Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Trgovački sud u Zagrebu (il-Kroazja) fit-28 ta’ Marzu 2019 – PARKING d.o.o. vs SAWAL d.o.o.

(Kawża C-267/19)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Trgovački sud u Zagrebu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PARKING d.o.o.

Konvenuta: SAWAL d.o.o.

Domandi preliminari

Dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 1 tal-Ovršni zakon (il-Liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, ippubblikata fin-Narodne novine Nri 112/12, 25/13, 93/14, 55/16 u 73/17), li tagħti s-setgħa lin-nutara sabiex jipproċedu bl-irkupru forzat ta’ djun abbażi ta’ dokument awtentiku billi tinħareġ ordni ta’ infurzar, bħala titolu eżekuttiv, mingħajr kunsens espliċitu tal-persuna ġuridika debitriċi stabbilita fir-Repubblika tal-Kroazja, hija konformi mal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Artikolu 18 TFUE, fid-dawl tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-484/15 u C-551/15?

L-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C-484/15, EU:C:2017:199), u Pula Parking (C-551/15, EU:C:2017:193), tista’ tiġi applikata għall-Kawża Povrv-1614/2018 esposta iktar ’il fuq, li din il-qorti hija adita biha, u, b’mod iktar partikolari, ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi li huma mogħtija lilhom bid-dritt nazzjonali fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, li fihom il-konvenuti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-imsemmi regolament?

____________