Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-30 ta’ April 2020 – JG, b’MI u LH bħala rappreżentanti legali, et vs OP, bħala amministratur tal-insolvenza ta’ Azurair GmbH

(Kawża C-188/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: JG, LH, MI u NJ, b’MI u LH bħala rappreżentanti legali

Konvenuta: OP, bħala amministratur tal-insolvenza ta’Azurair GmbH

Intervenjenti: alltours flugreisen gmbh

Domandi preliminari

Passiġġier ikollu “riżervazzjoni kkonfermata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 meta jkun irċieva minn operatur tat-tour, li jkun marbut kuntrattwalment miegħu, “prova oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li jkun fiha wiegħda dwar titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, mingħajr ma l-operatur tat-tour ma jkun għamel fil-fatt riżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mingħajr ma jkun irċieva konferma mingħand dan tal-aħħar?

Sabiex trasportatur tal-ajru jitqies li huwa “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-konfront ta’ passiġġier, huwa biżżejjed li dan il-passiġġier ikun marbut kuntrattwalment ma’ operatur tat-tour, li jkun wiegħed li jittrasporta lill-passiġġier fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, f’sitwazzjoni fejn l-operatur tat-tour ma jkunx għamel riżervazzjoni għall-passiġġier u għalhekk ma jkunx stabbilixxa relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru fir-rigward ta’ din it-titjira?

Il-“ħin oriġinali tal-wasla” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jirriżulta, għall-finijiet tal-kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil, minn “prova oħra” li tkun ġiet ikkomunikata minn operatur tat-tour lil passiġġier jew f’dan ir-rigward għandu jitqies bħala ġustifikazzjoni l-biljett, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004?

Ikun hemm kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jibdel il-ħin tat-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivjaġġar billi jressqu għal minn tal-inqas sagħtejn u għaxar minuti iktar kmieni fl-istess jum?

It-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, konformement mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, meta l-ħin il-ġdid tat-titjira jkun jinsab fil-limiti previsti f’din id-dispożizzjoni?

L-informazzjoni mogħtija qabel jibda l-vjaġġ dwar il-fatt li t-titjira ser titlaq iktar kmieni tikkostitwixxi offerta ta’ rotta ġdida fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004?

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jobbliga lit-trasportatur tal-ajru li jopera jinforma lill-passiġġier bl-isem preċiż tal-impriża u bl-indirizz tagħha fejn ikun jista’ jitlob il-kumpens ikkalkolat fuq il-bażi tad-distanza, kif ukoll bl-ammont preċiż tiegħu, u, jekk ikun il-każ, jispeċifika liema huma d-dokumenti li l-passiġġier għandu jannetti mat-talba tiegħu?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.