Language of document : ECLI:EU:F:2011:100

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-88/10

Marc Van Asbroeck

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fi grad intermedjarju — Talba għal eżami mill-ġdid — Fatt ġdid sostanzjali — Assenza — Rikors manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Van Asbroeck jitlob prinċipalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu, retroattivament mill-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad intermedjarju D*4, skala 8, u l-kostituzzjoni mill-ġdid tal-karriera tiegħu, u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensah għad-dannu finanzjarju allegatament subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Dekadenza — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid u sostanzjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata mid-destinatarju tagħha fit-termini previsti ssir finali fil-konfront tiegħu. Madankollu, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret finali. Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjuta li jsir eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret finali għandu jiġi ddikjarat ammissibbli jekk jidher li t-talba kienet effettivament ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali. Min-naħa l-oħra, jekk jidher li t-talba ma kinitx ibbażata fuq tali fatti, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jsir l-eżami mill-ġdid mitlub għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Uffiċjal li ma kkontestax, fit-termini previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad intermedjarju ma jistax validament iressaq talba għal eżami mill-ġdid sempliċement minħabba li l-komunikazzjoni tar-rendikont tas-salarju tiegħu ippermettietlu jikkonstata għall-ewwel darba l-effetti tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta’ allowance kumpensatorja favur uffiċjali li bidlu l-kategorija qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Madankollu, anki jekk jitqies li din id-deċiżjoni hija illegali, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala fatt ġdid u sostanzjali li kien ta’ natura li jiġġustifika eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad intermedjarju, peress li d-deċiżjoni inkwistjoni llimitat ruħha li tistabbilixxi r-regoli għall-kalkolu tal-allowance għall-bdil fil-kategorija. L-adozzjoni, min-naħa ta’ istituzzjoni oħra għajr dik li timpjega lill-uffiċjal, ta’ deċiżjoni li ċerti uffiċjali jiġu kklassifikati mill-ġdid, lanqas ma tista’ tikkostitwixxi fatt ġdid u sostanzjali peress li din id-deċiżjoni ma tikkonċernax lill-uffiċjal inkwistjoni direttament.

(ara l-punti 43 sa 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Settembru 1985, Valentini vs Il‑Kummissjoni, 231/84, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, punti 47 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata; 16 ta’ Settembru 2009, Boudova et vs Il‑Kummissjoni, T‑271/08 P, punt 48