Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fis-27 ta’ Marzu 2019 – EUROVIA Ipari, Kereskedelmi, Szállítmányozási és Idegenforgalmi Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-258/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EUROVIA Ipari, Kereskedelmi, Szállítmányozási és Idegenforgalmi Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Il-prattika ta’ Stat Membru li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa, iqis biss il-mument li fih seħħ il-fatt taxxabbli, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-grad ta’ eżekuzzjoni kien is-suġġett ta’ tilwima ċivili bejn il-partijiet, li ġiet solvuta b’mod ġudizzjarju, u li l-fattura nħarġet biss wara li ngħatat sentenza definittiva, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali u għar-rekwiżiti formali tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwa possibbli li jinqabeż it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, stabbilit, mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, għal ħames snin mill-mument li fih titwettaq il-provvista ta’ servizzi?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huwa influwenzat mill-aġir tal-persuna li tirċievi l-fattura f’dan il-każ, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas tal-korrispettiv tal-kuntrattur stabbilit permezz ta’ sentenza definittiva sal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni mressqa mill-kuntrattur, raġuni li għaliha l-fattura nħarġet biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni?

____________