Language of document : ECLI:EU:C:2016:884

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C469/15 P

FSL Holdings et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji (Artikolu 101 TFUE) – Suq tal-banana Ewropew – Akkordju tal-banana tal-Ewropa tan-Nofsinhar (Italja, Greċja, Portugall) – Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-prezz – Ammissibbiltà tal-provi – Projbizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ provi – Sejbiet b’kumbinazzjoni – Kooperazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali – Komunikazzjoni ta’ provi minn awtoritajiet nazzjonali li ma humiex awtoritajiet tal-kompetizzjoni – Drittijiet tad-difiża – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Klemenza – Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”





I –    Introduzzjoni

1.        Fi proċedura fil-qasam tal-akkordji, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tuża provi li kienu kkomunikati lilha bħala sejba b’kumbinazzjoni minn awtorità fiskali nazzjonali? Essenzjalment, din hija l-kwistjoni ta’ liġi li dwarha għandha tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura tal-appell.

2.        Din il-kwistjoni titqajjem fil-kuntest tal-“akkordju tal-banana” tal-Ewropa tan-Nofsinhar li ġie skopert ftit tas-snin ilu (2). F’dan l-akkordju kienu involuti l-gruppi Chiquita u Pacific. F’dan ir-rigward, fl-2007, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni, mingħand il-pulizija finanzjarja Taljana (3), li kienet toriġina minn proċedura kriminali tat-taxxa. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, kien fuq din l-informazzjoni li, sussegwentement, il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2011 (4) sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u timponi multa li tammonta għal miljuni fuq tliet kumpanniji tal-grupp Pacific, preċiżament kontra FSL Holdings (FSL), il-kumpannija Léon Van Parys (LVP) u Pacific Fruit Company Italy SpA (PCFI) (5).

3.        Rikors għal annullament, ippreżentat kontriha mit-tliet kumpanniji ġie deċiż b’suċċess parzjali biss fl-ewwel istanza. Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2015 (6), il-Qorti Ġenerali ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħhom. Issa FSL, LVP u PCFI qegħdin jissoktaw bl-azzjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

4.        Il-possibbiltà tal-użu ta’ informazzjoni u provi, li l-Kummissjoni tkun irċeviet mingħand awtoritajiet nazzjonali, tikkonċerna komponent ċentrali tas-sistema modernizzata għall-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji, li kienet ġiet introdotta permezz tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (7). Konsegwentement, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti ser twitti t-triq għall-kooperazzjoni futura bejn l-awtoritajiet fil-livell tal-Unjoni u dawk fil-livell nazzjonali, kemm għall-awtoritajiet tal-akkordji kif ukoll għall-korpi amministrattivi li huma attivi f’oqsma oħrajn.

5.        Barra minn hekk, fil-każ preżenti huma kkonċernati xi kwistjonijiet ta’ rutina f’konnessjoni mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

II – Il-kuntest ġuridiku

6.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa stabbilit mill-Artikolu 101 TFUE u mir-Regolament Nru 1/2003.

7.        Fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 hija inkluża d-dispożizzjoni li ġejja taħt it-titolu “Skambju ta’ informazzjoni”:

“1.      Bil-għan li jiġu applikati [l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE,] il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa jkollhom s-setgħa li jipprovdu lil xulxin u jużaw bħala evidenza kwalunkwe fatt jew liġi, incluż informazzjoni konfidenzali.

2.      L-informazzjoni skambjata ħa tintuża biss bħala evidenza għall-għan li jiġi applikat [l-Artikolu 101 TFUE jew 102 TFUE] u b’rispett għas-suġġett li għalih inġabar mil-awtorità trasmettenti. Madankollu, fejn liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni hi applikata fl-istess każ u paralel mal-liġi tal-kompetizzjoni Komunità u ma twassalx għar-riżultat differenti, informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu jista jiġi intużat għall-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni.

3.      Informazzjoni skambjata skond paragrafu 1 tista’ tiġi intużata biss bħala evidenza biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq persuni naturali fejn:

–        il-liġi ta’ l-awtorità trasmettenti tipprevedi sanzjonijijet ta’ tip simili f’relazzjoni għal ksur [tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE] jew, fl-assenza tiegħu,

–        l-informazzjoni ġiet miġbura b’mod li tirrispetta l-istess livell ta’ protezzjoni tad-dritt għad-difiża tal-persuni naturali kif prevista taħt ir-regoli nazzjonali ta’ l-awtorità riċevitriċi. Madankollu, f’dan il-każ, l-informazzjoni skambjata ma tistax tiġi użata mil-awtorità riċevitriċi biex timponi sanzjonijiet kustodjali.”

8.        Fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1/2003 hemm dawn l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 12:

“Minkejja xi disposizzjonijiet nazzjonali għal kontrarju, l-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-użu ta din l-informazzjoni bħala evidenza għandu jiġi permess bejn il-membri [tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni] anki jekk l-informazzjoni hija kunfidenżjali. Din l-informazzjoni tista tiġi użata għall-applikazzjoni [tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE] kif ukoll għall-applikazzjoni parallela tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, iżda din l-applikazzjoni ta’ l-aħħar tirrelata għall-istess każ u ma twassalx għall-istess riżultat. Meta l-infromazzjoni skambjata tiġi użata mil-awtorità riċevitriċi biex timponi sanzjonijiet fuq l-impriża, ma għandu jkun hemm l-ebda limitu fuq l-użu ta’ l-informazzjoni ħlief l-obligu li jintuża għall-iskopijiet li għalihom ġiet migbura minkejja għall-fatt li s-sanzjonijiet imposti fuq l-impriża huma kollha ta’ l-istess tip f’kull sistema. Id-dritt għad-difiża li minnhu tgawdi l-impriża f’diversi sistemi jistgħu jiġu kunsidrati bħala suffiċentament ekwivalenti. Madankollu, b’rigward persuna naturali, dawn jistgħu ikun suġġetti għal ammont sostanżjali ta’ tipi differenti ta’ sanzjonijiet tul sistemi varji. Fejn dan hu l-każ, ikun neċċessarju li tiżgura l-infromazzjoni tkun tista tintuża biss jekk tkun miġbura b’mod li jirripetta l-istess livell ta’ proteżjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuni naturali kif prevista taħt il-liġijiet nazzjonali ta’ l-awtorità riċevitriċi.”

9.        Barra minn hekk għandha ssir referenza għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa mfassal kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 u 15, l-informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 17 sa 22 ser jiġu wżati biss għall-għan li għalih ġie akwistat.”

10.      Finalment, taħt it-titolu “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

11.      Il-grupp Pacific jikkummerċjalizza l-banana taħt it-trade mark Bonita. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, Pacific, flimkien ma’ Chiquita, wettaq ksur tad-dritt fil-qasam tal-akkordji skont l-Artikolu 101 TFUE fis-suq tal-banana tal-Ewropa tan-Nofsinhar, b’mod iżjed speċifiku fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall.

