Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2019 minn Bena Properties Co. SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-16 ta’ Jannar 2019 fil-Kawża T-412/16, Bena Properties vs Il-Kunsill

(Kawża C-260/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Bena Properties Co. SA (rappreżentant: E. Ruchat, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

għaldaqstant, tannulla s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Bena Properties vs Il-Kunsill, T-412/16.

Filwaqt li tiddeċiedi fuq il-mertu:

tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 u l-atti sussegwenti ta’ implimentazzjoni tagħha, sa fejn jikkonċernaw lill-appellanti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx id-dritt tal-appellanti, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tinstema’ qabel jiġu adottati miżuri restrittivi ġodda.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-artikli ppreżentati mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tagħha bil-għan li turi li ma kinitx tipprovdi għajnuna lir-reġim Sirjan.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li huma illegali l-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, li jipprovdu li l-fatt li hija l-proprjetà tal-familja Al-Assad jew tal-familja Makhlouf jikkostitwixxi kriterju awtonomu li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, b’tali mod li jaqilbu l-oneru tal-prova.

____________