Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-257/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. L. Kalėda u N. Yerrell, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi ma pprovdietx għal korp investigattiv li huwa indipendenti, fl-organizzazzjoni tiegħu, fl-istruttura ġuridika tiegħu u fil-proċess tiegħu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, minn kwalunkwe parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu inkompatibbli mal-kompitu assenjat lilu, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiv tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Diriettiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà relatati mal-inċidenti marittimi jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ korp investigattiv permanenti u imparzjali. Sabiex titwettaq investigazzjoni dwar is-siġurtà b’mod imparzjali, l-Artikolu 8(1) jitlob li l-korp investigattiv ikun indipendenti, fl-organizzazzjoni tiegħu, fl-istruttura ġuridika tiegħu u fil-proċess tiegħu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, minn kwalunkwe parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu inkompatibbli mal-kompitu assenjat lilu.

Il-Kummissjoni tqis li dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt mill-Marine Casualty Investigation Board (il-Bord ta’ Investigazzjoni dwar l-Inċidenti Marittimi, l-Irlanda) stabbilit mill-Irlanda, peress li tnejn mill-ħames membri tiegħu għandhom ukoll responsabbiltajiet regolatorji u eżekuttivi ġenerali relatati mas-siġurtà marittima ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera Irlandiża u mal-ispezzjonijiet dwar is-sigurtà fl-ibħra Irlandiżi.

____________

1     ĠU 2009, L 131, p. 114.