A –    Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

12.      Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni rċeviet kopji ta’ rekords personali, mingħand il-pulizija finanzjarja Taljana, ta’ impjegat ta’ Pacific, li kienu nstabu waqt tfittxija fid-dar privata tiegħu u fl-uffiċċju tiegħu fl-Italja, fil-kuntest ta’ investigazzjoni nazzjonali kriminali tat-taxxa (8).

13.      Iktar tard, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet sussegwenti ta’ importaturi tal-banana fl-Italja u Spanja. Barra minn hekk, indirizzat talbiet għal informazzjoni lill-impriżi involuti, lil klijenti u lil parteċipanti oħrajn fis-suq, li fihom talbet mill-ġdid informazzjoni partikolari li kienet diġà inkluża fil-fajl dwar l-akkordju tal-banana tat-Tramuntana tal-Ewropa (9).

14.      Wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-għoti tal-aċċess għall-fajl u s-smigħ tal-impriżi involuti, fit-12 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

15.      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li, f’perijodu speċifikat, bejn l-2004 u l-2005, il-parteċipanti fl-akkordju kkoordinaw l-istrateġija tal-prezz tagħhom fil-Ġreċja, fl-Italja u fil-Portugall fir-rigward tal-prezzijiet futuri, tal-livell tal-prezzijiet u tal-varjazzjonijiet u/jew tat-tendenzi fil-prezzijiet u skambjaw ukoll informazzjoni dwar l-aġir futur fis-suq f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet (10). Din l-imġiba kienet parti minn sistema komprensiva bl-għan li jiġu stabbiliti l-linji ta’ azzjoni tagħhom fis-suq u li jkun limitat l-aġir kummerċjali individwali tagħhom; b’dan il-mod huma kellhom il-ħsieb li jsegwu għan antikompetittiv identiku u għan ekonomiku uniku, jiġifieri, li jillimitaw jew jikkawżaw distorsjoni tal-moviment normali tal-prezzijiet fis-settur tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall u jiskambjaw informazzjoni dwar dan is-suġġett (11).

16.      Skont il-Kummissjoni, il-fatti inkwistjoni jikkostitwixxu ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE fis-sens li l-impriżi kkonċernati espliċitament ftiehmu fuq ċertu aġir fis-suq, sabiex b’mod konxju jeliminaw ir-riskji tal-kompetizzjoni permezz ta’ kooperazzjoni prattika bejniethom. Anki jekk ma jintweriex li l-partijiet qablu espliċitament fuq pjan komuni li jikkostitwixxi ftehim, fil-fehma tal-Kummissjoni xorta waħda hemm prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, filwaqt li l-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet influwenzaw l-aġir tagħhom fl-iffissar tal-prezzijiet tal-banana għall-Ewropa tan-Nofsinhar (12).

17.      Minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 8 919 miljun li għandha titħallas in solidum minn FSL, LVP u PFCI. Min-naħa l-oħra, il-multa imposta fuq Chiquita kienet stabbilita għal żero filwaqt li kienet applikata l-klemenza (13).

B –    Il-proċedura fl-ewwel istanza

18.      Fit-22 ta’ Diċembru 2011, FSL, LVP u PFCI flimkien ippreżentaw rikors għal annullament fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

19.      Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata parzjalment u naqqset il-multa bi kważi kwart għal EUR 6 689 miljun u qassmet ukoll l-ispejjeż.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Permezz ta’ att tal-4 ta’ Settembru 2015, l-appellanti ressqu flimkien l-appell preżenti kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali.

21.      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali minħabba l-użu ta’ provi miksuba bi ksur totali tal-proċedura prevista għall-istabbiliment tagħhom u minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju sħiħ tal-multa imposta fuq l-appellanti u, konsegwentement, tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-multa imposta fuq l-appellanti permezz tas-sentenza appellata;

–        iktar sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx validament li l-ksur kellu bħala għan jew effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u għaldaqstant, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali.

22.      Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura.

23.      Il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja saret kompletament bil-miktub.

V –    Analiżi

24.      Fl-appell tagħhom, FSL, LVP u PFCI ma jerġgħux iqajmu l-kwistjonijiet kollha li kienu s-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza. Għall-kuntrarju, id-dibattitu legali fl-appell issa huwa limitat biss għal kwistjonijiet magħżulin. F’dan ir-rigward, l-appellanti jibbażaw fuq erba’ aggravji, l-ewwel wieħed dwar l-applikabbiltà tal-provi kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A hawn taħt), it-tieni wieħed dwar l-applikazzjoni tal-klemenza (ara t-Taqsima B iktar ’l isfel), it-tielet wieħed dwar il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-multa (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C iktar ’l isfel), u r-raba’ wieħed dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, fl-aħħar, it-Taqsima D).

A –    Fuq l-applikabbiltà tal-provi kkomunikati mill-awtoritajiet fiskali Taljani (l-ewwel aggravju)

25.      L-interess prinċipali fil-każ preżenti jinsab fl-ewwel aggravju, li jittratta l-applikabbiltà tal-provi li kienu kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana lill-Kummissjoni. Fil-fehma tal-appellanti, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel użu mir-rekords personali ta’ impjegat ta’ Pacific, li kienu ġew issekwestrati mill-pulizija finanzjarja Taljana fil-kuntest tat-tfittxija fid-dar privata tiegħu waqt investigazzjoni kriminali tat-taxxa, bħala prova għall-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fil-qasam tal-akkordji fi proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 TFUE u fuq ir-Regolament Nru 1/2003.

26.      Hawnhekk, l-appellanti, essenzjalment, jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li fil-punti 66 sa 99 tas-sentenza appellata ma rrikonoxxietx id-dritt tad-difiża kif ukoll li injorat rekwiżiti proċedurali fundamentali – b’mod partikolari l-evalwazzjonijiet leġiżlattivi espressi fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, huma tal-fehma li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi.

27.      Sussegwentement ser nindirizza kull wieħed minn dawn it-tliet aspetti f’taqsima separata, filwaqt li nqis xieraq li l-ilmenti mressqa mill-appellanti jkunu miġbura skont is-suġġett tagħhom u eżaminati f’sekwenza differenti.

1.      Fuq l- allegata eżistenza ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-użu ta’ provi

28.      L-element ċentrali tal-attakki tal-appellanti kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali huwa l-argument li fil-livell tal-Unjoni ma tista’ tiġi aċċettata l-ebda prova li tkun inkisbet “bi ksur totali tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati” u għaldaqstant ma jistax isir użu minnha.

29.      Madankollu, f’dak li fl-ewwel lok jirrigwarda l-ksur allegat tad-drittijiet fundamentali, l-appellanti fl-ebda punt ma jispjegaw iktar fid-dettall minn xiex jikkonsisti eżattament dan il-ksur fil-każ preżenti, kemm jekk fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali (14). Għaldaqstant, f’dan il-punt l-argument tal-appellanti huwa wisq ġenerali u vag sabiex ikun jista’ jiġi evalwat legalment (15).

