Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 7 de Orense (Spanja) fid-29 ta’ Marzu 2019 – UP vs Banco Pastor S.A.U.

(Kawża C-268/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia nº 7 de Orense

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UP

Konvenut: Banco Pastor S.A.U.

Domandi preliminari

L-effett tal-fatt li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 1 ma jorbotx lill-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-validità ta’ ftehim li jemenda klawżola inġusta konkluża bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur f’kuntest fejn (a) fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim il-klawżola inġusta ma ġietx iddikjarata nulla, la ġie rrikonoxxut in-nuqqas ta’ validità tagħha, u l-konsumatur lanqas ma ġie informat bil-possibbiltà li n-natura inġusta tal-istess klawżola tista’ tiġi eventwalment iddikjarata, u fejn (b) l-imsemmi ftehim li jemenda ma huwiex ta’ natura tranżazzjonali? F’tali sitwazzjoni, għall-validità tal-imsemmi ftehim huwa rilevanti li l-konsumatur ikun innegozja l-kontenut tal-emenda?

L-Artikoli 3(1) u 4 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li klawżola stabbilita permezz ta’ ftehim konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li permezz tiegħu tiġi emendata klawżola inġusta preċedenti tirrikjedi, sabiex titqies li hija trasparenti, li l-konsumatur ikun ġie informat, meta jiġi konkluż il-ftehim li jemenda, dwar in-natura inġusta tal-klawżola oriġinali jew, jekk ikun il-każ, dwar il-possibbiltà li l-imsemmija natura inġusta tkun tista’ tiġi kkonstatata? F’dan ir-rigward, il-fatt li l-klawżola l-ġdida tkun ġiet innegozjata individwalment jeskludi fi kwalunkwe każ il-verifika tan-natura inġusta tal-istess klawżola?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).