza għal dan sabiex, b’mod partikolari, l-validatur ikun imwissi li l-membru tal-persunal fuq perijodu ta’ prova kellu inqas żmien milli previst biex iwettaqhom u sabiex ikun jista’ jikkunsidra dan il-fatt.

(ara l-punti 80 sa 82)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2010, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, F‑85/09, punt 58