30.      Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ applikabbiltà allegata tal-provi kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana lill-Kummissjoni, l-argument tal-appellanti jagħti l-opportunità sabiex isiru xi rimarki li jservu sabiex jiċċaraw taħt liema ċirkustanzi għandha tiġi preżunta projbizzjoni fir-rigward tal-użu ta’ provi fi proċeduri dwar ksur tad-dritt fil-qasam tal-akkordji.

31.      Il-punt tat-tluq tal-kunsiderazzjonijiet għandu jkun li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fil-qasam tal-akkordji tista’ tiġi pprovata permezz ta’ kull prova adattata. Id-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix prinċipju ġenerali skont liema l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jibbażaw ruħhom fuq ċerti provi biss jew jagħmlu użu biss minn provi li joriġinaw minn ċerti sorsi.

32.      Għall-kuntrarju, il-firxa tal-provi possibbli għall-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fil-qasam tal-akkordji hija pjuttost wiesgħa. B’dan il-mod huwa rrikonoxxut, fil-ġurisprudenza, li l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, trid tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (16). Dan japplika iktar u iktar fl-akkordji li, minħabba n-natura tagħhom, huma mfasslin sabiex iħarsu l-kunfidenzjalità, u li fil-każ tagħhom ir-rekords tal-partijiet interessati regolarment huma limitati għal livell minimu (17).

33.      Fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi rispettivi, japplika l-prinċipju tal-evalwazzjoni ħielsa tal-provi, filwaqt li l-uniku kriterju għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (18).

34.      Huwa b’mod eċċezzjonali biss li jeżistu projbizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ provi li jipprekludu l-użu ta’ prova individwali sabiex jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew 102 TFUE. Minn naħa, tali projbizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq iċ-ċirkustanza li prova tkun inkisbet bi ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali essenzjali intiżi għall-protezzjoni tal-individwi suġġetti għal-liġi (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima a), u, min-naħa l-oħra, fuq iċ-ċirkustanza li prova hija intiża sabiex tintuża għal skop illegali (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima b iktar ’l isfel).

a)      L-ebda ksib ta’ provi min-naħa tal-Kummissjoni bi ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali essenzjali

35.      Fl-ewwel lok, l-appellanti qegħdin jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kellha tistħarreġ jekk il-Kummissjoni kisbitx il-provi li joriġinaw mill-proċedura kriminali nazzjonali dwar reati fiskali b’mod legali.

36.      Bħala prinċipju, il-legalità tal-ġbir ta’ provi permezz tal-qrati nazzjonali u tat-trasferiment lill-Kummissjoni ta’ għarfien, miksub skont id-dritt nazzjonali, għandha tiġi evalwata skont id-dritt nazzjonali; barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ta’ att magħmul minn awtorità nazzjonali (19). Il-Qorti Ġenerali rreferiet ġustament għal dan (20).

37.      Naturalment dan ma jfissirx li l-Kummissjoni jew il-qrati tal-Unjoni jistgħu, fi proċedura dwar ksur tad-dritt dwar l-akkordji, jużaw xjentement provi li b’mod evidenti jkunu nkisbu bi ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali essenzjali. Il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma b’mod partikolari d-dritt għal amministrazzjoni tajba [Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u d-dritt għal proċedura ġudizzjarja imparzjali [Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali], jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mill-inqas iwettqu verifika sommarja abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali li jkunu jafu dwarhom (21).

38.      Għaldaqstant, fil-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni trid taċċerta ruħha li, skont l-indikazzjonijiet kollha li jinsabu quddiemha, il-prova inkwistjoni la nġabret illegalment mill-awtoritajiet nazzjonali u lanqas ma kienet mgħoddija lill-Kummissjoni b’mod illegali. U anki l-Qorti Ġenerali trid twettaq tali kontroll tal-evidenza sa fejn fil-proċedura fl-ewwel istanza jitressqu lmenti korrispondenti (22).

39.      Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali, bħalma ġralha qabel il-Kummissjoni, kellha quddiemha partikolarment żewġ indizji li jixhdu l-legalità tal-komunikazzjoni tal-provi mill-pulizija finanzjarja Taljana lill-Kummissjoni. Minn naħa, l-ebda qorti Taljana ma kienet ipprojbixxiet il-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi (23). Min-naħa l-oħra, il-provi inkwistjoni li oriġinaw mill-proċedura kriminali nazzjonali dwar reati fiskali, kienu mgħoddija lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-prosekutur Taljan kompetenti (24).

40.      L-appellanti ma jressqu xejn li jkun jista’ jservi sabiex idgħajjef il-legalità tal-konstatazzjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jew li jista’ jqajjem dubji dwar il-legalità tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi. Fil-proċedura tal-appell dawn saħansitra qegħdin jammettu espressament li ma teżisti l-ebda sentenza tal-qorti Taljana li tqis il-komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala illegali, għalkemm, skont l-istqarrijiet tagħhom stess, huma għamlu l-isforzi kollha sabiex “jipproteġu d-drittijiet tagħhom fil-livell nazzjonali”.

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Qorti Ġenerali ma tistax tkun akkużata li hija bbażat ruħha fuq provi li l-Kummissjoni kienet kisbet illegalment u li għaldaqstant għandhom ikunu suġġetti għal projbizzjoni fir-rigward tal-użu.

b)      L-ebda użu tal-provi għal għan illegali

42.      Għandu jingħad ukoll li l-argument tal-appellanti jisħaq li l-provi li kienu kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana, li joriġinaw minn proċeduri kriminali tat-taxxa, ma setgħux jintużaw fi proċedura fil-qasam tal-akkordji bl-għan li jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

43.      L-appellanti jargumentaw, essenzjalment, dwar l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Huma jridu li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala espressjoni ta’ prinċipju ġenerali, li jipprovdi li l-provi kollha li jiġu skambjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu intiżi għal skop definit. Fil-fehma tal-appellanti, sabiex tingħata prova ta’ prattika antikompetittiva skont l-Artikolu 101 TFUE jew l-Artikolu 102 TFUE, jistgħu jiġu skambjati biss dawk il-provi li jinġabru proprju għal dan l-għan.

44.      Madankollu, anki dan l-argument ftit huwa konvinċenti.

45.      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 isegwi għan partikolari: permezz ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun iffaċilitata u promossa l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, jiġifieri bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni u dawk fil-livell nazzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 12 jordna espressament li l-provi skambjati bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jintużaw awtomatikament fi proċeduri fil-qasam tal-akkordji, kull darba taħt il-kundizzjonijiet elenkati fid-dettall f’dan l-artikolu.

46.      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż bil-maqlub li lil hinn min-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni l-iskambju tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tal-provi minn awtorità għal oħra jkunu inammissibbli. Perspettiva daqshekk restrittiva tispiċċa tikkontradixxi l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Fl-istess waqt, din tikkawża diffikultà eċċessiva fir-rigward tal-possibbiltajiet għall-produzzjoni tal-provi disponibbli għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fi proċeduri fil-qasam tal-akkordji (25). Finalment, b’dan il-mod ikun imxekkel għan fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tas-suq intern Ewropew (26).

