Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción nº 6 de Ceuta (Spanja) fis-27 ta’ Marzu 2019 – LG u PK vs Banco Bilbao Vizcaya Argentaria S.A.

(Kawża C-259/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia e Instrucción nº 6 de Ceuta

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: LG u PK

Konvenuta: Banco Bilbao Vizcaya Argentaria S.A.

Domanda preliminari

Sabiex tkun iggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplimentaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar li t-Tribunal Supremo (Il-Qorti Suprema, Spanja) stabbilixxiet bħala kriterju mhux ekwivoku, fis-sentenzi tagħha Nri 44 sa 49 tat-23 ta’ Jannar 2019, in-natura inġusta, fil-kuntratti ta’ self li jinkludu garanzija ipotekarja konklużi ma’ konsumaturi, ta’ klawżola mhux innegozzjata li tipprevedi li l-ispejjeż relatati mal-ħolqien tat-tranżazzjoni ta’ self ipotekarju għandhom jitħallsu minn min jissellef u qassmet ir-responsabbiltà għad-diversi spejjeż li jinsabu f’din il-klawżola inġusta li n-nullità tagħha ġiet ikkonstatata bejn l-istabbiliment bankarju li daħħal il-klawżola u l-konsumatur li jissellef, sabiex tiġi llimitata r-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?

Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplimentaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar il-fatt li t-Tribunal Supremo (Il-Qorti Suprema, Spanja) tagħmel interpretazzjoni inklużiva ta’ klawżola nulla minħabba n-natura inġusta tagħha, meta t-tħassir ta’ din il-klawżola u l-effetti ta’ dan it-tħassir ma jipprekludux iż-żamma fis-seħħ tal-kuntratt ta’ self b’garanzija bankarja?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.