47.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003, invokat mill-appellanti, ma huwiex espressjoni ta’ ħsieb legali ġenerali skont liema, fi proċeduri fil-qasam tal-akkordji, dejjem jistgħu jintużaw biss dawk il-provi li jkunu nġabru minn qabel għal skopijiet relatati mad-dritt fil-qasam tal-akkordji. Huwa minnu li l-provi – anki jekk dawn ikunu nġabru b’mod li huwa għalkollox legali – qatt ma jistgħu jintużaw għal għan illegali. Għaldaqstant, provi li jsir użu minnhom għal għan illegali huma suġġetti, f’dan ir-rigward, għal projbizzjoni fir-rigward tal-użu ta’ provi. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li provi li jkunu nġabru għal għan lil hinn mill-qasam tal-kompetizzjoni (pereżempju fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali fiskali), qatt ma jistgħu jintużaw għal għan relatat mad-dritt tal-kompetizzjoni (jiġifieri fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji skont l-Artikolu 101 TFUE, bħal dik inkwistjoni). Konsegwentement, il-qrati tal-Unjoni diġà rrikonoxxew li l-provi minn proċedura kriminali nazzjonali jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni fi proċedura fil-qasam tal-akkordji (27).

48.      Huwa biss jekk il-leġiżlatur – fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali – jipprevedi, espressament, għan partikolari għal ċerti provi, li l-użu mill-ġdid tagħhom għal għanijiet oħrajn, għajr dak li għalih inġabru oriġinarjament, ikun suġġett għal projbizzjoni. Dan huwa l-każ partikolarment skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-provi miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji mmexxija minnha u, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-istess japplika għall-provi skambjati bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ewropej.

49.      Madankollu, tali regoli speċjali u l-ġurisprudenza f’dan ir-rigward (28) ma jistgħux jiġu ġġeneralizzati b’tali mod li fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji, immexxija minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ewropej, qatt ma jistgħu jintużaw provi oħrajn għajr dawk li kienu nġabru għal għanijiet speċifiċi relatati mad-dritt fil-qasam tal-akkordji. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 12(2) u 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom sempliċement iħarsu lill-impriżi milli jerġgħu jinġiebu kontrihom, fi proċeduri oħrajn sussegwenti, il-provi miġbura minn awtorità tal-kompetizzjoni fi proċedura tal-kompetizzjoni – jew saħansitra d-dettalji pprovduti minnhom b’mod volontarju f’tali proċedura amministrattiva, pereżempju permezz ta’ talba għal klemenza – li fihom japplikaw possibbilment standards proċedurali iktar stretti, b’mod partikolari f’ċerti proċeduri ġudizzjarji li jinsabu fil-“qalba” tad-dritt kriminali.

50.      Madankollu, fil-każ preżenti ma teżisti l-ebda indikazzjoni li b’mod speċjali l-istandards proċedurali applikabbli fil-proċedura kriminali Taljana dwar reati fiskali, li l-pulizija finanzjarja għandha tosserva, huma iktar laxki minn dawk li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fil-proċedura fil-qasam tal-akkordji. Għalhekk, ma teżistix sitwazzjoni komparabbli għall-Artikolu 12(2) jew għall-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

51.      Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, ma jistax jiġi preżunt li l-provi, li kienu kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana fil-proċedura fil-qasam tal-akkordji tal-Kummissjoni inkwistjoni, intużaw illegalment, b’tali mod li li tista’ tkun iġġustifikata l-preżunzjoni ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-użu ta’ provi.

2.      Fuq il-ksur allegat tad-dritt tad-difiża

52.      F’diversi partijiet tat-tieni aggravju, l-appellanti, barra minn hekk, qegħdin jinsistu li l-Qorti Ġenerali injorat id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Issa ser nittratta dawn l-ilmenti fil-qosor.

53.      Minn naħa, l-appellanti jilmentaw li kienu nnotifikati dwar dan il-proċess biss wara li għadda żmien pjuttost twil minn meta l-pulizija finanzjarja Taljana kkomunikat il-provi lill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, huma jilmentaw li l-Kummissjoni qatt ma kienet ser tibda proċedura dwar l-akkordju tal-banana tal-Ewropa tan-Nofsinhar li kieku l-pulizija finanzjarja Taljana ma kinitx ikkomunikatilha r-rekords personali inkwistjoni ta’ impjegat ta’ Pacific, li fl-istess waqt servew bħala impetu għal investigazzjonijiet ulterjuri.

54.      Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti mressqa mill-appellanti ma jindika xi tip ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

55.      Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (29). Fil-frattemp dawn ingħataw ukoll importanza primarja fl-Artikoli 41(2) u 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

56.      Iżda, b’differenza għal dak li jidhru li qed ifissru l-appellanti, id-drittijiet tad-difiża ma jipprovdux protezzjoni mill-ftuħ ta’ proċedura, min-naħa tal-Kummissjoni, minħabba ksur allegat tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, li fil-kuntest tagħha din tagħmel użu minn provi li kienu kkomunikati lilha minn awtoritajiet nazzjonali barra n-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni. Mid-drittijiet tad-difiża jirriżultaw sempliċement ċerti garanziji proċedurali li l-Kummissjoni trid tosserva waqt l-implementazzjoni ta’ din il-proċedura u li l-ksur tagħhom iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali tagħha.

57.      Il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi partikolarment li l-impriżi kkonċernati jingħataw l-opportunità sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet. Irid ikollhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet rilevanti tagħhom dwar l-eżistenza u dwar ir-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi msemmija mill-Kummissjoni kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (30) [ara wkoll l-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

58.      Ma huwiex ikkontestat li, fil-każ preżenti, l-appellanti ngħataw aċċess għall-provi kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana kif ukoll opportunità sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dawn il-provi. Huma jilmentaw sempliċement li, fil-proċedura amministrattiva, ingħataw din il-possibbiltà tard wisq.

59.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-proċedura amministrattiva hija suddiviża f’żewġ stadji (31), filwaqt li l-aċċess għall-fajls u s-smigħ għandhom bħala prinċipju jingħataw biss wara li jintemmu l-investigazzjonijiet preliminari, u dan proprju meta l-Kummissjoni tikkomunika l-oġġezzjonijiet lill-impriżi kkonċernati (32). L-għoti ta’ informazzjoni lill-impriżi kkonċernati fi stadju iktar bikri jista’ jikkawża diffikultà eċċessiva għall-attivitajiet investigattivi tal-Kummissjoni, u jeżisti l-perikolu li l-provi jiġu moħbija (33).

60.      Ċertament il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb ukoll, waqt l-investigazzjoni minn qabel tagħha – jiġifieri minn qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati ma humiex ippreġudikati (34).

61.      Madankollu, l-appellanti ma ssottomettew l-ebda evidenza speċifika li tista’ tindika li fil-każ preżenti l-Kummissjoni kellha d-dmir li tħares il-possibbiltajiet ta’ difiża ta’ FSL, LVP u PFCI, li tinforma lil dawn immedjatament – u għaldaqstant ħafna qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – dwar il-provi li kienu kkomunikati lilha mill-pulizija finanzjarja Taljana kif ukoll li tikseb l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar is-sitwazzjoni (35). L-appellanti saħansitra wisq inqas urew li s-sempliċi użu tal-provi, li kienu kkomunikati mill-pulizija finanzjarja Taljana, fih innifsu diġà seta’ jwassal sabiex jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għal dak li jirrigwarda l-ilment li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ġew “ippreġudikati b’mod irreparabbli”, hija kkonċernata sempliċement allegazzjoni pjuttost vaga, li ma hemm xejn li jsostniha.

62.      Fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li dan l-argument tal-appellanti fir-realtà huwa dirett lejn il-fatt li l-Kummissjoni lanqas biss setgħet tuża l-provi kkomunikati lilha mill-pulizija finanzjarja Taljana bħala punt tat-tluq fi proċedura fil-qasam tal-akkordji u bħala opportunità għal investigazzjonijiet proprji ulterjuri. Madankollu, il-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita (36), għandha proprju din il-possibbiltà, u din hija ta’ importanza essenzjali għall-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tas-suq intern Ewropew.

63.      F’dan il-kuntest il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża (37).

3.      Fuq l-allegat żnaturament tal-provi min-naħa tal-Qorti Ġenerali

64.      L-aħħar u mhux l-inqas, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali bi żnaturament tal-provi. Dan l-iżnaturament jinsab, allegatament, fil-fatt li, fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali targumenta li huwa irrilevanti jekk tnejn mill-erba’ paġni tar-rekords personali ta’ impjegat ta’ Pacific ikkontestati kinux ikkomunikati lill-Kummissjoni mill-pulizija finanzjarja Taljana b’mod allegatament illegali.

65.      Hawnhekk għandu jiġi nnotat li jeżisti żnaturament biss meta, mingħajr ma jkun hemm rikors għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun manifestament żbaljata (38). Barra minn hekk, l-appellant irid jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji fl-evalwazzjoni li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (39).

66.      Fil-każ preżenti l-appellanti bl-ebda mod ma qegħdin jargumentaw eżattament liema provi ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali. Huma jikkuntentaw ruħhom bl-allegazzjoni ġenerali ħafna li l-Qorti Ġenerali “żnaturat l-importanza ċara tal-provi”. Barra minn hekk, fl-ebda parti tal-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata ma tinstab il-formulazzjoni, imsemmija mill-appellanti, li ma huwiex rilevanti jekk iż-żewġ paġni inkwistjoni mir-rekords personali ta’ impjegat ta’ Pacific kinux ikkomunikati lill-Kummissjoni b’mod illegali.

67.      Huwa korrett li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li ż-żewġ paġni msemmija tar-rekords tal-impjegat ta’ Pacific “jinsabu fil-proċess ta’ din il-kawża indipendentement mill-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti trażmessi mill-Guardia di Finanza” (40). Iżda b’din id-dikjarazzjoni l-Qorti Ġenerali rreferiet sempliċement għall-fatt li l-Kummissjoni kienet sabet l-istess żewġ paġni anki waqt it-tfittxija tagħha stess fl-istabbilimenti tan-negozju ta’ Pacific fl-Italja. F’dan il-kuntest, anki fil-każ ta’ eżami pjuttost simpatetiku għall-argument tal-appellanti, xorta waħda ma jistax ikun ikkonstatat żnaturament tal-provi.

68.      Finalment, bl-argumenti tagħha fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qiegħda sempliċement twettaq kwalifika legali tal-fatti: hija qiegħda tevalwa l-kawżalità (nieqsa) ta’ żball proċedurali possibbli fil-komunikazzjoni ta’ ċerti provi min-naħa tal-pulizija finanzjarja Taljana lill-Kummissjoni fuq is-segwitu tal-proċedimenti. Dan ma għandu x’jaqsam xejn ma’ żnaturament tal-provi.

4.      Konklużjoni intermedjarja

69.      Bħala konklużjoni, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

B –    Fuq l-applikazzjoni tal-klemenza u fuq l-applikabbiltà tal-provi miksuba f’dan il-kuntest (it-tieni aggravju)

70.      Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment qegħdin jargumentaw li l-informazzjoni pprovduta minn Chiquita fil-proċedura amministrattiva ma setgħetx tintuża bħala prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fil-qasam tal-akkordji. Dan għaliex Chiquita pprovdiet l-informazzjoni msemmija biss fid-dawl tal-istatus tagħha ta’ applikant għal klemenza. Iżda, fil-fehma tal-appellanti, Chiquita kellha tingħata l-istatus ta’ applikant għal klemenza biss fir-rigward tal-akkordju tal-banana tat-Tramuntana tal-Ewropa, u mhux fil-kuntest tal-akkordju tal-banana tal-Ewropa tan-Nofsinhar li jinsab inkwistjoni hawnhekk. Dan ma ġiex irrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali. Skont l-evalwazzjoni tal-appellanti, huwa possibbli li Chiquita ma kinitx ser tipprovdi l-informazzjoni inkriminanti mingħajr l-istatus ta’ applikant għal klemenza.

71.      L-element ċentrali tal-argument tal-appellanti fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju huwa l-allegazzjoni tagħhom li Chiquita ma kinitx ikkooperat suffiċjentement mal-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordju tal-banana tal-Ewropa tan-Nofsinhar sabiex ikun jistħoqqilha tingħata l-istatus ta’ applikant għal klemenza (41).

1.      Ammissibbiltà

72.      Fl-ewwel lok għandha tiġi diskussa l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju.

73.      Minn naħa – bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni – ma jistax jiġi argumentat li huwa kkonċernat ilment kompletament ġdid. Huwa minnu li fil-proċedura fl-ewwel istanza kien hemm domanda oħra li kellha prijorità, jiġifieri dik jekk il-Kummissjoni kinitx abbużat mid-diskrezzjoni tagħha u eżerċitat influwenza illegali fuq Chiquita. Iżda, fi kwalunkwe każ, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali diġà ssemmi l-ħtieġa tal-kooperazzjoni kontinwa u bi prontezza matul il-proċedura amministrattiva sħiħa bħala rekwiżit għall-istatus ta’ applikant għal klemenza (42). Issa, li kieku wieħed iċaħħad lill-appellanti mill-possibbiltà li jikkontestaw b’mod kritiku l-argumenti tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, il-proċedura tal-appell tispiċċa titlef parti mis-sens tagħha (43).

74.      Iżda, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ jekk impriża tkunx ikkooperat suffiċjentement mal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva tappartjeni għall-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, li hija kompitu tal-Qorti Ġenerali biss, u li ma tistax tiddaħħal inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-appell – bla ħsara għal eventwali żnaturament, li hawnhekk ma huwiex qiegħed jiġi invokat (44).

75.      Għaldaqstant, it-tieni aggravju huwa inammissibbli.

2.      Fondatezza

76.      Anki li kieku dak li jkun ried iqis it-tieni aggravju bħala ammissibbli, pereżempju għaliex fil-verità jirreferi għall-kwalifika legali tal-fatti, l-allegazzjoni mqajma mill-appellanti ma tkunx valida mil-lat tal-kontenut. Dan għaliex l-informazzjoni pprovduta minn impriża fil-proċedura amministrattiva u l-provi prodotti minnha ma jsirux inutilizzabbli mill-Kummissjoni sempliċement minħabba li din l-impriża possibbilment tkun ingħatat l-istatus ta’ applikant għal klemenza inġustament.

77.      Għall-kuntrarju, il-motivi bħala tali, li minħabba fihom xhud jiddeċiedi li jikkoopera mal-awtoritajiet, ma għandhom l-ebda impatt fuq il-legalità tal-produzzjoni tal-provi u fuq l-applikabbiltà tal-provi. Jekk xejn, dawn jistgħu jkunu ta’ importanza fl-evalwazzjoni tal-valur tal-istqarrijiet tiegħu u tal-kredibbiltà tagħhom. Iżda dan ma huwiex ikkonċernat fil-każ preżenti.

78.      Konsegwentement, it-tieni aggravju mhux biss huwa inammissibbli, iżda wkoll infondat.

C –    Fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-multa (it-tielet aggravju)

79.      It-tielet aggravju huwa ddedikat għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u essenzjalment jikkontesta l-punti 501 sa 564 tas-sentenza appellata. L-appellanti jilmentaw li fid-dawl tal-multa imposta mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali “wettqet [biss] stħarriġ ġudizzjarju ristrett ħafna” u għaldaqstant ma rrikonoxxietx il-kunċett tal-ġurisdizzjoni sħiħa (Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003) u kisret ukoll l-Artikolu 6 KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minħabba dan, il-Qorti Ġenerali kkalkolat ukoll il-multa b’mod skorrett.

80.      Dan l-aggravju qiegħed jitressaq sussidjarjament. Jiena ser nindirizzah billi l-ewwel u t-tieni aggravju ma jistgħux jintlaqgħu skont l-argumenti tiegħi iktar ’il fuq.

81.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher qed tfisser il-Kummissjoni, dan it-tielet aggravju ma jistax jitqies bħala estensjoni inammissibbli tas-suġġett tal-kawża [Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura]. Dan għaliex fil-punti 501 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indirizzat espressament it-talbiet aċċessorji ta’ FSL, LVP u PFCI għall-kanċellament jew għat-tnaqqis tal-multa. Għall-kuntrarju għall-“kanċellament tal-multa”, it-“tnaqqis tal-multa” jikkonċerna bilfors il-kwistjoni tas-setgħa diskrezzjonali limitata fis-sens tal-Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, il-problema diskussa hawnhekk kienet diġà mfassla fis-suġġett tal-kawża fl-ewwel istanza.

82.      Madankollu, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa min-naħa tal-Qorti Ġenerali fi proċeduri fil-qasam tal-akkordji (Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003) huwa mistħarreġ biss mill-Qorti tal-Ġustizzja għal żbalji manifesti (45). L-ewwel nett, żbalji bħal dawn jiġu preżunti jekk il-Qorti Ġenerali tkun interpretat b’mod żbaljat il-portata tas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE (46), it-tieni nett, jekk ma tkunx eżaminat bir-reqqa l-aspetti rilevanti kollha (47) u, it-tielet nett, jekk tkun stabbilixxiet parametri legali żbaljati (48), mhux l-inqas fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament (49) u ta’ proporzjonalità (50).

83.      L-ilment imressaq mill-appellanti f’dan il-każ dwar approċċ wisq superfiċjali fir-rigward tal-“pleine juridiction” jaqa’ fl-ewwel waħda mill-kategoriji msemmija: fl-aħħar mill-aħħar il-Qorti Ġenerali hija akkużata li interpretat b’mod żbaljat il-portata tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE u b’dan il-mod ippreġudikat il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (51).

84.      Madankollu, fil-verità, il-Qorti Ġenerali indirizzat fid-dettall ħafna – f’iktar minn 60 punt tas-sentenza appellata – l-argumenti kollha skambjati fl-ewwel istanza bejn il-partijiet involuti fil-proċedura fir-rigward tal-kanċellament u tat-tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa.

85.      Il-fatt li, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ttrattat b’mod intensiv il-Linji Gwida tal-2006 (52), u stħarrġet jekk il-Kummissjoni wettqitx xi żbalji waqt l-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, huwa marbut mal-ilmenti li tressqu minn FSL, LVP u PFCI stess fl-ewwel istanza (53). Minn dan, bl-ebda mod ma jista’ jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ħasset li kienet marbuta bil-linji gwida msemmijin u li qieset lilha nfisha prekluża milli tmur lil hinn minn dawn il-linji gwida (54). Il-kritika tal-appellanti f’dan is-sens hija bbażata fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata.

86.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jidhru qed ifissru l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, lanqas ma kienet obbligata tistħarreġ il-multa imposta lil hinn mill-ilmenti u l-argumenti mressqin minn FSL, LVP u PFCI fil-proċedura fl-ewwel istanza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju (55).

87.      Finalment, dan jidher li huwa l-għan ewlieni tal-appellanti fil-kuntest ta’ dan it-tielet aggravju, li jiksbu l-istess tnaqqis ta’ 60 % tal-multa imposta li gawdew minnu, minħabba ċirkustanza attenwanti, il-parteċipanti fl-akkordju tal-banana tat-Tramuntana tal-Ewropa (56).

88.      Iżda l-Qorti Ġenerali spjegat fid-dettall għalfejn fil-fehma tagħha ma tteħidx inkunsiderazzjoni tali tnaqqis tal-multa fil-każ preżenti (57).

89.      Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (58).

90.      Għall-kuntrarju, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa, biss fil-każ “li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat” (59). Iżda l-appellanti ma ressqu l-ebda indikazzjoni speċifika għal dan (60).

91.      Konsegwentement, kollox ma’ kollox, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u lanqas bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant it-tielet aggravju huwa infondat.

D –    Fuq il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ir-raba’ aggravju)

92.      Bir-raba’ u l-aħħar aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin jindirizzaw il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Huma qegħdin jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li fil-punti 463 sa 474 – b’mod partikolari fil-punt 466 – tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li wasslet għal kwalifika żbaljata tal-fatti u ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża ta’ FSL, LVP u PFCI.

93.      Dan l-aggravju huwa mressaq b’mod iktar sussidjarju. Huwa għandu jiġi eżaminat billi, kif diġà ntwera, l-aggravji l-oħrajn kollha ma għandhom l-ebda ċans li jintlaqgħu.

94.      Essenzjalment, l-argument tal-appellanti jisħaq li l-Qorti Ġenerali ma analizzatx, fid-dettall mitlub, il-kuntest ekonomiku u legali li fih taqa’ l-prattika inkriminanti tal-partijiet involuti fl-akkordju.

1.      Ammissibbiltà

95.      Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tal-appellanti jikkostitwixxu lment ġdid li huwa inammissibbli, billi fil-proċedura fl-ewwel istanza FSL, LVP u PFCI kienu ddiskutew il-kuntest ekonomiku u ġuridiku biss fid-dawl ta’ effetti antikompetittivi eventwali tal-prattika inkriminanti tal-parteċipanti fl-akkordju, iżda mhux fid-dawl ta’ għan antikompetittiv.

96.      Madankollu, jidhirli li tali perspettiva hija wisq formalistika. Huwa minnu li l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u ma jistax jinkludi talbiet ġodda [Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja] (61). Madankollu, fil-limiti tas-suġġett tal-kawża eżistenti, l-appellanti jistgħu jressqu kull argument li huwa rilevanti (62), filwaqt li partikolarment ikomplu jiżviluppaw u jirfinaw l-argument tagħhom mill-ewwel istanza (63).

97.      Dan huwa l-każ hawnhekk. Is-suġġett tal-kawża tal-proċedura fl-ewwel istanza kien, b’mod ġenerali ħafna, l-imġiba antikompetittiva inkriminanti tal-parteċipanti fl-akkordju (64). Billi FSL, LVP u PFCI diġà kienu argumentaw quddiem il-Qorti Ġenerali – anki jekk superfiċjalment – dwar il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-aġir tagħhom, fl-istadju tal-appell huma jistgħu jerġgħu jaqbdu l-argument tagħhom f’dan ir-rigward u jidħlu iktar fil-fond mingħajr ma b’dan il-mod jiġi estiż is-suġġett tal-kawża.

98.      Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju huwa ammissibbli.

2.      Fondatezza

99.      Bażikament hemm qbil bejn il-partijiet fil-proċedura li l-għan antikompetittiv ta’ prattika għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE, inter alia fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih isseħħ din il-prattika (65). Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħed jiġi kkontestat biss jekk, fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali indirizzatx, b’mod suffiċjentement intensiv, proprju dan il-kuntest ekonomiku u ġuridiku.

100. Id-dettall li bih il-Qorti Ġenerali trid tindirizza l-kuntest ekonomiku u ġuridiku msemmi jiddependi esklussivament min-natura tal-prattika inkriminanti. F’każijiet li fihom l-għan antikompetittiv huwa partikolarment manifest, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku, li fih isseħħ il-prattika, naturalment, tista’ tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju (66).

101. Ikun jeżisti proprju tali għan antikompetittiv partikolarment manifest meta kompetituri jilħqu ftehimiet bejniethom dwar il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom (67) jew meta jiskambjaw informazzjoni sensittiva li hija rilevanti għall-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom (68). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, l-Artikolu 101 TFUE mhux biss jipprojbixxi koordinazzjoni tal-prezzijiet, iżda wkoll skambju ta’ informazzjoni sensittiva b’ħarsa lejn il-formazzjoni tal-prezz (69).

102. F’dan il-kuntest, fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li ma eżaminatx, b’mod suffiċjentement intensiv, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-prattika inkriminanti.

103. Id-differenza fundamentali bejn restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, tkun vaga li kieku l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati fl-Unjoni, li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni, jintalbu jeżaminaw b’mod intensiv il-kuntest ekonomiku u ġuridiku anki fil-każ ta’ prattiki kollużivi ta’ impriżi li n-natura antikompetittiva hija evidenti għall-aħħar.

104. Apparti minn hekk, l-ebda wieħed mill-elementi kuntestwali, li bihom l-appellanti qegħdin jipprovaw jirrappreżentaw in-nuqqas ta’ ħsara tal-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom għall-kompetizzjoni, ma huwa wisq konvinċenti.

105. Fl-ewwel lok, il-fatt li għall-banana tapplika organizzazzjoni tas-suq fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, ma jikkostitwixxix “liċenzja” għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet jew l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva rilevanti għall-prezz. Għall-kuntrarju, partikolarment f’suq li fih hemm biss marġni ristrett għal kompetizzjoni fid-dawl ta’ ndħil regolatorju, huwa importanti li l-kollużjoni kollha bejn l-impriżi, li tista’ sservi sabiex tkun ippreġudikata l-ftit kompetizzjoni li fadal, tiġi kkonfrontata b’mod determinat.

106. Fit-tieni lok, ma hijiex importanti l-frekwenza tal-iskambju tal-informazzjoni sensittiva fost il-kompetituri. Skont il-ġurisprudenza, anki skambju wieħed ta’ informazzjoni jifforma l-bażi għal konstatazzjoni ta’ ksur u l-impożizzjoni ta’ multa, jekk l-impriżi kkonċernati jibqgħu joperaw fis-suq wara dan l-iskambju ta’ informazzjoni (70). L-iktar l-iktar, l-ammont ta’ multa jista’ possibbilment jiddependi fuq il-frekwenza u r-regolarità tal-informazzjoni skambjata b’għan antikompetittiv (71).

107. Fit-tielet lok, ir-riferimenti tal-appellanti għad-daqs żgħir tagħhom u għas-sehem baxx tagħhom fis-suq tal-banana Ewropew ma jbiddlu xejn fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-aġir tagħhom. Dan għaliex ftehim li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu għan antikompetittiv jikkostitwixxi, min-natura tiegħu u indipendentement mill-impatti speċifiċi tiegħu, restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni (72). Il-projbizzjoni ta’ prattiki kollużivi antikompetittivi, kif stipulata fl-Artikolu 101 TFUE, tapplika għal impriżi żgħar u kbar kif ukoll għal swieq żgħar u kbar bl-istess mod.

108. Fl-aħħar mill-aħħar, lanqas il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi fil-fond tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-prattika inkriminanti ma jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża. Id-drittijiet tad-difiża (fil-proċedura amministrattiva) u l-prinċipju ta’ proċedura kontradittorja (fil-proċedura quddiem il-qorti) huma mħarsa jekk il-partijiet kollha involuti fil-proċedura kellhom opportunità suffiċjenti sabiex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom. Tali drittijiet proċedurali ma jistgħux ikunu ppreġudikati mis-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali sostanzjalment tasal għal konklużjoni differenti mill-konvinzjoni ta’ waħda jew iktar mill-partijiet involuti fil-proċedura. Dan għaliex l-evalwazzjoni sostantiva xierqa tal-prattika inkriminanti ma hijiex kwistjoni proċedurali, iżda waħda sostantiva.

109. Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad, ir-raba’ aggravju huwa infondat ukoll.

E –    Sommarju

110. Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-appellanti ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI – Spejjeż

111. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

112. Skont l-Artikolu 138(1) u (2) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu; jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż u peress li dawn tilfu l-argumenti tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom iħallsu dawn l-ispejjeż in solidum.

VII – Konklużjoni

113. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-appellanti għandhom ibatu l-ispejjeż tal-proċedura in solidum.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet adita bl-akkordju tal-banana tat-Tramuntana tal-Ewropa, skopert ftit tas-snin qabel, fis-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184), u tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416).


3      Guardia di Finanza.


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 7273 final, tat-12 ta’ Ottubru 2011, rigward proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE] (Każ COMP/39482 – Frott eżotiku [Banana], miġbura fil-qosor fil-ĠU 2012, C 64, p. 10), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.


5      Iktar ’il quddiem ilkoll flimkien imsejħa l-“appellanti”.


6      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


7      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”).


8      Punt 7 tas-sentenza appellata u l-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata.


9      Ara, fuq l-akkordju tal-banana tat-Tramuntana tal-Ewropa, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5955 final, tal-15 ta’ Ottubru 2008, rigward proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.188 – Banana, miġbura fil-qosor fil-ĠU 2009, C 189, p. 12).


10      Punt 22 tas-sentenza appellata kif ukoll il-premessi 94 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata.


11      Punt 24 tas-sentenza appellata kif ukoll il-premessi 209 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata.


12      Punt 23 tas-sentenza appellata kif ukoll il-premessi 188 u 195 tad-deċiżjoni kkontestata.


13      Punt 32 tas-sentenza appellata u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.


14      Apparti mill-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża, li ser nindirizza b’mod separat iktar ’l isfel (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 52 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


15      Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, EU:C:2007:490, punt 83), tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 45) u tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 151).


16      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C-217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57), tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 70), u tas-17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il-Kummissjoni (C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 26).


17      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 55), u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C-405/04 P, EU:C:2007:52).


18      Sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 49 u 63), u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C-498/11 P, EU:C:2013:866, punt 128).


19      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 62).


20      Punt 45 tas-sentenza appellata.


21      Fl-istess sens ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284), li tistabbilixxi li fl-Unjoni l-miżuri inkompatibbli mar-rispett tad-drittijiet fundamentali ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti bħala legali.


22      F’dan is-sens is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C-407/04 P, EU:C:2007:53, punt 63, l-aħħar sentenza), li tistabbilixxi li għandha tingħata attenzjoni jekk qorti nazzjonali tkunx iddikjarat illegali t-trażmissjoni tal-provi inkwistjoni lejn il-Kummissjoni.


23      Punti 80 u 81 tas-sentenza appellata.


24      Punti 82 sa 89 tas-sentenza appellata.


25      Anki l-Qorti Ġenerali qajmet dan l-aspett b’mod korrett (ara, b’mod partikolari, il-punt 78 fl-aħħar tiegħu u l-punt 79 tas-sentenza appellata).


26      Fuq l-importanza tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-funzjonament tas-suq intern, ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36), kif ukoll – ibbażati fuq is-sitwazzjoni legali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona – is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 20), u tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 60). In-neċessità tal-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 81 KE u 82 KE) ġiet enfasizzata reċentement, eż. fis-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, X BV (C‑429/07, EU:C:2009:359, punti 33 sa 35), tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 59), tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 19), u tat-18 ta’ Ġunju 2013, Schenker et (C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 46).


27      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T-50/00, EU:T:2004:220, punti 83 sa 91), ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 62 u 63).


28      Ara, b’mod fundamentali, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punti 17 u 18), u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C-244/99 P, C‑245/99 P, C-247/99 P, C‑250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punti 298 sa 300), li kull darba jirreferu għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17. Dik id-dispożizzjoni llum tikkorrispondi għall-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003.


29      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 64), tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 92), u tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 47).


30      Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 11), tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 66), tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 44), u tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 48).


31      Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 181 sa 184), tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 38), u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 27).


32      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 58 u 59).


33      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 60).


34      Sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 15), tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, EU:C:1989:387, punt 33), u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 63).


35      Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 61).


36      Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 19), u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 301); fl-istess sens – fil-każ oppost – ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C‑67/91, EU:C:1992:330, punti 42 u 43), u tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C‑36/92 P, EU:C:1994:205, punt 29).


37      Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T‑50/00, EU:T:2004:220, punti 83 sa 91), ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 62 u 63).


38      Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37), tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 37), tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17) u tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 51).


39      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 50 u 159), tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 16), u tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 32).


40      Punt 68 tas-sentenza appellata.


41      Ir-rekwiżiti dwar il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni jirriżultaw mill-punt 11(a) tal-Avviż tal-Kummissjoni, tal-2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).


42      Ara, b’mod partikolari, il-punti 121 sa 126 u 147 tas-sentenza appellata.


43      Sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 61), tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 47), u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 37).


44      Digriet tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il-Kummissjoni (C‑19/95 P, EU:C:1996:331, punti 39 u 40), kif ukoll is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C-205/02 P sa C‑208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 449, u tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 37)


45      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 365).


46      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2005:751, punt 137), Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 190) u Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:258, punt 112); fl-istess sens is-sentenzi Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 155 u 156) u Kone et vs Il-Kummissjoni (C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punti 40 u 42).


47      Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303) u Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).


48      Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303) u Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C-327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).


49      Sentenzi Weig vs Il-Kummissjoni (C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punti 63 u 68), Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 97 u 99) u Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58).


50      Sentenzi E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 165).


51      Sakemm l-Unjoni ma tkunx issieħbet fil-KEDB, l-Artikolu 6 tal-KEDB, invokat addizzjonalment mill-appellanti, ma jikkostitwixxix strument legali li jista’ jkun invokat immedjatament bħala standard għall-istħarriġ tal-legalità ta’ azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; għall-kuntrarju, għandu jsir użu biss mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44 u tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 32).


52      Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2).


53      Ara, pereżempju, il-punt 501 tas-sentenza appellata.


54      Kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa minnu li tali linji gwida jafu ma jkunux vinkolanti għall-ġudikatura, iżda minkejja dan il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jispiraw ruħhom minnhom meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom: sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 80), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90).


55      Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64), tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 85).


56      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 544 et seq. tas-sentenza appellata.


57      Punti 547 sa 554 tas-sentenza appellata.


58      Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 125), tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 81).


59      Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126), tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 205), tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 82), tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 73), u tal-14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni (C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 56).


60      Ara, fl-istess sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C-617/13 P, EU:C:2016:416, punt 83).


61      Ara, ukoll, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 45), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 58).


62      Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 66), u tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punti 41 u 42).


63      F’dan is-sens ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 39), u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 36); b’mod simili ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punti 59 sa 61).


64      Il-Qorti Ġenerali nfisha eżaminat il-kwistjoni ta’ għan antikompetittiv u l-kwistjoni ta’ effett antikompetittiv eżattament fl-istess taqsima tas-sentenza appellata (ara, f’dan ir-rigward, it-titolu qabel il-punt 463 ta’ dik is-sentenza).


65      Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 27), tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117), u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 27).


66      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 29).


67      Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair (123/83, EU:C:1985:33, punt 22), tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51), u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115).


68      Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 32 sa 37), u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 119 sa 124).


69      Ibid.


70      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 58 u 59); ara wkoll is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazione (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 121) u Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 162).


71      Ara, addizzjonalment, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punti 97 sa 107) u Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2014:2437, punt 125)


72      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 37).